Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kompli Ħarreġ is-Sensi Tiegħek

Kompli Ħarreġ is-Sensi Tiegħek

Kompli Ħarreġ is-​Sensi Tiegħek

KEMM hi ħaġa sabiħa li tara ġinnasta tas-​sengħa jagħmel movimenti grazzjużi b’aġilità! Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex iħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħhom sewwasew bħalma ġinnasta jħarreġ lilu nnifsu.

Fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej, l-​appostlu Pawlu kiteb: “L-​ikel solidu hu għan-​nies maturi, għal dawk li bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin [bħal ġinnasta] biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebr. 5:14) Pawlu għala ħeġġeġ lill-​Kristjan Ebrej biex iħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħhom sewwasew bħalma ġinnasta mħarreġ iħaddem il-​muskoli tiegħu? Kif nistgħu nħarrġu s-​sensi tagħna?

“Imisskom Sirtu Għalliema”

Meta spjega l-​pożizzjoni taʼ Ġesù bħala “qassis il-​kbir bl-​istess mod taʼ Melkisedek,” Pawlu kiteb: “[Dwar Ġesù] għandna ħafna affarijiet x’ngħidu u huma diffiċli biex tispjegahom ladarba sirtu tqal biex tisimgħu. Għax, tabilħaqq, għalkemm s’issa jmisskom sirtu għalliema, reġaʼ għandkom bżonn lil min jgħallimkom mill-​bidu l-​affarijiet elementari tad-​dikjarazzjonijiet sagri t’Alla; u sirtu teħtieġu l-​ħalib, mhux l-​ikel solidu.”—Ebr. 5:10-​12.

Milli jidher, xi Kristjani Lhud tal-​ewwel seklu ma kinux kabbru l-​fehma tagħhom u ma kinux għamlu progress spiritwali. Pereżempju, kien diffiċli għalihom biex jaċċettaw iktar dawl rigward il-​Liġi u ċ-​ċirkonċiżjoni. (Atti 15:1, 2, 27-​29; Gal. 2:11-​14; 6:12, 13) Xi wħud sabuha diffiċli biex jieqfu jieħdu sehem fi prattiki tradizzjonali li kienu assoċjati mas-​Sabat taʼ kull ġimgħa u maʼ Jum it-​Tpattija taʼ kull sena. (Kol. 2:16, 17; Ebr. 9:1-​14) Għalhekk, Pawlu inkuraġġiehom biex iħarrġu s-​sensi tagħhom biex ikunu jistgħu jagħrfu jagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin, u qalilhom biex ‘jirsistu lejn il-​maturità.’ (Ebr. 6:1, 2) It-​twissija tiegħu bilfors li qanqlet lil ċerti wħud biex jirriflettu dwar kif kienu qed jużaw l-​abbiltà tal-​ħsib tagħhom, u x’aktarx li għenithom jagħmlu progress spiritwali. Xi ngħidu għalina?

Ħarreġ is-​Sensi Tiegħek

Kif nistgħu nħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna sabiex insiru maturi spiritwalment? “Bl-​użu,” qal Pawlu. Bħall-​ġinnasti, li bl-​eżerċizzju jħarrġu l-​muskoli u l-​ġisem tagħhom biex jagħmlu movimenti sbieħ u komplikati, aħna għandna nħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna biex nagħrfu nagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.

“L-​eżerċizzju hu l-​unika u l-​aqwa ħaġa li tistaʼ tagħmel għal moħħok,” jgħid John Ratey, professur assoċjat kliniku tal-​psikjatrija fl-​Iskola Medika taʼ Harvard. Skont Gene Cohen, direttur taċ-​Ċentru tax-​Xjuħija, is-​Saħħa u l-​Umanitajiet fl-​Università taʼ George Washington, “meta nisfidaw lil moħħna, iċ-​ċelluli tal-​moħħ jiżviluppaw dendrites ġodda, u dan jirriżulta fi żjieda tas-​sinapsi, jew punti taʼ kuntatt.”

Għalhekk, inkunu għaqlin jekk inħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna u nżidu l-​għarfien tagħna dwar il-​Kelma t’Alla. Billi nagħmlu dan, inkunu armati aħjar biex nagħmlu ‘r-​rieda perfetta t’Alla.’—Rum. 12:1, 2.

Żviluppa Xewqa għall-​“Ikel Solidu”

Jekk għandna x-​xewqa li “nirsistu lejn il-​maturità,” irridu nistaqsu lilna nfusna: ‘Qed inkabbar il-​fehma tiegħi tal-​verità tal-​Bibbja? Oħrajn iqisuni bħala persuna matura spiritwalment?’ Omm tkun kuntenta tisqi lit-​tifel tagħha ħalib u titimgħu ikel tat-​trabi waqt li jkun għadu tarbija. Imma immaġina t-​tħassib tagħha jekk jgħaddu s-​snin u t-​tifel ma jikolx ikel solidu. B’mod simili, aħna nieħdu pjaċir naraw individwu li nistudjaw il-​Bibbja miegħu jagħmel progress sal-​punt li jiddedika lilu nnifsu u jitgħammed. Però, xi ngħidu jekk l-​individwu mbagħad ma jagħmilx progress spiritwali? Ma jkunx skuraġġanti dan? (1 Kor. 3:1-​4) L-​għalliem jittama li maż-​żmien id-​dixxiplu l-​ġdid ukoll isir għalliem.

Li nużaw is-​sensi tagħna biex nirraġunaw dwar kwistjonijiet jirrikjedi l-​meditazzjoni, u dan jinvolvi sforz. (Salm 1:1-​3) M’għandniex inħallu aljenazzjonijiet—bħal li naraw it-​televixin jew nagħmlu xi passatempi, li ma jirrikjedux li nħaddmu moħħna ħafna—iwaqqfuna milli nirriflettu fuq affarijiet sinifikanti. Sabiex niżviluppaw l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna, huwa neċessarju li niżviluppaw u naqtgħu x-​xewqa għal studju tal-​Bibbja u tal-​pubblikazzjonijiet tal-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-​47) Minbarra programm regulari taʼ qari persunali tal-​Bibbja huwa importanti li nwarrbu l-​ħin għall-​Qima tal-​Familja u għal studju profond taʼ suġġetti Bibliċi.

Jerónimo, indokratur li jivvjaġġa fil-​Messiku, jgħid li jistudja kull ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa malli ssir disponibbli. Iwarrab il-​ħin ukoll biex jistudja flimkien maʼ martu. Jerónimo jgħid, “Bħala koppja għandna d-​drawwa li kuljum naqraw il-​Bibbja flimkien, u nużaw ċerti għajnuniet bħall-​browxer ‘Good Land’.” Kristjan jismu Ronald isemmi li dejjem iżomm ruħu aġġornat mal-​qari tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni. Għandu wkoll proġett taʼ studju persunali jew tnejn biex jagħmilhom fuq tul taʼ żmien. “Dawn il-​proġetti jġegħluni nħares ’il quddiem għall-​istudju li jkun imissni,” jgħid Ronald.

Xi ngħidu għalina? Qed niddedikaw biżżejjed ħin għall-​istudju tal-​Bibbja u għall-​meditazzjoni tal-​Kelma t’Alla? Qed inħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna u qed niksbu l-​esperjenza f’li nieħdu deċiżjonijiet fi qbil mal-​prinċipji Skritturali? (Prov. 2:1-​7) Jalla tkun il-​mira tagħna li nkunu individwi maturi spiritwalment, imberkin bl-​għarfien u bl-​għerf li għandhom dawk li s-​sensi tagħhom huma mħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin!

[Stampa f’paġna 23]

Inħarrġu l-​abbiltà tal-​ħsib tagħna “bl-​użu”