Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ladarba Ġeħova jipprojbixxi l-idolatrija, għala ma kkastigax lil Aron talli għamel l-għoġol tad-deheb?
Meta Aron għamel l-għoġol tad-deheb, bħalma nsibu f’Eżodu kapitlu 32, hu kiser il-liġi t’Alla dwar l-idolatrija. (Eżo. 20:3-5) Minħabba f’hekk, “Ġeħova tgħaddab [għal Aron] tant li ried iġibu fix-xejn; imma [Mosè talab] bil-ħerqa wkoll għal Aron f’dak iż-żmien partikulari.” (Dt. 9:19, 20) Kellu t-talb bil-ħerqa tar-raġel ġust Mosè “qawwa kbira” fil-każ taʼ Aron? (Ġak. 5:16) Iva. Minħabba dan it-talb bil-ħerqa u minn tal-inqas minħabba żewġ raġunijiet oħrajn, jidher li Ġeħova wieġeb it-talb taʼ Mosè u ma kkastigax lil Aron.
Raġuni waħda milli jidher kellha x’taqsam mar-reputazzjoni taʼ fedeltà taʼ Aron. Meta Mosè ġie inkarigat biex jidher quddiem il-Fargħun u biex joħroġ lill-Israelin mill-Eġittu, Ġeħova ħatar lil Aron biex imur maʼ Mosè u biex jitkellem bħala r-rappreżentant tiegħu. (Eżo. 4:10-16) Dawn iż-żewġt irġiel b’mod ubbidjenti dehru quddiem is-sultan tal-Eġittu ħafna drabi, u kienu huma li kellhom jissaportu l-iktar il-qalb iebsa tal-Fargħun. Għalhekk, filwaqt li kien għadu l-Eġittu, Aron bena reputazzjoni taʼ servizz leali u sod lil Ġeħova.—Eżo. 4:21.
Ikkunsidra wkoll dak li wassal lil Aron biex jagħmel l-għoġol tad-deheb. Mosè kien fuq il-Muntanja Sinaj għal 40 jum. Meta “n-nies raw li Mosè kien qed jieħu żmien twil biex jinżel minn fuq il-muntanja,” huma pperswadew lil Aron biex jagħmlilhom idolu. Aron ikkoopera u għamel statwa taʼ għoġol tad-deheb. (Eżo. 32:1-6) Madankollu, l-azzjonijiet taʼ wara taʼ Aron juru li ma kienx verament japprova din l-idolatrija. Milli jidher ċeda għall-pressjoni. Pereżempju, meta Mosè ġab il-kwistjoni tal-idolatrija f’quċċata drammatika, l-ulied kollha taʼ Levi—inkluż Aron—b’mod sod żammew man-naħa taʼ Ġeħova. Tlett elef idolatru li kellhom ir-responsabbiltà primarja għall-kondotta idolatruża nqatlu.—Eżo. 32:25-29.
Wara dan, Mosè qal lin-nies: “Intom għamiltu dnub kbir.” (Eżo. 32:30) B’hekk, Aron ma kienx l-uniku wieħed li kien ħati tal-ħażen. Kemm hu kif ukoll in-nies ibbenefikaw mill-ħniena kbira taʼ Ġeħova.
Wara l-ġrajja tal-għoġol tad-deheb, Ġeħova kkmanda li Aron jinħatar bħala qassis il-kbir. “Lil Aron libbsu l-ilbies qaddis u idilku u qaddsu,” qal Alla lil Mosè, “u b’hekk jaqdi bħala qassis għalija.” (Eżo. 40:12, 13) Evidentement, Ġeħova ħafer lil Aron għad-dgħufija tiegħu. F’qalbu, Aron kien jappoġġa lealment il-qima vera, u ma kienx ribell idolatruż.