Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nisa, Għala Għandkom Tkunu Sottomessi?

Nisa, Għala Għandkom Tkunu Sottomessi?

Nisa, Għala Għandkom Tkunu Sottomessi?

“Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel.”—1 KOR. 11:3.

1, 2. (a) L-​appostlu Pawlu x’kiteb dwar l-​arranġament tal-​istat taʼ kap u tas-​sottomissjoni li għamel Ġeħova? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

 L-​APPOSTLU Pawlu semma li Ġeħova stabbilixxa arranġament bl-​ordni. Hu kiteb li “l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu” u “l-​kap tal-​Kristu hu Alla.” (1 Kor. 11:3) L-​artiklu taʼ qabel semma li Ġesù ħassu privileġġat u ferħan li jkun sottomess lejn il-​Kap tiegħu, Alla Ġeħova. Semma wkoll li l-​irġiel Kristjani għandhom lil Kristu bħala l-​kap tagħhom. Kristu kien jittratta lin-​nies b’qalb tajba, b’ġentilezza, b’mogħdrija, u bla egoiżmu. L-​irġiel fil-​kongregazzjoni għandhom jaġixxu b’dan il-​mod ma’ oħrajn, speċjalment man-​nisa tagħhom.

2 Imma xi ngħidu għan-​nisa? Min hu l-​kap tagħhom? Pawlu kiteb: “Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel.” In-​nisa kif għandhom iħarsu lejn din l-​istqarrija ispirata? Dan il-​prinċipju xorta japplika meta r-​raġel ma jkunx tal-​istess twemmin? Tfisser is-​sottomissjoni tal-​mara lejn ir-​raġel bħala l-​kap tagħha li l-​mara għandha tibqaʼ siekta fiż-​żwieġ minħabba li ma jkollhiex dritt tagħti l-​opinjoni tagħha fid-​deċiżjonijiet li jsiru? Mara b’liema mod tirbaħ it-​tifħir?

“Se Nagħmillu Għajnuna”

3, 4. L-​arranġament taʼ kap fiż-​żwieġ għala hu taʼ benefiċċju?

3 L-​arranġament tal-​istat taʼ kap joriġina minn Alla. Wara li ħalaq lil Adam, Alla Ġeħova żied jgħid: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” Wara li ġiet maħluqa Eva, Adam tant kien ferħan li kellu sieħba u għajnuna li qal: “Sa fl-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi.” (Ġen. 2:18-​24) Adam u Eva kellhom il-​prospett meraviljuż li jsiru l-​ġenituri tar-​razza umana kollha, magħmula minn nies perfetti li kellhom jgħixu ferħanin għal dejjem f’ġenna tal-​art mad-​dinja kollha.

4 Minħabba li l-​ewwel ġenituri tagħna rribellaw, intilfet il-​kundizzjoni perfetta li kien hemm fil-​ġnien tal-​Għeden. (Aqra Rumani 5:12.) Imma Alla xorta waħda baqaʼ jqis lir-​raġel bħala l-​kap tal-​mara. Meta r-​raġel ikun kap tajjeb, u meta l-​mara tissottometti ruħha lejn il-​kap tagħha, ikun hemm bosta benefiċċji u ferħ fiż-​żwieġ. Ir-​riżultat se jkun simili għal mod kif ħassu Ġesù dwar li jkun sottomess lejn il-​Kap tiegħu, Ġeħova. Fil-​ħajja tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù kien ‘jieħu pjaċir quddiem [Ġeħova] l-​ħin kollu.’ (Prov. 8:30) Minħabba l-​imperfezzjoni, l-​irġiel m’għadx għandhom l-​abbiltà li jkunu kapijiet perfetti, u n-​nisa ma jistgħux juru sottomissjoni perfetta. Madankollu, meta l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin ikomplu jaħdmu biex jagħmlu l-​aħjar li jistgħu, dan l-​arranġament iwassal għall-​akbar kuntentizza possibbli fiż-​żwieġ fiż-​żmien li qed ngħixu fih.

5. L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala għandhom jieħdu bis-​serjetà l-​parir li nsibu f’​Rumani 12:10?

5 Sabiex iż-​żwieġ jirnexxi hu vitali li l-​imseħbin fiż-​żwieġ japplikaw il-​parir Skritturali mmirat għall-​Kristjani kollha: “Ħa jkollkom affezzjoni tenera lejn xulxin bi mħabba lejn l-​aħwa. Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) Ukoll, kemm ir-​raġel u kemm il-​mara għandhom jaħdmu iebes biex ‘ikunu qalbhom tajba ma’ xulxin, jagħdru b’tenerezza, u jaħfru lil xulxin mill-​qalb.’—Efes. 4:32.

Meta l-​Miżżewġin Ma Jkunux tal-​Istess Twemmin

6, 7. X’jistaʼ jkun ir-​riżultat jekk mara Kristjana tkun sottomessa lejn ir-​raġel tagħha li ma jkunx tal-​istess twemmin?

6 Imma xi ngħidu jekk xi ħadd mill-​imseħbin fiż-​żwieġ ma jkunx qaddej taʼ Ġeħova? Ġeneralment ikun ir-​raġel li ma jemminx. F’dan il-​każ, martu kif għandha tittrattah? Il-​Bibbja twieġeb: “Intom in-​nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-​kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-​kondotta tan-​nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-​kondotta safja tagħkom flimkien mar-​rispett profond.”—1 Pt. 3:1, 2.

7 Il-​Kelma t’Alla tgħid li l-​mara miżżewġa għandha tibqaʼ sottomessa lejn ir-​raġel tagħha li ma jkunx tal-​istess twemmin. Il-​kondotta tajba tagħha tistaʼ tinfluwenzah biex jikkunsidra x’jimmotivaha biex taġixxi b’attitudni tajba bħal din. B’hekk, ir-​raġel jistaʼ jieħu interess fit-​twemmin tal-​mara Kristjana tiegħu u bil-​mod il-​mod jaċċetta l-​verità hu stess.

8, 9. Mara Kristjana x’tistaʼ tagħmel jekk ir-​raġel li ma jkunx tal-​istess twemmin ma jwiġibx b’mod favorevoli għall-​kondotta tajba tagħha?

8 Iżda, xi ngħidu jekk ir-​raġel, li ma jkunx tal-​istess twemmin, ma jwiġibx b’mod favorevoli? L-​Iskrittura tħeġġeġ lill-​mara li taqdi lil Ġeħova biex dejjem turi kwalitajiet Kristjani, ikun kemm ikun diffiċli li tagħmel dan. Pereżempju, fl-​1 Korintin 13:4 naqraw: “L-​imħabba tistabar fit-​tul.” Għalhekk, mara Kristjana tagħmel tajjeb li tkompli ġġib ruħha “b’umiltà sħiħa u ħlewwa, b’sabar fit-​tul,” billi tissaporti s-​sitwazzjoni li tkun fiha bl-​imħabba. (Efes. 4:2) Bl-​għajnuna tal-​forza attiva t’Alla—l-​ispirtu qaddis tiegħu—hu possibbli li persuna tibqaʼ turi kwalitajiet Kristjani saħansitra f’ċirkustanzi diffiċli.

9 Pawlu kiteb: “Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.” (Flp. 4:13) L-​ispirtu t’Alla jgħin lill-​parti fiż-​żwieġ li tkun Kristjana tagħmel ħafna affarijiet li ma jkunx possibbli li tagħmilhom mingħajr l-​ispirtu t’Alla. Pereżempju, jekk ir-​raġel jittratta bl-​aħrax lil martu, hi tistaʼ tiġiha t-​tentazzjoni biex tpattihielu. Madankollu, il-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani kollha: “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara. . . . Għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’” (Rum. 12:17-​19) Bl-​istess mod, l-​1 Tessalonikin 5:15 jagħtina l-​parir: “Araw li ħadd ma jrodd ħsara bi ħsara lil ħaddieħor, imma dejjem fittxu l-​ġid taʼ xulxin u taʼ kulħadd.” Bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, dak li hu impossibbli li nagħmlu bis-​saħħa tagħna stess, isir possibbli. Kemm ikun xieraq li nitolbu għall-​ispirtu qaddis t’Alla biex jagħtina dak li m’għandniex!

10. Ġesù kif irreaġixxa għall-​kliem u l-​azzjonijiet xejn sbieħ taʼ oħrajn?

10 Ġesù ħallielna eżempju mill-​aqwa fil-​mod kif ittratta lil dawk li qalulu jew għamlulu affarijiet xejn sbieħ. L-​1 Pietru 2:23 jgħid: “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.” Aħna niġu mħeġġin biex nimxu wara l-​eżempju mill-​aqwa tiegħu. M’għandniex inħallu l-​imġiba ħażina taʼ oħrajn tipprovokana. Bħalma jiġu mwissijin il-​Kristjani kollha, għandna ‘nagħdru b’tenerezza, nkunu umli, u ma npattux ħsara bi ħsara jew tgħajjir b’tgħajjir.’—1 Pt. 3:8, 9.

Għandha l-​Mara Tibqaʼ Dejjem Siekta?

11. Xi nisa Kristjani f’liema privileġġ kbir se jkollhom sehem?

11 Tfisser is-​sottomissjoni tal-​mara lejn ir-​raġel bħala l-​kap tagħha li l-​mara għandha tibqaʼ siekta fiż-​żwieġ minħabba li ma jkollhiex dritt tagħti l-​opinjoni dwar xi kwistjoni fil-​familja jew dwar suġġetti oħrajn? Lanqas xejn. In-​nisa, kif ukoll l-​irġiel, jingħataw ħafna privileġġi minn Ġeħova. Aħseb ftit dwar l-​unur kbir li għandhom il-​144,000 individwu li jkunu slaten u qassisin fis-​sema taħt Kristu meta jibda l-​ħakma tiegħu għal fuq din l-​art! Dan in-​numru jinkludi lin-​nisa. (Gal. 3:26-​29) B’mod ċar, Ġeħova ta lin-​nisa rwol attiv fl-​arranġament tiegħu taʼ affarijiet.

12, 13. Agħti eżempju li juri li n-​nisa kienu jipprofetizzaw.

12 Pereżempju, fi żminijiet Bibliċi n-​nisa kienu jipprofetizzaw. Ġoel 2:28, 29 bassar: “Jien inferra’ l-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw. . . . Saħansitra fuq il-​qaddejja rġiel u nisa nferra’ l-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem.”

13 Fost il-​120 dixxiplu taʼ Ġesù li kienu miġburin f’kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., kien hemm nisa kif ukoll irġiel. L-​ispirtu t’Alla ġie msawwab fuq il-​grupp kollu kemm hu. Għalhekk, Pietru setaʼ jikkwota dak li kien bassar minn qabel il-​profeta Ġoel u japplikah kemm għall-​irġiel u kemm għan-​nisa. Pietru qal: “Dan hu li ntqal permezz tal-​profeta Ġoel, ‘U fl-​aħħar jiem,’ jgħid Alla, ‘inferra’ ftit mill-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw . . . ; u saħansitra fuq l-​ilsiera tiegħi, irġiel u nisa, inferra’ ftit mill-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem, u huma jipprofetizzaw.’”—Atti 2:16-​18.

14. In-​nisa x’sehem kellhom f’li jxerrdu l-​Kristjanità tal-​bidu?

14 Fl-​ewwel seklu, in-​nisa kellhom sehem sinifikanti f’li jxerrdu l-​Kristjanità. Huma kienu jippritkaw lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla u jagħmlu affarijiet relatati ma’ dan ix-​xogħol tal-​ippritkar. (Lq. 8:1-​3) Pereżempju, l-​appostlu Pawlu semma li Febe “qed taqdi fil-​kongregazzjoni li hemm f’Kenkre.” U meta bagħat iselli għall-​ħaddiema sħabu, Pawlu semma għadd taʼ nisa leali, inkluż lil “Trifena u Trifosa, nisa li qed jaħdmu iebes fil-​Mulej.” Hu semma wkoll lil “Persi, il-​maħbuba tagħna, għax hi tħabtet ħafna fil-​Mulej.”—Rum. 16:1, 12.

15. In-​nisa x’sehem għandhom f’li jxerrdu l-​Kristjanità fi żmienna?

15 Fi żmienna, għadd ġmielu mis-​seba’ miljun ruħ u fuqhom, li qed jippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla madwar id-​dinja, huma nisa taʼ kull età. (Mt. 24:14) Ħafna minnhom huma ministri full-​time, missjunarji, u membri tal-​familji Betel. Is-​salmista David kanta: “Ġeħova joħroġ il-​kelma; in-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.” (Salm 68:11) Kemm wera li hu minnu dan il-​kliem! Ġeħova japprezza s-​sehem li jagħtu n-​nisa fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba u fit-​twettiq tal-​iskopijiet tiegħu. Is-​sottomissjoni li jeħtieġ Ġeħova min-​nisa Kristjani żgur li ma tfissirx li jibqgħu dejjem siekta.

Żewġ Nisa li Ma Baqgħux Siekta

16, 17. L-​eżempju taʼ Sara kif juri li n-​nisa m’għandhomx dejjem jibqgħu siekta fiż-​żwieġ?

16 Ladarba Ġeħova jagħti ħafna privileġġi lin-​nisa, m’għandhomx l-​irġiel miżżewġin jiddiskutu man-​nisa tagħhom qabel ma jieħdu deċiżjonijiet serji? Ikun għaqli min-​naħa tagħhom li jagħmlu dan. L-​Iskrittura ssemmi bosta ġrajjiet fejn in-​nisa miżżewġin tkellmu jew aġixxew saħansitra mingħajr ma ġew mitlubin minn żwieġhom biex jagħtu l-​opinjonijiet tagħhom. Ejja nikkunsidraw żewġ każi.

17 Sara, mart il-​patrijarka Abraham, baqgħet tgħidlu biex ikeċċi lit-​tieni mara tiegħu u lil binha minħabba n-​nuqqas taʼ rispett li wrew. “Din il-​ħaġa m’għoġbitu xejn lil Abraham”—imma lil Alla għoġbitu. Ġeħova qal lil Abraham: “Tħallihx idejqek dak li qed tgħidlek Sara dwar it-​tifel u dwar l-​ilsira tiegħek. Ismaʼ minn kliemha.” (Ġen. 21:8-​12) Abraham obda minn Ġeħova, semaʼ minn Sara, u għamel dak li talbitu.

18. Abigajl liema inizjattiva ħadet?

18 Ukoll, aħseb ftit dwar Abigajl, mart Nabal. Meta kien qed jaħrab mis-​Sultan Sawl, li kien għajjur, David qattaʼ xi żmien ikkampjat qrib l-​imrieħel taʼ Nabal. Minflok ma ħa mill-​ħafna affarijiet li kellu dan ir-​raġel sinjur, David u l-​irġiel tiegħu pproteġewlu l-​proprjetà. Madankollu, Nabal “kien aħrax u ħażin f’għemilu” u kien “għajjat” mal-​irġiel taʼ David. Hu kien raġel “li m’hu tajjeb għal xejn,” u li “jaġixxi bla sens.” Meta l-​irġiel taʼ David b’rispett talbuh xi provvisti, Nabal irrifjuta. Abigajl kif irreaġixxiet meta semgħet b’dak li kien ġara? Mingħajr ma qalet xejn lil Nabal “qabdet u ħadet mitejn ħobża, żewġ ġarar kbar inbid, ħames nagħġiet imħejjijin tajjeb, ħames seat qmuħ inkaljati, mitt ċappa żbib, u mitejn ċappa tin pressat” u tathom lil David u lill-​irġiel tiegħu. Għamlet sew Abigajl? Il-​Bibbja tgħid li “Ġeħova laqat lil Nabal, u dan miet.” Wara xi żmien, David iżżewweġ lil Abigajl.—1 Sam. 25:3, 14-​19, 23-​25, 38-​42.

‘Il-​Mara li Tirbaħ it-​Tifħir’

19, 20. X’jagħmilha taʼ min ifaħħarha lill-​mara?

19 L-​Iskrittura tfaħħar lill-​mara li tagħmel l-​affarijiet kif irid Ġeħova. Il-​ktieb Bibliku tal-​Proverbji jfaħħar lill-​“mara kapaċi” u jgħid: “Hi tiswa ferm iżjed mill-​qroll. Qalb sidha tafda fiha, u l-​ebda ġid ma jonqsu. Hi ppremjatu bit-​tajjeb, u mhux bil-​ħażin, il-​jiem kollha taʼ ħajjitha.” Iktar minn hekk, hi “fetħet fommha bl-​għerf, u l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba tinsab fuq ilsienha. Tieħu ħsieb dak li jiġri f’darha, u ħobż l-​għażż ma tiklux. Uliedha qamu u sejħulha hienja; sidha jqum u jfaħħarha.”—Prov. 31:10-​12, 26-​28.

20 X’jagħmilha taʼ min ifaħħarha lill-​mara? Proverbji 31:30 jgħid: “Il-​ġmiel jistaʼ jkun falz, u s-​sbuħija tistaʼ tkun fiergħa; imma l-​mara li tibżaʼ minn Ġeħova hi dik li tirbaħ it-​tifħir.” Il-​biżaʼ taʼ Ġeħova ifisser ukoll il-​bżonn li turi s-​sottomissjoni minn rajha lejn l-​arranġament divin tal-​istat taʼ kap. “Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel,” sewwasew bħalma “l-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu,” u “l-​kap tal-​Kristu hu Alla.”—1 Kor. 11:3.

Kun Grat għall-​Għotja Mingħand Alla

21, 22. (a) Il-​Kristjani miżżewġin liema raġunijiet għandhom biex ikunu grati għall-​għotja taż-​żwieġ mingħand Alla? (b) Għala għandna nuru rispett għall-​arranġamenti tal-​awtorità u tal-​istat taʼ kap li għamel Ġeħova? (Ara l-​kaxxa f’paġna 17.)

21 Kemm għandhom għal xiex ikunu grati lejn Alla l-​Kristjani li ngħaqdu fiż-​żwieġ! Jistgħu, biex ngħidu hekk, jimxu id f’id ferħanin bħala koppja miżżewġa. Għandhom għal xiex ikunu grati lejn Alla b’mod speċjali għall-​għotja mbierka taż-​żwieġ minħabba li din tagħtihom l-​opportunità li jkunu kumpliment għal xulxin u li jimxu ma’ Ġeħova. (Rut 1:9; Mik. 6:8) Hu, bħala l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, jaf eżattament x’hemm bżonn sabiex ikun hemm l-​hena fiż-​żwieġ. Dejjem agħmlu l-​affarijiet kif jogħġbu lilu, u ‘l-​ferħ taʼ Ġeħova jkun il-​fortizza tagħkom,’ saħansitra fid-​dinja tal-​lum li hi mimlija inkwiet.—Neħ. 8:10.

22 Raġel Kristjan li jħobb lil martu bħalma jħobb lilu nnifsu, ikun kap li juri tenerezza u konsiderazzjoni. Martu, li jkollha l-​biżaʼ t’Alla, tkun tassew taʼ min iħobbha għax tappoġġah u turih rispett profond. Imma l-​iktar ħaġa importanti hi li ż-​żwieġ eżemplari tagħhom jonora lil Dak li jixraqlu tifħir, Alla tagħna Ġeħova.

Tiftakar Int?

• X’inhu l-​arranġament tal-​istat taʼ kap u tas-​sottomissjoni li għamel Ġeħova?

• L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala għandhom jonoraw lil xulxin?

• Mara Kristjana kif għandha tittratta lil żewġha li ma jkunx tal-​istess twemmin?

• L-​irġiel għala għandhom jiddiskutu man-​nisa tagħhom qabel ma jieħdu deċiżjonijiet serji?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 17]

Għala Għandek Turi Rispett għall-​Awtorità?

Fost il-​ħlejjaq intelliġenti, Ġeħova stabbilixxa l-​arranġamenti tal-​awtorità u tal-​istat taʼ kap. Dan sar għall-​ġid kemm tal-​ħlejjaq spirti kif ukoll tal-​bnedmin. Dan jagħtihom l-​opportunitajiet li jeżerċitaw il-​libertà tal-​għażla tagħhom u li jonoraw lil Alla billi jaqduh għalenija f’unita.—Salm 133:1.

Il-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin tirrikonoxxi li Ġesù Kristu għandu l-​awtorità u l-​irwol taʼ kap. (Efes. 1:22, 23) Peress li jirrikonoxxi l-​awtorità taʼ Ġeħova, eventwalment “l-​Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.” (1 Kor. 15:27, 28) Kemm hu xieraq, mela, li l-​bnedmin dedikati lil Alla jikkooperaw mal-​arranġament tal-​istat taʼ kap fil-​kongregazzjoni u fil-​familja! (1 Kor. 11:3; Ebr. 13:17) Jekk nagħmlu hekk, aħna se nibbenefikaw bħala wħud li nirċievu l-​approvazzjoni u l-​barka taʼ Ġeħova.—Is. 48:17.

[Stampa f’paġna 13]

It-​talb jistaʼ jgħin lil Kristjana miżżewġa turi kwalitajiet li jogħġbu lil Alla

[Stampi f’paġna 15]

Ġeħova japprezza s-​sehem li jagħtu n-​nisa biex javanzaw l-​interessi tas-​Saltna