Tnikkitx l-Ispirtu Qaddis taʼ Ġeħova
Tnikkitx l-Ispirtu Qaddis taʼ Ġeħova
“Tnikktux l-ispirtu qaddis t’Alla, li bis-siġill tiegħu ġejtu mmarkati.”—EFES. 4:30.
1. Ġeħova x’għamel għal miljuni taʼ nies, u liema dmir għandhom?
ĠEĦOVA għamel xi ħaġa speċjali għal miljuni taʼ nies li qed jgħixu f’din id-dinja mimlija inkwiet. Għamilhielhom possibbli li jersqu qrib lejh permezz tal-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu. (Ġw. 6:44) Int wieħed jew waħda minn dawn l-individwi jekk iddedikajt ruħek lil Alla u qed tgħix fi qbil maʼ din id-dedikazzjoni. Bħala individwu li tgħammidt fl-isem tal-ispirtu qaddis, għandek id-dmir li taġixxi f’armonija maʼ dan l-ispirtu.—Mt. 28:19.
2. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 Aħna li ‘niżirgħu għall-ispirtu’ nilbsu l-personalità l-ġdida. (Gal. 6:8; Efes. 4:17-24) Imma l-appostlu Pawlu jagħtina xi pariri u jwissina biex ma nnikktux l-ispirtu qaddis t’Alla. (Aqra Efesin 4:25-32.) Issa se neżaminaw mill-qrib il-pariri tal-appostlu. X’ried ifisser Pawlu meta tkellem dwar li wieħed inikket l-ispirtu t’Alla? Wieħed li hu dedikat lil Ġeħova kif qatt jistaʼ jagħmel ħaġa bħal din? Kif nistgħu nevitaw li nnikktu l-ispirtu taʼ Ġeħova?
X’Ried Ifisser Pawlu
3. Kif tispjega xi jfisser il-kliem dokumentat f’Efesin 4:30?
3 L-ewwel nett, innota l-kliem taʼ Pawlu dokumentat f’Efesin 4:30. Hu kiteb: “Tnikktux l-ispirtu qaddis t’Alla, li bis-siġill tiegħu ġejtu mmarkati għal jum il-ħelsien bil-fidwa.” Pawlu ma riedx li l-għeżież sħabu fit-twemmin jipperikolaw l-ispiritwalità tagħhom. Kien bl-ispirtu taʼ Ġeħova li kienu ġew ‘immarkati bis-siġill tiegħu għal jum il-ħelsien bil-fidwa.’ L-ispirtu qaddis t’Alla kien u għadu siġill, jew “garanzija [bil-quddiem] taʼ dak li għandu jiġi” għall-midlukin li jżommu l-integrità. (2 Kor. 1:22) Is-siġill jissinifika li huma t’Alla u li se jirċievu l-ħajja fis-sema. Dawk li fl-aħħar jiġu mmarkati bis-siġill jgħoddu 144,000.—Riv. 7:2-4.
4. Għala hu importanti li nevitaw li nnikktu l-ispirtu t’Alla?
4 L-ewwel pass li jwassal biex l-influwenza tal-forza attiva t’Alla tintilef totalment fil-ħajja taʼ Kristjan jistaʼ jkun li jnikket l-ispirtu. Li dan hu possibbli jidher ċar minn dak li qal David wara li kien dineb b’konnessjoni maʼ Bat-seba. David bi ndiema talab bil-ħrara lil Ġeħova: “Twarrabnix minn quddiem wiċċek; u l-ispirtu qaddis tiegħek tneħħihx minn fuqi.” (Salm 51:11) Dawk il-midlukin biss li jagħtu prova ‘tal-fedeltà tagħhom sal-mewt’ se jirċievu l-“kuruna” tal-ħajja immortali fis-sema. (Riv. 2:10; 1 Kor. 15:53) Il-Kristjani b’tama għall-art ukoll għandhom bżonn l-ispirtu qaddis jekk iridu jżommu l-integrità tagħhom lejn Alla u jirċievu l-għotja tiegħu tal-ħajja fuq il-bażi taʼ fidi fis-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. (Ġw. 3:36; Rum. 5:8; 6:23) Għaldaqstant, ilkoll kemm aħna rridu ngħassu kontra li nnikktu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.
Kristjan Kif Jistaʼ Jnikket l-Ispirtu?
5, 6. Kristjan kif jistaʼ jnikket l-ispirtu taʼ Ġeħova?
5 Bħala Kristjani dedikati, aħna nistgħu nevitaw li nnikktu l-ispirtu. Dan hu possibbli jekk ‘nibqgħu mexjin u ngħixu bl-ispirtu,’ għax imbagħad ma ningħelbux minn xewqat ħżiena tal-laħam u ma nurux karatteristiki mill-agħar. (Gal. 5:16, 25, 26) Imma dan jistaʼ jinbidel. Nistgħu sa ċertu punt innikktu l-ispirtu t’Alla billi nħallu lilna nfusna nersqu bil-mod il-mod, forsi billi lanqas biss nindunaw, lejn kondotta kundannata fil-Kelma mnebbħa mill-ispirtu t’Alla.
6 Kieku kellna naġixxu kontinwament kontra d-direzzjoni tal-ispirtu qaddis, kieku nkunu qed innikktu l-ispirtu u lil Ġeħova, is-Sors taʼ dan l-ispirtu. Eżaminar taʼ Efesin 4:25-32 se jurina kif għandna nġibu ruħna, u jistaʼ jgħinna nevitaw li nnikktu l-ispirtu t’Alla.
Kif Nevitaw li Nnikktu l-Ispirtu
7, 8. Spjega għala rridu ngħidu l-verità.
7 Irridu ngħidu l-verità. Skont Efesin 4:25, Pawlu kiteb: “Issa li warrabtu l-gideb, għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu, għax aħna membri taʼ xulxin.” Ladarba aħna magħqudin bħala “membri taʼ xulxin,” ċertament li m’għandniex inqarrqu jew nipprovaw niżvijaw apposta lill-aduraturi sħabna, għax dan hu l-istess bħallikieku qed nigdbulhom. Kull min jippersisti f’aġir bħal dan jispiċċa biex ma jkollu ebda relazzjoni m’Alla.—Aqra Proverbji 3:32.
8 Kliem u azzjonijiet qarriqin jistgħu jfixklu l-unità tal-kongregazzjoni. Għalhekk, għandna nkunu bħall-profeta Danjel, li kien taʼ min jafdah u li oħrajn ma setgħu jsibu ebda korruzzjoni fih. (Dan. 6:4) U għandna nżommu f’moħħna l-parir taʼ Pawlu lill-Kristjani b’tama għas-sema, li kull membru tal-“ġisem tal-Kristu” huwa tal-oħrajn kollha u għandu bżonn jibqaʼ magħqud mas-segwaċi midlukin taʼ Ġesù li jgħidu l-verità. (Efes. 4:11, 12) Jekk nittamaw li se ngħixu għal dejjem fuq l-art magħmula Ġenna, aħna wkoll irridu ngħidu l-verità, u b’hekk nikkontribwixxu għall-unità tal-fratellanza tagħna madwar id-dinja.
9. Għala hu vitali li nobdu l-kliem taʼ Efesin 4:26, 27?
9 Irridu nopponu lix-Xitan, u ma nagħtuh ebda opportunità biex jagħmlilna l-ħsara spiritwalment. (Ġak. 4:7) L-ispirtu qaddis jgħinna nirreżistu lil Satana. Pereżempju, nistgħu nagħmlu dan billi ngħassu kontra r-rabja bla rażan. Pawlu kiteb: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-Xitan.” (Efes. 4:26, 27) Jekk nirrabjaw b’mod ġustifikat, talba siekta minnufih tistaʼ tgħinna ‘nżommu spirtu kalm,’ billi nuru r-rażan minflok ma naġixxu b’tali mod li nistgħu nnikktu l-ispirtu t’Alla. (Prov. 17:27) Għalhekk, ejja ma nibqgħux inkorlati, u b’hekk nagħtu ċans lil Satana biex iħajjarna nagħmlu xi ħaġa mill-agħar. (Salm 37:8, 9) Mod wieħed kif nirreżistuh hu billi nirranġaw it-tilwim malajr fi qbil mal-pariri taʼ Ġesù.—Mt. 5:23, 24; 18:15-17.
10, 11. Għala m’għandniex nisirqu jew nagħmlu dak li hu diżonest?
10 M’għandna nċedu għal ebda tentazzjoni biex nisirqu jew inkunu diżonesti. Rigward is-serq, Pawlu kiteb: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel b’idejh xogħol tajjeb, biex ikollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-bżonn.” (Efes. 4:28) Kieku Kristjan dedikat kellu jisraq, kieku jkun qed ‘iżeblaħ isem Alla’ billi jġib tmaqdir fuqu. (Prov. 30:7-9) Saħansitra lanqas il-faqar ma jiġġustifika s-serq. Dawk li jħobbu lil Alla u lill-proxxmu jirrealizzaw li s-serq qatt mhu ġustifikat.—Mk. 12:28-31.
11 Pawlu ma jsemmix biss dak li m’għandniex nagħmlu, imma jindikalna wkoll dak li għandna nagħmlu. Jekk qed ngħixu u nimxu bl-ispirtu qaddis, se naħdmu iebes sabiex inkunu nistgħu nieħdu ħsieb il-familja tagħna u wkoll ‘ikollna xi ħaġa x’nagħtu lil min hu fil-bżonn.’ (1 Tim. 5:8) Ġesù u l-appostli tiegħu warrbu xi flus biex jgħinu lill-foqra, imma t-traditur Ġuda l-Iskarjota ħa ftit mill-flus. (Ġw. 12:4-6) Żgur li ma kienx immexxi mill-ispirtu qaddis. Aħna li niġu gwidati mill-ispirtu t’Alla “nġibu ruħna bl-onestà f’kollox,” bħalma għamel Pawlu. (Ebr. 13:18) B’hekk nevitaw li nnikktu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.
Modi Oħrajn Kif Nevitaw li Nnikktu l-Ispirtu
12, 13. (a) Bħalma jintwera f’Efesin 4:29, liema tip taʼ kliem għandna nevitaw? (b) Kif għandu jkun kliemna?
12 Irridu ngħassu kliemna. Pawlu ddikjara: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.” (Efes. 4:29) Għal darb’oħra, l-appostlu ma jgħidx biss dak li m’għandniex nagħmlu, imma jgħidilna wkoll dak li suppost qed nagħmlu. Taħt l-influwenza tal-ispirtu t’Alla, se niġu mqanqlin ‘ngħidu dak li hu tajjeb biex jibni sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.’ Barra minn hekk, m’għandniex inħallu xi “kelma mħassra” toħroġ minn fommna. Il-kelma Griega tradotta “mħassra” ntużat biex tiddeskrivi frott, ħut, jew laħam jinten. Sewwasew bħalma nitqażżuh ikel bħal dan, aħna nobogħdu kliem li Ġeħova jqisu ħażin.
13 Kliemna għandu jkun deċenti, ħanin, “imħawwar bil-melħ.” (Kol. 3:8-10; 4:6) In-nies għandhom ikunu jistgħu jindunaw li aħna differenti meta jisimgħuna nitkellmu. Għalhekk, ejja ngħinu lil oħrajn billi ngħidu dak li hu “tajjeb biex jibni.” U jalla nħossuna bħas-salmista li kanta: “Ħa jkunu kliem fommi u l-meditazzjoni taʼ qalbi pjaċevoli quddiemek, O Ġeħova, il-Blata tiegħi u l-Feddej tiegħi.”—Salm 19:14.
14. Skont Efesin 4:30, 31, minn xiex irridu ninħelsu?
14 Irridu ninħelsu mill-imrar, mill-korla, mit-tgħajjir, u minn kull ħażen. Wara li wissa kontra li wieħed inikket l-ispirtu t’Alla, Pawlu kiteb: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien ma’ kull ħażen.” (Efes. 4:30, 31) Bħala bnedmin imperfetti, ilkoll kemm aħna għandna bżonn naħdmu iebes biex nikkontrollaw il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. Jekk ma nikkontrollawx l-‘imrar malizzjuż u r-rabja u l-korla,’ inkunu qed innikktu l-ispirtu t’Alla. L-istess hu minnu jekk inżommu kont taʼ ħtijiet li jsiru kontrina, nuru attitudni taʼ riżentiment, u nirrifjutaw li nerġgħu nitħabbu maʼ min ikun offendiena. Jekk saħansitra nibdew ninjoraw il-pariri tal-Bibbja, nistgħu niżviluppaw karatteristiki li jistgħu jwassluna biex nidinbu kontra l-ispirtu u nistgħu nesperjenzaw konsegwenzi diżastrużi.
15. Jekk isir xi ħażen kontrina, x’għandna nagħmlu?
15 Għandna bżonn inkunu qalbna tajba, nagħdru, u naħfru. Pawlu kiteb: “Kunu qalbkom tajba ma’ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb bi Kristu.” (Efes. 4:32) Anki jekk weġġajna profondament minħabba xi ħażen li sar kontrina, ejja naħfru, bħalma jagħmel Alla. (Lq. 11:4) Suppost li sieħeb fit-twemmin qal xi ħaġa negattiva dwarna. Fi sforz biex insolvu l-kwistjoni, aħna navviċinawh. Hu jesprimi dispjaċir veru u jitlob maħfra. Aħna naħfrulu, imma għandna bżonn nagħmlu iktar. “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek għal ulied il-poplu tiegħek,” jgħid Levitiku 19:18, “u ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Jien Ġeħova.”
Għandna Bżonn Noqogħdu Attenti
16. Agħti eżempju li juri li għandna mnejn ikollna nagħmlu xi aġġustamenti sabiex ma nnikktux l-ispirtu taʼ Ġeħova.
16 Saħansitra fil-privat, nistgħu niġu mħajrin nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Alla. Pereżempju, ħu forsi kien qed jismaʼ mużika dubjuża. Maż-żmien, il-kuxjenza tiegħu tibda tinkwetah għaliex injora l-pariri tal-Bibbja preżentati f’pubblikazzjonijiet tal-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Għandu mnejn jitlob dwar din il-problema u jiftakar fil-kliem taʼ Pawlu dokumentat f’Efesin 4:30. Peress li jkun determinat b’mod sod li ma jagħmel xejn li bih jistaʼ jnikket l-ispirtu t’Alla, hu deċiż li minn issa ’l quddiem jevita mużika dubjuża. Ġeħova se jbierek attitudni bħal din. Għalhekk, ejja ngħassu kontinwament kontra li nnikktu l-ispirtu t’Alla.
17. X’jistaʼ jiġri jekk ma noqogħdux attenti u ma nitolbux?
17 Jekk ma noqogħdux attenti u ma nitolbux, nistgħu nċedu għal xi prattika mhix nadifa jew ħażina li biha nnikktu l-ispirtu. Peress li l-Missier juża l-ispirtu qaddis tiegħu f’armonija mal-personalità tiegħu, meta nnikktu l-ispirtu, inkunu qed innikktu Lilu —xi ħaġa li żgur ma rridux nagħmlu. (Efes. 4:30) L-iskribi Lhud tal-ewwel seklu dinbu meta attribwew il-mirakli taʼ Ġesù lil Satana. (Aqra Marku 3:22-30.) Dawn l-għedewwa taʼ Kristu ‘dgħaw kontra l-ispirtu qaddis,’ u b’hekk ikkommettew dnub li ma jinħafirx. Jalla aħna qatt ma nispiċċaw hekk!
18. Kif nistgħu niddeterminaw li ma kkommettejniex xi dnub li ma jinħafirx?
18 Ladarba lanqas saħansitra ma rridu naslu qrib li nikkommettu xi dnub li ma jinħafirx, għandna bżonn niftakru f’dak li qal Pawlu dwar li ma nnikktux l-ispirtu. Imma xi ngħidu jekk dnibna serjament? Jekk indimna u ġejna megħjunin mill-anzjani, nistgħu nikkonkludu li Alla ħafrilna u li ma dnibniex kontra l-ispirtu qaddis. Bl-għajnuna t’Alla, nistgħu nevitaw ukoll li b’xi mod nerġgħu nnikktu l-ispirtu.
19, 20. (a) X’inhuma xi affarijiet li għandna bżonn nevitaw? (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
19 Alla juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jippromwovi l-imħabba, il-ferħ, u l-unità tal-poplu tiegħu. (Salm 133:1-3) Għalhekk, għandna nżommu lura milli nnikktu l-ispirtu billi ma niħdux sehem f’seksik li jagħmel il-ħsara jew billi ma ngħidux affarijiet li jnaqqsu r-rispett lejn dawk li huma rgħajja maħturin bl-ispirtu. (Atti 20:28; Ġuda 8) Minflok, għandna nippromwovu l-unità u r-rispett lejn xulxin fil-kongregazzjoni. Żgur li m’għandniex ninkuraġġixxu klikek billi nifformaw gruppi esklużivi fost il-poplu t’Alla. Pawlu kiteb: “Inħeġġiġkom, ħuti, f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, biex ilkoll titkellmu fi qbil u ma jkunx hemm firdiet fostkom, imma tkunu magħqudin kif jixraq b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.”—1 Kor. 1:10.
20 Ġeħova hu lest u kapaċi jgħinna nevitaw li nnikktu l-ispirtu tiegħu. Ejja nkomplu nitolbu għall-ispirtu qaddis u nkunu determinati li ma nnikktuhx. Jalla nibqgħu ‘niżirgħu għall-ispirtu,’ billi nfittxu bil-ħeġġa l-gwida tiegħu issa u għal dejjem.
Int Kif Twieġeb?
• Xi jfisser li tnikket l-ispirtu t’Alla?
• Individwu dedikat lil Ġeħova kif jistaʼ jnikket l-ispirtu Tiegħu?
• B’liema modi nistgħu nevitaw li nnikktu l-ispirtu qaddis?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 30]
Irranġa t-tilwim malajr
[Stampa f’paġna 31]
Kliemek maʼ liema frott tqabblu l-iktar?