Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Dejjem Irbaħ il-Ħażen” Billi Tikkontrolla r-Rabja

“Dejjem Irbaħ il-Ħażen” Billi Tikkontrolla r-Rabja

“Dejjem Irbaħ il-​Ħażen” Billi Tikkontrolla r-​Rabja

‘Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, . . . imma dejjem irbħu l-​ħażen bit-​tajjeb.’—RUM. 12:19, 21.

1, 2. Liema eżempju tajjeb ħallew xi Xhieda li kienu qed jivvjaġġaw?

 GRUPP taʼ 34 Xhud taʼ Ġeħova kienu qed jivvjaġġaw biex jattendu d-​dedikazzjoni taʼ wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa. Minħabba li nqalgħu xi problemi tekniċi, it-​titjira kellha tieħu iktar ħin milli suppost. Dik li kellha tkun waqfa taʼ siegħa biex jingħata l-​fjuwil lill-​ajruplan, spiċċat inbidlet f’sitwazzjoni xejn pjaċevoli li damet sejra 44 siegħa f’ajruport fl-​imwarrab fejn ma kienx hemm ikel, ilma, jew faċilitajiet sanitarji adegwati. Ħafna passiġġieri bdew jirrabjaw u jheddu lill-​ħaddiema tal-​ajruport. Iżda l-​aħwa rġiel u nisa baqgħu kalmi.

2 Sa fl-​aħħar, ix-​Xhieda waslu fid-​destinazzjoni tagħhom fil-​ħin biex jisimgħu l-​aħħar parti tal-​programm tad-​dedikazzjoni. Għalkemm kienu għajjenin, huma baqgħu hemmhekk wara li spiċċa l-​programm biex igawdu sħubija mal-​aħwa lokali. Iktar tard saru jafu li l-​paċenzja u r-​rażan li wrew kienu ġew notati. Wieħed mill-​passiġġieri l-​oħrajn qal lill-​kumpanija tal-​ajru, “Li ma kienx għal dawk l-​34 Kristjan li kienu fuq it-​titjira, kienet tinqalaʼ rewwixta fl-​ajruport.”

Qed Ngħixu f’Dinja taʼ Nies Irrabjati

3, 4. (a) Il-​bnedmin kif u kemm ilhom isofru l-​konsegwenzi tal-​vjolenza minħabba r-​rabja? (b) Setaʼ Kajjin jikkontrolla r-​rabja li kellu? Spjega.

3 Il-​pressjonijiet tal-​ħajja fid-​dinja mill-​agħar tal-​lum jistgħu jġiegħlu lin-​nies iħossuhom irrabjati. (Ekk. 7:7) Spiss, din ir-​rabja twassal għall-​mibegħda u saħansitra għall-​vjolenza. Bejn il-​ġnus u fil-​ġnus infushom jinqalgħu l-​gwerer, filwaqt li t-​tensjonijiet fil-​familja jwasslu għall-​konflitti proprju f’ħafna djar. Ir-​rabja u l-​vjolenza taʼ dan it-​tip ilhom jeżistu għal ħafna żmien. Kajjin, l-​ewwel iben taʼ Adam u Eva, qatel lil ħuh Abel li kien iżgħar minnu minħabba r-​rabja li nibtet mill-​għira li kellu għalih. Kajjin ikkommetta dan l-​att vili għalkemm Ġeħova kien ħeġġu biex jikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħu u kien wiegħdu li jbierku jekk jagħmel dan.—Aqra Ġenesi 4:6-​8.

4 Minkejja l-​imperfezzjoni li wiret, Kajjin kellu għażla fil-​kwistjoni. Hu setaʼ jrażżan ir-​rabja li kellu. Huwa għalhekk li kien responsabbli għalkollox għall-​att vjolenti li kkommetta. B’mod simili, l-​istat imperfett tagħna jagħmilha iktar diffiċli għalina li nevitaw ir-​rabja u li naġixxu b’rabja. Barra minn hekk, problemi serji oħrajn iżidu l-​istress f’dawn iż-​“żminijiet kritiċi.” (2 Tim. 3:1) Pereżempju, minħabba d-​diffikultajiet ekonomiċi, l-​emozzjonijiet tagħna jistgħu jkunu taħt pressjoni. Il-​pulizija u l-​organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-​familji jorbtu l-​kriżijiet fis-​sistema finanzjarja maż-​żieda fl-​iżbroffi taʼ rabja u fil-​vjolenza domestika.

5, 6. Liema attitudni tad-​dinja lejn ir-​rabja tistaʼ teffettwana?

5 Iktar minn hekk, ħafna min-​nies li niltaqgħu magħhom huma nies li “jħobbu lilhom infushom,” “suppervi,” u saħansitra “feroċi.” Huwa faċli ħafna li karatteristiki ħżiena bħal dawn jeffettwawna u jirrabjawna. (2 Tim. 3:2-​5) Fil-​fatt, xi films u programmi tat-​televixin spiss ipinġu l-​vendetta bħala aġir nobbli, u l-​vjolenza bħala s-​soluzzjoni naturali u ġustifikata għall-​problemi. L-​iżvolġiment tipiku tal-​istejjer iwassal lil dawk li jkunu qed jaraw il-​film jew il-​programm biex iħarsu ’l quddiem għall-​mument li fih il-​karattru l-​kattiv “jieħu dak li ħaqqu.” Normalment dan ifisser tmiem vjolenti permezz taʼ qtil mill-​eroj tal-​istorja.

6 Propaganda bħal din ma tippromwovix il-​mogħdijiet t’Alla, iżda “l-​ispirtu tad-​dinja” u taʼ Satana, il-​ħakkiem irrabjat tagħha. (1 Kor. 2:12; Efes. 2:2; Riv. 12:12) Dan l-​ispirtu jippromwovi l-​idea li jiġu sodisfati x-​xewqat tal-​ġisem imperfett u jopponi għalkollox lill-​ispirtu qaddis t’Alla u l-​frott tal-​ispirtu. Tabilħaqq, tagħlim fundamentali tal-​Kristjanità hu li ma nirritaljawx meta niġu provokati. (Aqra Mattew 5:39, 44, 45.) Mela kif nistgħu napplikaw it-​tagħlim taʼ Ġesù iktar bis-​sħiħ?

Eżempji Tajbin u Eżempji Ħżiena

7. X’ġara meta Simegħon u Levi ma kkontrollawx ir-​rabja tagħhom?

7 Fil-​Bibbja nsibu bosta pariri biex nikkontrollaw ir-​rabja, u nsibu wkoll eżempji prattiċi taʼ x’jistaʼ jiġri meta nikkontrollawha u meta ma nikkontrollawhiex. Ikkunsidra dak li ġara meta ulied Ġakobb—Simegħon u Levi—ivvendikaw ruħhom minn Sikem talli kien abbuża minn oħthom Dina. Huma “ħassew is-​sentimenti tagħhom imweġġgħin u rrabjaw ferm.” (Ġen. 34:7) Imbagħad, l-​ulied subien l-​oħrajn taʼ Ġakobb attakkaw il-​belt taʼ Sikem, serqu l-​belt, u ħadu lin-​nisa u lit-​tfal bħala lsiera. Huma għamlu dan kollu mhux biss minħabba Dina, imma x’aktarx ukoll minħabba li kienet kwistjoni taʼ kburija—biex ma jitilfux ġieħhom. Ħassew li Sikem kien offenda sew lilhom u sew lil missierhom Ġakobb. Iżda Ġakobb kif ħassu dwar il-​kondotta tagħhom?

8. Ir-​rakkont taʼ Simegħon u Levi x’juri dwar il-​vendetta?

8 L-​esperjenza traġika taʼ Dina żgur li nikktitu ferm lil Ġakobb; iżda hu kkundanna l-​vendetta taʼ wliedu. Minkejja dan, Simegħon u Levi xorta pprovaw jiġġustifikaw l-​azzjonijiet tagħhom billi qalu: “Għandu xi ħadd jittratta lil oħtna bħal xi prostituta?” (Ġen. 34:31) Iżda l-​kwistjoni ma spiċċatx hemm għax Ġeħova xejn ma ħa pjaċir. Bosta snin wara, Ġakobb bassar li minħabba l-​atti vjolenti u taʼ rabja li wettqu Simegħon u Levi, id-​dixxendenti tagħhom kellhom ikunu mxerrdin fost it-​tribujiet taʼ Israel. (Aqra Ġenesi 49:5-​7.) Tabilħaqq, ir-​rabja bla rażan tagħhom wasslet għad-​diżapprovazzjoni kemm t’Alla u kemm taʼ missierhom.

9. Meta kien li David għal naqra ma ħalliex ir-​rabja ġġiegħlu jiżbalja bl-​ikrah?

9 Il-​każ tas-​Sultan David kien kemxejn differenti. Hu kellu diversi opportunitajiet biex jivvendika ruħu, iżda m’għamilx hekk. (1 Sam. 24:3-​7) Imma darba minnhom għal naqra ma ħalliex ir-​rabja ġġiegħlu jiżbalja bl-​ikrah. Raġel għani jismu Nabal beda jgħajjat b’mod abbużiv mal-​irġiel taʼ David, avolja dawn kienu pproteġew l-​imrieħel u r-​rgħajja taʼ Nabal. Forsi għax ħassu offiż, speċjalment minħabba l-​mod kif ġew trattati l-​irġiel tiegħu, David kien għoddu rritalja b’mod vjolenti. Waqt li David u l-​irġiel tiegħu kienu fi triqithom biex jattakkaw lil Nabal u lin-​nies taʼ daru, raġel żagħżugħ informa lil Abigajl, il-​mara għaqlija taʼ Nabal, b’dak li kien ġara u ħeġġiġha biex tieħu azzjoni. Minnufih, hi ħejjiet għotja kbira u marret tiltaqaʼ maʼ David. B’umiltà, hi talbitu skuża għan-​nuqqas taʼ rispett li wera Nabal u fakkret lil David fil-​biżaʼ tiegħu minn Ġeħova. David ġie f’sensih u qal: “Tkun imbierka int li llum żammejtni milli nġib fuqi l-​ħtija tad-​demm.”—1 Sam. 25:2-​35.

L-​Attitudni Kristjana

10. Il-​Kristjani liema attitudni għandhom juru lejn il-​vendetta?

10 Dak li ġara fil-​każ taʼ Simegħon u Levi u bejn David u Abigajl, bla dubju juri li Ġeħova jobgħod ir-​rabja bla rażan u l-​vjolenza, u li hu jbierek kull sforz biex tinżamm il-​paċi. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha. Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma agħmlu l-​wisaʼ għall-​korla; għax hu miktub: ‘Il-​vendetta hi tiegħi; jien inħallas, jgħid Ġeħova.’ Imma, ‘jekk l-​għadu tiegħek hu bil-​ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-​għatx, agħtih jixrob; għax meta tagħmel dan tkun qed tiġmaʼ ġamar jaqbad fuq rasu.’ Tħallix il-​ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-​ħażen bit-​tajjeb.”—Rum. 12:18-​21. a

11. Waħda oħt kif tgħallmet tikkontrolla r-​rabja tagħha?

11 Aħna wkoll nistgħu napplikaw dan il-​parir. Pereżempju, oħt avviċinat anzjan u bdiet tgerger dwar il-​maniġer ġdida li għandha fuq ix-​xogħol. Hi ddeskrivietha bħala persuna inġusta u qalbha xierfa. Hi kienet irrabjata għall-​maniġer u riedet titlaq mix-​xogħol. L-​anzjan ħeġġiġha biex ma tgħaġġilx. Hu ntebaħ li r-​reazzjoni b’rabja min-​naħa tal-​oħt minħabba li l-​maniġer kienet ittrattatha ħażin, kienet biss iggravat is-​sitwazzjoni. (Titu 3:1-​3) L-​anzjan qalilha li anki jekk hi ssib xogħol ieħor, xorta kien se jkollha bżonn tbiddel il-​mod kif tirreaġixxi meta xi ħadd ma jittrattahiex b’qalb tajba. Hu taha l-​parir li tittratta lill-​maniġer bil-​mod li tixtieq tiġi trattata hi, bħalma għallimna nagħmlu Ġesù. (Aqra Luqa 6:31.) L-​oħt qablet li tipprova. X’kien ir-​riżultat? Wara ftit żmien, il-​maniġer rattbet qalbha u saħansitra rringrazzjat lill-​oħt taʼ xogħolha.

12. Id-​differenzi bejn il-​Kristjani għala jistgħu jkunu iktar taʼ wġigħ?

12 Forsi ma niħduhiex bi kbira meta jinqalgħu problemi bħal dawn maʼ xi ħadd li ma jkunx fil-​kongregazzjoni Kristjana. Aħna nafu li l-​ħajja fis-​sistema taʼ Satana spiss hija inġusta u jeħtieġ nissieltu biex ma nħallux lil dawk li jagħmlu l-​ħażen jirrabjawna. (Salm 37:1-​11; Ekk. 8:12, 13; 12:13, 14) Madankollu, meta jinqalgħu l-​problemi maʼ xi ħu jew oħt spiritwali, il-​weġgħa tistaʼ tkun ħafna akbar. Waħda xhud tiftakar u tgħid, “Meta ġejt fil-​verità, l-​akbar xkiel għalija kien li naċċetta l-​fatt li n-​nies taʼ Ġeħova mhumiex perfetti.” Aħna ħriġna minn dinja bierda u bla mħabba, bit-​tama li kulħadd fil-​kongregazzjoni jittratta lil xulxin b’qalb tajba bħala Kristjani. Għalhekk, minħabba li forsi jaġixxi bla ħsieb jew b’mod li ma jkunx xieraq għall-​Kristjani, xi Kristjan, speċjalment wieħed li jkollu l-​privileġġi fil-​kongregazzjoni, jistaʼ jweġġagħna jew jirrabjana. Forsi nistaqsu: ‘Affarijiet bħal dawn kif jistgħu jiġru fost in-​nies taʼ Ġeħova?’ Fil-​fatt, l-​istess affarijiet seħħew saħansitra fost il-​Kristjani midlukin fi żmien l-​appostli. (Gal. 2:11-​14; 5:15; Ġak. 3:14, 15) Kif għandna nirreaġixxu meta niġu effettwati?

13. Għala u kif għandna naħdmu biex negħlbu d-​differenzi taʼ bejnietna?

13 “Jien tgħallimt nitlob għal min ikun weġġagħni,” qalet l-​oħt li għadha kemm issemmiet. “Dan dejjem hu taʼ għajnuna.” Bħalma diġà qrajna, Ġesù għallimna nitolbu għal dawk li jippersegwitawna. (Mt. 5:44) Mela kemm iktar għandna nitolbu għal ħutna spiritwali! Sewwasew bħalma missier ikun jixtieq li wliedu jħobbu lil xulxin, hekk ukoll Ġeħova jixtieq li l-​qaddejja tiegħu fuq l-​art jingwalawha maʼ xulxin. Aħna nħarsu ’l quddiem biex ngħixu flimkien ferħanin u fil-​paċi għal dejjem, u Ġeħova qed jgħallimna nagħmlu dan minn issa. Hu jridna nikkooperaw fix-​xogħol kbir tiegħu. Għalhekk, ejja nsolvu l-​problemi jew sempliċement ‘inħallu nuqqas għaddej’ u nibqgħu magħqudin. (Aqra Proverbji 19:11.) Meta jinqalgħu l-​problemi, minflok ma nitbiegħdu minn ħutna, aħna għandna ngħinu lil xulxin biex nibqgħu fost in-​nies t’Alla, protetti u mħaddnin fid-​‘dirgħajn taʼ dejjem’ taʼ Ġeħova.—Dewt. 33:27, Saydon.

Il-​Ġentilezza maʼ Kulħadd Tagħti Riżultati Tajbin

14. Kif nistgħu niġġieldu kontra l-​influwenzi taʼ Satana li jġibu l-​firdiet?

14 Sabiex ifixkluna milli nxerrdu l-​aħbar tajba, Satana u d-​demonji qed jagħmlu minn kollox biex jipprovaw iħarbtu l-​familji ferħanin u l-​kongregazzjonijiet. Huma jipprovaw joħolqu l-​konflitti għax jafu li l-​firdiet bejn dawk taʼ ġewwa huma distruttivi. (Mt. 12:25) Sabiex niġġieldu kontra l-​influwenza mill-​agħar tagħhom, nagħmlu tajjeb jekk insegwu l-​parir taʼ Pawlu li jgħid: “Ilsir tal-​Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili ma’ kulħadd.” (2 Tim. 2:24) Ftakar li l-​ġlieda tagħna mhijiex “kontra d-​demm u l-​laħam, imma . . . kontra l-​forzi taʼ l-​ispirti mill-​agħar.” Sabiex nirbħu din il-​ġlieda rridu nużaw l-​armatura spiritwali, inkluż it-​“tagħmir taʼ l-​aħbar tajba tal-​paċi.”—Efes. 6:12-​18.

15. Kif għandna nirreaġixxu għall-​attakki minn barra l-​kongregazzjoni?

15 Minn barra l-​kongregazzjoni, l-​għedewwa taʼ Ġeħova jattakkaw bl-​aħrax lin-​nies paċifiċi tiegħu. Xi wħud minn dawn l-​għedewwa jattakkaw fiżikament lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Oħrajn jimmalafamawna fuq il-​mezzi tax-​xandir jew fil-​qrati. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jistennewh dan. (Mt. 5:11, 12) Kif għandna nirreaġixxu? M’għandna qatt ‘irroddu ħsara bi ħsara’ bil-​kliem jew bl-​għemil.—Rum. 12:17; aqra 1 Pietru 3:16.

16, 17. Kongregazzjoni partikulari liema sitwazzjoni taʼ prova ffaċċjat?

16 Hu x’inhu li jistaʼ jġib fuqna x-​Xitan, jekk ‘nirbħu l-​ħażen bit-​tajjeb,’ inkunu nistgħu nagħtu xhieda mill-​aqwa. Pereżempju, kongregazzjoni fi gżira fil-​Paċifiku kriet sala għat-​Tifkira. Meta saru jafu b’dan, il-​membri tal-​kleru tal-​knisja lokali qalu lin-​nies tal-​parroċċa tagħhom biex jinġabru f’din is-​sala għal funzjoni tal-​knisja li kellha tibda fl-​istess ħin li kienet pjanata li tibda t-​Tifkira tagħna. Madankollu, l-​ispettur tal-​pulizija ordna lill-​membri tal-​kleru biex sa dak il-​ħin jagħmlu s-​sala disponibbli għax-​Xhieda. Minkejja dan, meta sar il-​ħin, is-​sala kienet mimlija bin-​nies tal-​parroċċa u l-​funzjoni tagħhom bdiet.

17 Hekk kif il-​pulizija bdew iħejju biex jevakwaw is-​sala bil-​forza, il-​kappillan avviċina lil wieħed mill-​anzjani tagħna u staqsieh: “Għandkom xi ħaġa speċjali pjanata għal-​lejla?” Il-​ħu qallu dwar it-​Tifkira, u l-​kappillan wieġbu: “Ara, ma kontx naf!” X’ħin semaʼ dan, il-​pulizija qal b’leħen għoli: “Imma aħna diġà għednielkom dalgħodu!” Il-​kappillan dar fuq l-​anzjan u bi tbissima sarkastika qallu: “Issa x’se tagħmlu? Għandna sala mimlija nies. Se tħallu lill-​pulizija jkeċċuna ’l barra?” B’makakkerija, hu kien immanuvra l-​affarijiet biex iġiegħel lix-​Xhieda jidhru bħallikieku huma kienu l-​uħud li qed jippersegwitaw lilhom! L-​aħwa kif kienu se jirreaġixxu?

18. L-​aħwa kif irreaġixxew meta ġew provokati, u x’kien ir-​riżultat?

18 Ix-​Xhieda offrew li jħallu lill-​membri tal-​knisja jagħmlu funzjoni taʼ nofs siegħa, u mbagħad wara kellhom jibdew it-​Tifkira l-​aħwa. Il-​funzjoni tal-​knisja damet għaddejja iktar milli suppost, iżda wara li l-​membri tal-​knisja ħarġu mis-​sala, ngħata bidu għat-​Tifkira. L-​għada, il-​gvern sejjaħ bord uffiċjali taʼ inkjesta. Wara li kkunsidra l-​fatti, il-​bord ġiegħel lill-​knisja tagħmel avviż u tgħid li kien il-​kappillan tal-​knisja l-​kaġun tal-​problema, u mhux ix-​Xhieda. Barra minn hekk, il-​bord irringrazzja lix-​Xhieda taʼ Ġeħova talli wrew il-​paċenzja f’din is-​sitwazzjoni diffiċli. L-​isforzi tax-​Xhieda biex ‘iżommu l-​paċi mal-​bnedmin kollha’ kienu taw il-​frott.

19. X’iktar jistaʼ jippromwovi l-​paċi fir-​relazzjonijiet?

19 Fattur importanti ieħor biex inżommu l-​paċi fir-​relazzjonijiet m’oħrajn hu li nużaw kliem ħelu. Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu x’inhu l-​kliem ħelu u kif nistgħu nikkultivawh u nużawh.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​“ġamar jaqbad” qed jirreferi għal metodu antik li kien jintuża biex idewbu l-​metall billi jsaħħnuh minn fuq u minn taħt ħalli minnu joħorġu l-​metalli. Jekk nuru qalb tajba maʼ dawk li ma jurux qalb tajba, dawn għandhom mnejn irattbu qalbhom u joħorġu l-​kwalitajiet tajbin li jkollhom.

Tistaʼ Tispjega?

• In-​nies fid-​dinja llum għala huma daqshekk irrabjati?

• Liema eżempji Bibliċi juru x’jistaʼ jiġri meta nikkontrollaw jew meta ma nikkontrollawx ir-​rabja?

• Kif għandna nirreaġixxu jekk xi Kristjan iweġġagħna?

• Kif għandna nirreaġixxu għall-​attakki minn barra l-​kongregazzjoni?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 16]

Simegħon u Levi marru lura—imma mhux qabel ma sfogaw ir-​rabja li kellhom

[Stampi f’paġna 18]

Il-​qalb tajba min-​naħa tagħna tistaʼ trattab il-​qalb taʼ oħrajn