Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni

Ibqaʼ Ibni lill-Kongregazzjoni

Ibqaʼ Ibni lill-​Kongregazzjoni

“Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin.”—1 TESS. 5:11.

1. Liema barkiet ingawdu peress li ninsabu fil-​kongregazzjoni Kristjana, imma liema sfidi għandna mnejn xorta niffaċċjaw?

 IL-​FATT li int membru tal-​kongregazzjoni Kristjana tabilħaqq hu barka kbira. Int għandek relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Peress li tistrieħ fuq il-​Kelma tiegħu bħala gwida, int protett mill-​konsegwenzi ħżiena taʼ ħajja mhix Kristjana. Int imdawwar minn ħbieb ġenwini li jriduk tirnexxi. Iva, il-​barkiet huma ħafna. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mill-​Kristjani qed jissieltu ma’ xi problema jew oħra. Xi wħud minnhom forsi għandhom bżonn l-​għajnuna biex jifhmu l-​affarijiet iktar profondi tal-​Kelma t’Alla. Oħrajn huma morda jew dipressi, jew forsi qed ibatu l-​konsegwenzi taʼ deċiżjonijiet mhux għaqlin. U lkoll kemm aħna rridu ngħixu f’dinja mbiegħda minn Alla.

2. Kif għandna nwieġbu għat-​tbatijiet taʼ ħutna, u għala?

2 Ħadd minna ma jħobb jara lil sħabu l-​Kristjani jsofru jew jitħabtu. L-​appostlu Pawlu xebbah il-​kongregazzjoni maʼ ġisem u qal li “jekk membru wieħed isofri, il-​membri l-​oħra kollha jsofru miegħu.” (1 Kor. 12:12, 26) F’ċirkustanzi bħal dawn, aħna għandna nistinkaw biex nappoġġaw lil ħutna. Hemm għadd taʼ rakkonti Skritturali li fihom membri tal-​kongregazzjoni għenu lil oħrajn jilqgħu u jegħlbu l-​isfidi tagħhom. Hekk kif issa nikkunsidraw dawn ir-​rakkonti, aħseb dwar kif tistaʼ toffri għajnuna b’modi simili għal dawk li se jiġu deskritti. Kif tistaʼ tgħin lil ħutek spiritwalment, u b’hekk tibni lill-​kongregazzjoni taʼ Ġeħova?

“Ħaduh Magħhom”

3, 4. Akwila u Prixilla b’liema mod għenu lil Apollo?

3 Meta Apollo mar joqgħod Efesu, diġà kien evanġelizzatur żeluż. “Billi kien imħeġġeġ bl-​ispirtu,” jgħid ir-​rakkont tal-​Atti, “beda jitkellem u jgħallem b’eżattezza dwar Ġesù, imma kien jaf biss bil-​magħmudija taʼ Ġwanni.” Il-​fatt li Apollo ma kienx jaf dwar il-​magħmudija “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis” x’aktarx li kien ifisser li jew kien ngħata xhieda minn xi dixxipli taʼ Ġwanni l-​Għammied jew minn xi segwaċi taʼ Ġesù qabel Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Għalkemm Apollo kien żeluż, kien hemm xi kwistjonijiet importanti li ma kienx jifhimhom. Is-​sħubija maʼ sħabu fit-​twemmin kif għenitu?—Atti 1:4, 5; 18:25; Mt. 28:19.

4 Il-​koppja Kristjana Akwila u Prixilla semgħu lil Apollo jitkellem bil-​qlubija fis-​sinagoga, ħaduh magħhom, u komplew jgħallmuh. (Aqra Atti 18:24-​26.) Dan kien att taʼ mħabba. Naturalment, Akwila u Prixilla żgur li avviċinaw lil Apollo b’manjiera tattikuża u taʼ għajnuna, billi ma ġegħluhx iħossu li kien qed jiġi kritikat. Kienet sempliċement kwistjoni taʼ li ma kienx jaf dwar l-​istorja tal-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu. U bla dubju Apollo kien grat lejn il-​ħbieb ġodda tiegħu talli qasmu dawn id-​dettalji importanti miegħu. Armat b’din l-​informazzjoni, Apollo “kien t’għajnuna kbira” għal ħutu fl-​Akaja u ta xhieda qawwija.—Atti 18:27, 28.

5. Eluf taʼ pubblikaturi tas-​Saltna joffru liema għajnuna kollha mħabba, u b’liema riżultat?

5 Ħafna fil-​kongregazzjoni Kristjana llum huma grati ħafna lejn dawk li għenuhom jifhmu l-​Bibbja. Żviluppaw bosta ħbiberiji dejjiema bejn l-​istudenti u l-​għalliema tagħhom. Fil-​biċċa l-​kbira mill-​każi, li ngħinu lin-​nies jifhmu l-​verità jirrikjedi li nagħmlu skeda biex ikollna konversazzjonijiet regulari magħhom fuq perijodu taʼ diversi xhur. Madankollu, il-​pubblikaturi tas-​Saltna huma lesti li jagħmlu dan is-​sagrifiċċju għaliex jagħrfu li hija kwistjoni taʼ ħajja u mewt. (Ġw. 17:3) U kemm nieħdu pjaċir naraw lin-​nies jifhmu l-​verità, jgħixu fi qbil magħha, u jużaw ħajjithom biex jagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova!

“Kienu Jitkellmu Tajjeb Dwaru”

6, 7. (a) Pawlu għala għażel lil Timotju biex jivvjaġġa miegħu? (b) Timotju liema progress ġie megħjun jagħmel?

6 Meta l-​appostli Pawlu u Sila żaru Listra matul it-​tieni vjaġġ missjunarju, hemmhekk sabu żagħżugħ jismu Timotju, li kellu madwar 20 sena. “L-​aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwaru.” Omm Timotju, Ewniċe, u nanntu Lojs kienu Kristjani dedikati, imma missieru ma kienx tal-​istess twemmin. (2 Tim. 1:5) Pawlu għandu mnejn sar jaf lil din il-​familja fl-​ewwel żjara tiegħu f’dak il-​post ftit tas-​snin qabel. Imma l-​appostlu issa wera interess partikulari f’Timotju għaliex donnu kien żagħżugħ eċċezzjonali. Għalhekk, bl-​approvazzjoni tal-​ġemgħa tal-​anzjani lokali, Timotju sar assistent taʼ Pawlu fix-​xogħol missjunarju.—Aqra Atti 16:1-​3.

7 Timotju kellu ħafna x’jitgħallem minn sieħbu akbar fiż-​żmien. U hekk għamel, tant li, maż-​żmien, Pawlu b’fiduċja setaʼ jibgħat lil Timotju biex iżur il-​kongregazzjonijiet u jagħmilha tar-​rappreżentant tiegħu. F’madwar il-​15-​il sena li Timotju gawda s-​sħubija taʼ Pawlu, iż-​żagħżugħ li ma tantx kellu esperjenza u li forsi kien mistħi tant għamel progress li sar indokratur eċċellenti.—Flp. 2:19-​22; 1 Tim. 1:3.

8, 9. Il-​membri tal-​kongregazzjoni x’jistgħu jagħmlu biex jinkuraġġixxu liż-​żgħażagħ? Agħti eżempju.

8 Ħafna ġuvintur u tfajliet fil-​kongregazzjoni Kristjana llum għandhom potenzjal kbir. Jekk ħbieb li jħallu eżempju tajjeb fis-​servizz tagħhom lil Ġeħova jinkuraġġuhom u jieħdu ħsiebhom, dawn iż-​żgħażagħ jistgħu jirsistu għal responsabbiltajiet akbar fost il-​poplu taʼ Ġeħova u jaċċettawhom. Ħares fil-​kongregazzjoni tiegħek! Tara hemmhekk xi żgħażagħ li jistgħu jagħmlu lilhom infushom disponibbli, bħalma għamel Timotju? Bl-​għajnuna u l-​inkuraġġiment tiegħek, jistgħu jsiru pijunieri, Beteliti, missjunarji, jew indokraturi li jivvjaġġaw. X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jirsistu għal miri bħal dawn?

9 Martin, li ilu membru tal-​familja Betel għal 20 sena, bi gratitudni jiftakar l-​interess li wera fih indokratur tas-​circuit 30 sena ilu meta t-​tnejn kienu fis-​servizz tal-​għalqa flimkien. L-​indokratur tkellem b’entużjażmu dwar is-​servizz tiegħu stess f’Betel meta kien għadu żagħżugħ. Hu inkuraġġixxa lil Martin biex jikkunsidra l-​possibbiltà li jagħmel lilu nnifsu disponibbli għall-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova bl-​istess mod. Martin iħoss li din il-​konversazzjoni memorabbli effettwat bil-​kbir l-​għażliet li għamel iktar tard. Min jaf x’ġid tistaʼ tagħmel int għall-​ħbieb żgħażagħ billi titkellem magħhom dwar miri teokratiċi?

“Ikkonslaw lid-​Dipressi”

10. Epafroditu kif ħassu, u għala?

10 Epafroditu għamel vjaġġ twil u strapazzuż minn Filippi sa Ruma biex iżur lill-​appostlu Pawlu, li kien il-​ħabs minħabba l-​fidi tiegħu. Dan il-​vjaġġatur qeda bħala messaġġier għall-​Filippin. Hu mhux biss ġar l-​għotja tagħhom għall-​appostlu, imma wkoll ippjana li jibqaʼ miegħu biex jagħmel dak li setaʼ biex jgħin lil Pawlu fis-​sitwazzjoni diffiċli tiegħu. Madankollu, waqt li kien Ruma, Epafroditu marad sal-​punt li “kien se jmut.” Minħabba li ħass li kien falla fl-​inkarigu tiegħu, Epafroditu sar dipress.—Flp. 2:25-​27.

11. (a) Għala m’għandniex nissorprendu ruħna jekk xi wħud fil-​kongregazzjoni huma dipressi? (b) Pawlu xi rrikkmanda fil-​każ taʼ Epafroditu?

11 Illum, diversi pressjonijiet iġiegħlu lin-​nies ibatu bid-​dipressjoni. Statistiki mill-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa jgħidu li saħansitra 1 minn kull 5 tal-​popolazzjoni jistgħu jbatu bid-​dipressjoni f’xi perijodu matul ħajjithom. In-​nies taʼ Ġeħova wkoll jesperjenzaw id-​dipressjoni. Problemi biex wieħed jipprovdi għal familtu, is-​saħħa batuta, l-​iskuraġġiment minħabba n-​nuqqasijiet taʼ dak li jkun, jew fatturi oħrajn jistgħu jikkontribwixxu għal swied il-​qalb. Il-​Filippin x’setgħu jagħmlu biex jgħinu lil Epafroditu? Pawlu kiteb: “Agħtuh merħba kif jixraq fil-​Mulej bil-​ferħ kollu; u nies bħalu ibqgħu għożżuhom, għax minħabba x-​xogħol tal-​Mulej hu kien għoddu miet, billi poġġa ruħu fil-​periklu, sabiex ipatti bis-​sħiħ għalikom għax m’intomx hawn biex taqduni.”—Flp. 2:29, 30.

12. X’jistaʼ jkun sors taʼ faraġ għad-​dipressi?

12 Aħna wkoll għandna ninkuraġġixxu lill-​aħwa li huma skuraġġiti jew dipressi. Bla dubju hemm affarijiet pożittivi x’nistgħu ngħidu dwar is-​servizz tagħhom lil Ġeħova. Forsi għamlu bidliet kbar f’ħajjithom sabiex isiru Kristjani jew biex jaqdu fil-​ministeru full-​time. Aħna napprezzaw dawn l-​isforzi u nistgħu nassigurawhom li Ġeħova japprezzahom ukoll. Jekk l-​età avanzata jew is-​saħħa batuta twaqqaf lil uħud leali milli jagħmlu dak kollu li kienu jagħmlu qabel, huma xorta waħda jistħoqqilhom ir-​rispett kollu tagħna għas-​snin taʼ servizz tagħhom. Ikun xi jkun il-​każ, il-​parir taʼ Ġeħova lil-​leali tiegħu kollha hu: “Ikkonslaw lid-​dipressi, wieżnu lid-​dgħajfin, uru sabar fit-​tul lejn kulħadd.”—1 Tess. 5:14.

‘Aħfrulu b’Qalb Tajba u Farrġuh’

13, 14. (a) Liema azzjoni serja ħadet il-​kongregazzjoni taʼ Korintu, u għala? (b) Il-​qtugħ mis-​sħubija liema effett kellu?

13 Il-​kongregazzjoni taʼ Korintu tal-​ewwel seklu ffaċċjat is-​sitwazzjoni taʼ raġel li pprattika l-​fornikazzjoni bla ma nidem. Il-​kondotta tiegħu heddet is-​safa tal-​kongregazzjoni u kienet skandlu anki fost dawk li ma kinux tal-​istess twemmin. Għalhekk, Pawlu b’mod xieraq qalilhom biex ineħħu lir-​raġel mill-​kongregazzjoni.—1 Kor. 5:1, 7, 11-​13.

14 Din id-​dixxiplina kellha effett tajjeb. Il-​kongregazzjoni ġiet protetta minn influwenza korrotta, u l-​midneb ġie f’sensih u nidem b’mod sinċier. Fuq il-​bażi tal-​għemejjel tar-​raġel li kienu jixirqu lill-​indiema, fit-​tieni ittra tiegħu lil din il-​kongregazzjoni, Pawlu indika li r-​raġel kellu jiġi aċċettat lura. Madankollu, dan ma kienx biżżejjed. Pawlu qal ukoll lill-​kongregazzjoni biex ‘taħfirlu b’qalb tajba u tfarraġ [lill-​midneb niedem], li ma jmurx dan jinbelaʼ għax ikun sewwed qalbu żżejjed.’—Aqra t-2 Korintin 2:5-​8.

15. Kif għandna nqisu lil midinbin nedmin li jiġu aċċettati lura fil-​kongregazzjoni?

15 X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Aħna nitnikktu meta individwi jkollhom jiġu maqtugħin mis-​sħubija. Forsi jkunu ġabu diżunur fuq l-​isem t’Alla u isem ħażin fuq il-​kongregazzjoni. Forsi saħansitra jkunu dinbu kontrina personalment. Però, meta l-​anzjani maħturin biex jeżaminaw il-​każ jiddeterminaw, fi qbil mad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, li midneb niedem għandu jitħalla jerġaʼ jingħaqad mal-​kongregazzjoni, dan jindika li Ġeħova ħafirlu. (Mt. 18:17-​20) M’għandniex aħna nfittxu li nimitaw Lilu? Tabilħaqq, jekk inkunu ħorox u ma naħfrux inkunu fil-​fatt qed nopponu lil Ġeħova. Sabiex nikkontribwixxu għall-​paċi u l-​unità tal-​kongregazzjoni t’Alla u biex ikollna l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova, m’għandniex, minflok, ‘nerġgħu nuru mħabbitna’ għal midinbin li tassew jindmu u jiġu aċċettati lura?—Mt. 6:14, 15; Lq. 15:7.

“Hu Utli Għalija”

16. Pawlu għala kien diżappuntat b’Marku?

16 Rakkont Skritturali ieħor juri li m’għandniex inżommu sentimenti negattivi f’qalbna kontra dawk li jkunu ddiżappuntawna. Pereżempju, Ġwanni Marku ddiżappunta bil-​kbir lill-​appostlu Pawlu. Kif? Meta Pawlu u Barnaba bdew l-​ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, Marku mar magħhom biex jagħtihom daqqa t’id. Imma f’ċertu punt waqt il-​vjaġġ tagħhom u għal raġuni mhux imsemmija, Ġwanni Marku telaq lil sħabu u mar lura d-​dar. Pawlu tant kien diżappuntat b’din id-​deċiżjoni li meta kien qed jippjana t-​tieni vjaġġ, kellu nuqqas taʼ qbil maʼ Barnaba dwar jekk Marku kellux jerġaʼ jmur magħhom. Minħabba dak li kien ġara fl-​ewwel vjaġġ, Pawlu ma riedx li Marku jivvjaġġa magħhom.—Aqra Atti 13:1-​5, 13; 15:37, 38.

17, 18. Kif nafu li l-​problema bejn Pawlu u Marku ttranġat, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

17 Milli jidher, Marku ma ħalliex lilu nnifsu jiġi skuraġġit iżżejjed minħabba li Pawlu ma ridux imur magħhom, għax kompla x-​xogħol missjunarju tiegħu f’territorju differenti flimkien maʼ Barnaba. (Atti 15:39) Il-​fatt li ta prova li hu leali u taʼ min jafdah jidher minn dak li kiteb Pawlu dwaru ftit tas-​snin wara. Pawlu, li issa kien ħabsi f’Ruma, sejjaħ lil Timotju permezz taʼ ittra. Fl-​istess ittra, Pawlu qal: “Ħu lil Marku u ġibu miegħek, għax hu utli għalija biex jaqdini.” (2 Tim. 4:11) Iva, Pawlu issa kien jemmen li Marku kien għamel progress kbir.

18 Nistgħu nitgħallmu lezzjoni minn dan. Marku żviluppa l-​kwalitajiet taʼ missjunarju tajjeb. Ma tfixkilx minħabba li għall-​ewwel Pawlu ċaħdu. Kemm hu u kemm Pawlu kienu rġiel spiritwali, u ma baqgħux iżommu f’qalbhom kontra xulxin. Għall-​kuntrarju, Pawlu iktar tard irrikonoxxa lil Marku bħala assistent taʼ valur. Għalhekk, meta l-​aħwa jegħlbu d-​diffikultajiet u l-​problemi jgħaddu, l-​aħjar ħaġa li jagħmlu hi li javanzaw u jgħinu lil oħrajn jagħmlu progress spiritwali. Meta nkunu pożittivi nibnu lill-​kongregazzjoni.

Il-​Kongregazzjoni u Int

19. Il-​membri kollha tal-​kongregazzjoni Kristjana liema għajnuna jistgħu joffru lil xulxin?

19 F’dawn iż-​“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” int għandek bżonn l-​għajnuna taʼ ħutek fil-​kongregazzjoni, u huma għandhom bżonn l-​għajnuna tiegħek. (2 Tim. 3:1) Kristjani individwali forsi mhux dejjem ikunu jafu liema azzjoni għandhom jieħdu sabiex jittrattaw is-​sitwazzjonijiet li qed jiffaċċjaw b’suċċess, imma Ġeħova jaf. U jistaʼ juża membri differenti tal-​kongregazzjoni—inkluż lilek—biex jgħinu lil oħrajn jagħżlu t-​triq it-​tajba. (Is. 30:20, 21; 32:1, 2) Għalhekk mela, ejja nniżżlu f’qalbna l-​parir tal-​appostlu Pawlu! “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, bħalma fil-​fatt qed tagħmlu.”—1 Tess. 5:11.

Int Kif Twieġeb?

• Għala hemm bżonn li nibnu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni Kristjana?

• Liema diffikultajiet tistaʼ tgħin lil oħrajn jegħlbu?

• Għala għandna bżonn l-​għajnuna taʼ oħrajn fil-​kongregazzjoni tagħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 11]

Meta Kristjan seħibna jkun qed jissielet maʼ sitwazzjoni diffiċli, aħna nistgħu nipprovdu appoġġ

[Stampa f’paġna 12]

Ħafna ġuvintur u tfajliet fil-​kongregazzjoni Kristjana llum għandhom potenzjal kbir