Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kliem Kollu Ħlewwa Jwassal Għal Relazzjonijiet Tajbin

Il-Kliem Kollu Ħlewwa Jwassal Għal Relazzjonijiet Tajbin

Il-​Kliem Kollu Ħlewwa Jwassal Għal Relazzjonijiet Tajbin

“Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa.”—KOL. 4:6.

1, 2. X’ġid ħareġ mill-​kliem kollu ħlewwa li qal wieħed ħu?

 “WAQT li kont qed nipprietka minn dar għal dar iltqajt maʼ raġel li tant beda jirrabja li xofftejh u ġismu kollu bdew jirtogħdu,” jgħid wieħed ħu. “Bil-​kalma kollha pprovajt nirraġuna miegħu mill-​Iskrittura, imma hu iżjed kompla jirrabja. Martu u wliedu ngħaqdu miegħu u bdew jattakkawni verbalment, u indunajt li kien ikun aħjar li nitlaq. Jien aċċertajt lill-​familja li ma kontx mort biex nargumenta u li xtaqt inħallihom fuq nota tajba. Urejthom Galatin 5:22 u 23, fejn jissemmew l-​imħabba, il-​ħlewwa, ir-​rażan, u l-​paċi. Imbagħad tlaqt.

2 “Iktar tard, waqt li kont qed inħabbat il-​bibien taʼ faċċata, rajt lill-​familja bilqiegħda fil-​parapett. Sejħuli biex immur ħdejhom. Bejni u bejn ruħi għedt, ‘issa x’jonqos?’ Ir-​raġel kellu buqar bl-​ilma kiesaħ u offrieli x’nixrob. Hu skuża ruħu talli kien arroganti u faħħarni għall-​fidi soda li kelli. Spiċċajnieha bit-​tajjeb.”

3. Għala m’għandniex nippermettu li oħrajn jirrabjawna?

3 Fid-​dinja taʼ llum, li hi mimlija pressjonijiet, spiss ma nkunux nistgħu nevitaw li niltaqgħu maʼ nies irrabjati, inkluż fil-​ministeru. Meta niltaqgħu maʼ dawn in-​nies, hu essenzjali li nuru ‘ħlewwa u rispett profond.’ (1 Pt. 3:15) Li kieku l-​ħu li għadu kif issemma ppermetta li l-​korla u n-​nuqqas taʼ qalb tajba tal-​inkwilin jirrabjawh, l-​attitudni tar-​raġel x’aktarx ma kinitx tinbidel, bħalma fil-​fatt ġara; anzi dan setaʼ rrabja saħansitra iktar. Minħabba li l-​ħu kkontrolla lilu nnifsu u tkellem bil-​ħlewwa, ir-​riżultat kien wieħed tajjeb.

Kliem Kollu Ħlewwa —X’Inhu s-​Sigriet?

4. Għala hu importanti li nużaw kliem kollu ħlewwa?

4 Sew meta nittrattaw maʼ dawk barra mill-​kongregazzjoni u sew meta nittrattaw maʼ wħud fil-​kongregazzjoni, u saħansitra mal-​membri tal-​familja, huwa vitali li nimxu mal-​parir tal-​appostlu Pawlu: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ.” (Kol. 4:6) Kliem pjaċevoli u xieraq bħal dan huwa essenzjali biex ikun hemm il-​paċi u komunikazzjoni tajba.

5. Komunikazzjoni tajba x’ma tfissirx? Spjega.

5 Komunikazzjoni tajba ma tfissirx li tgħid kulma tkun qed taħseb u tħoss x’ħin ifettillek, speċjalment jekk tkun irrabjat. L-​Iskrittura turi li espressjonijiet taʼ rabja bla kontroll huma sinjal taʼ dgħufija, u mhux taʼ qawwa. (Aqra Proverbji 25:28; 29:11.) Mosè—li kien “bil-​wisq l-​iktar ġwejjed” mill-​bnedmin li għexu dak iż-​żmien—darba ħalla r-​ribelljoni tal-​ġens taʼ Israel iġġiegħlu jitlef it-​tempra u jonqos li jagħti glorja lil Alla. Mosè esprima ċar u tond is-​sentimenti tiegħu, iżda Ġeħova ma ħax pjaċir b’dan. Wara li mexxa lill-​Israelin għal 40 sena, Mosè tilef il-​privileġġ li jdaħħalhom fl-​Art Imwiegħda.—Num. 12:3; 20:10, 12; Salm 106:32.

6. Xi jfisser li tkun diskret fi kliemek?

6 L-​Iskrittura tħeġġiġna biex meta nitkellmu nużaw ir-​rażan u d-​diskrezzjoni, jew l-​għaqal. “Fl-​abbundanza tal-​kliem, in-​nuqqasijiet ma jonqsux; imma min irażżan xofftejh qed jaġixxi b’mod diskret.” (Prov. 10:19; 17:27) Madankollu, li tkun diskret ma jfissirx li qatt m’għandek tesprimi ruħek. Dan ifisser li għandek titkellem bil-​“ħlewwa,” billi tuża l-​ilsien biex iddewwi, u mhux biex tweġġaʼ.—Aqra Proverbji 12:18; 18:21.

“Żmien li Toqgħod Kwiet u Żmien li Titkellem”

7. Liema xorta taʼ sentimenti m’għandniex nesprimu, u għala?

7 Sewwasew bħalma jeħtieġ li nuru l-​ħlewwa u r-​rażan meta nitkellmu maʼ sħabna tax-​xogħol jew maʼ nies li ma nafuhomx fil-​ministeru, hekk ukoll jeħtieġ li nagħmlu dan fil-​kongregazzjoni u fil-​familja. Jekk nisfogaw ir-​rabja mingħajr ma nagħtu kas il-​konsegwenzi, nistgħu nikkaġunaw ħsara kbira fuq is-​saħħa spiritwali, emozzjonali, u fiżika tagħna stess u taʼ oħrajn. (Prov. 18:6, 7) Is-​sentimenti ħżiena, frott in-​natura imperfetta tagħna, għandhom jiġu kontrollati. Diskors abbużiv, twaqqigħ għaċ-​ċajt, disprezz, u korla b’mibegħda huma ħżiena. (Kol. 3:8; Ġak. 1:20) Dawn jistgħu jeqirdu r-​relazzjonijiet prezzjużi li jkollna kemm man-​nies u kemm maʼ Ġeħova. Ġesù għallem hekk: “Kulmin jibqaʼ mgħaddab għal ħuh irid jagħti kont lill-​qorti tal-​ġustizzja; imma kulmin jgħid lil ħuh xi kelma taʼ disprezz li m’għandhiex tingħad irid jagħti kont lill-​Qorti Suprema; filwaqt li kulmin jgħidlu, ‘Iblah li ma tiswa għal xejn!’ se jkun qed jissogra li jieħu l-​kastig tan-​nar taʼ Geħenna.”—Mt. 5:22.

8. Meta għandna nesprimu s-​sentimenti tagħna, iżda b’liema mod?

8 Madankollu, hemm ċerti kwistjonijiet li dwarhom forsi nikkonkludu li jkun aħjar li nitkellmuhom. Jekk xi kelma jew azzjoni min-​naħa taʼ ħu tant tkiddek li sempliċement ma tkunx tistaʼ tħalliha għaddejja, tħallix is-​sentimenti taʼ mibegħda joktru f’qalbek. (Prov. 19:11) Jekk xi ħadd jirrabjak, ħu l-​ħin biex tikkalma, u mbagħad ħu l-​passi meħtieġa biex issolvi l-​kwistjoni. Pawlu kiteb: “Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.” Jekk il-​problema tkompli tkiddek, ipprova solviha b’qalb tajba meta jkun il-​waqt. (Aqra Efesin 4:26, 27, 31, 32.) Tkellem maʼ ħuk dwar il-​kwistjoni bil-​miftuħ iżda bil-​ħlewwa, bl-​għan li terġaʼ titħabbeb miegħu.—Lev. 19:17; Mt. 18:15.

9. Għala għandna nieħdu l-​ħin biex nikkalmaw qabel ma navviċinaw lil oħrajn?

9 M’għandniex xi ngħidu, trid tagħraf tagħżel il-​ħin xieraq. Hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” (Ekk. 3:1, 7) Iktar minn hekk, “qalb il-​ġust timmedita sabiex twieġeb.” (Prov. 15:28) Dan jistaʼ jfisser li tistenna qabel ma tiddiskuti l-​problemi. Jekk titkellem meta tkun għadek irrabjat ħafna, tistaʼ tiggrava s-​sitwazzjoni; iżda lanqas hu għaqli li tħalli ħafna żmien jgħaddi.

L-​Aġir bil-​Ħlewwa Jwassal Għal Relazzjonijiet Tajbin

10. Ir-​relazzjonijiet kif jitjiebu meta naġixxu bil-​ħlewwa?

10 Il-​kliem kollu ħlewwa u l-​komunikazzjoni tajba jgħinu biex ikun hemm, u tinżamm, il-​paċi fir-​relazzjonijiet. Fil-​fatt, meta nagħmlu kulma nistgħu biex intejbu r-​relazzjonijiet tagħna m’oħrajn, il-​komunikazzjoni taʼ bejnietna titjieb ukoll. Meta b’sinċerità nieħdu l-​inizjattiva biex nagħmlu atti taʼ qalb tajba m’oħrajn—billi nsibu opportunitajiet biex nagħtu daqqa t’id, nagħtu xi rigal mill-​qalb, u nuru ospitalità—inkunu qed nikkontribwixxu għall-​komunikazzjoni bil-​miftuħ. Dan jistaʼ wkoll “jiġmaʼ ġamar jaqbad” fuq individwu u għandu mnejn joħroġ il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu. B’hekk, ikun iktar faċli li titkellem dwar il-​kwistjoni.—Rum. 12:20, 21.

11. Ġakobb kif ħa l-​inizjattiva biex jirranġa r-​relazzjoni tiegħu maʼ Għesaw, u x’kien ir-​riżultat?

11 Il-​patrijarka Ġakobb fehem l-​importanza li wieħed jaġixxi bil-​ħlewwa sabiex jitjiebu r-​relazzjonijiet. Ħuh it-​tewmi, Għesaw, tant kien irrabjat għalih li Ġakobb ħarab għax beżaʼ li Għesaw kien se joqtlu. Ġakobb ġie lura wara bosta snin. Għesaw, flimkien maʼ 400 raġel, ħareġ jiltaqaʼ miegħu. Ġakobb talab lil Ġeħova għall-​għajnuna. Imbagħad hu bagħat qablu għotja kbira taʼ bhejjem lil Għesaw. L-​għotja laħqet l-​għan tagħha. Meta ltaqgħu, Għesaw kien rattab qalbu u mar jiġri jgħannaq lil Ġakobb.—Ġen. 27:41-​44; 32:6, 11, 13-​15; 33:4, 10.

Inkuraġġixxi lil Oħrajn bi Kliem Kollu Ħlewwa

12. Għala għandna nużaw kliem kollu ħlewwa maʼ ħutna?

12 Il-​Kristjani jaqdu lil Alla, u mhux lill-​bnedmin. Naturalment, xorta waħda nixtiequ li jkollna l-​approvazzjoni taʼ oħrajn. Meta nitkellmu bil-​ħlewwa nistgħu ntaffu t-​tagħbijiet taʼ ħutna. Madankollu, il-​kritika ħarxa tistaʼ tagħmel dawn it-​tagħbijiet jinħassu itqal, u saħansitra jwasslu biex xi wħud jaħsbu li tilfu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Għalhekk, ejja b’sinċerità nitkellmu maʼ oħrajn bi kliem inkuraġġanti u “li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-​ġid lil min jisimgħu.”—Efes. 4:29.

13. L-​anzjani x’għandhom iżommu f’moħħhom (a) meta jagħtu xi parir? (b) meta jiktbu xi ittra?

13 L-​anzjani, b’mod partikulari, għandhom ikunu “ġentili” u jittrattaw lill-​merħla b’tenerezza. (1 Tess. 2:7, 8) Meta l-​anzjani jkollhom bżonn jagħtu xi parir, l-​għan tagħhom hu li jagħmlu dan “bil-​ħlewwa,” anki meta jkellmu lil dawk li “ma jurux attitudni favorevoli.” (2 Tim. 2:24, 25) L-​anzjani għandhom ukoll juru l-​ħlewwa meta jkollhom bżonn jiktbu xi ittra lil xi ġemgħa tal-​anzjani jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa. Huma għandhom juru qalb tajba u tattika, fi qbil maʼ dak li naqraw f’Mattew 7:12.

Nużaw Kliem Kollu Ħlewwa fil-​Familja

14. Pawlu liema parir jagħti lill-​irġiel miżżewġin, u għala?

14 Hu faċli li ma tobsorx x’impatt jistaʼ jkollhom fuq oħrajn kliemna, l-​espressjonijiet taʼ wiċċna, u l-​lingwaġġ taʼ ġisimna. Pereżempju, xi rġiel forsi ma jkunux konxji bis-​sħiħ taʼ kemm kliemhom jistaʼ jeffettwa lin-​nisa. Waħda oħt qalet, “Nitkexkex meta żewġi jgħolli leħnu miegħi bir-​rabja.” Kliem aħrax jistaʼ jħalli impatt akbar fuq mara milli jħalli fuq raġel u għandu mnejn jibqaʼ stampat f’moħħha għal żmien twil. (Lq. 2:19) Dan hu speċjalment minnu jekk il-​kliem li jingħad ikun ġej mingħand xi ħadd li l-​mara tkun tħobbu u li tkun tixtieq tirrispettah. Lill-​irġiel miżżewġin, Pawlu tahom dan il-​parir: “Ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.”—Kol. 3:19.

15. Spjega għala raġel għandu jittratta lil martu bil-​ġentilezza.

15 F’dan ir-​rigward, ħu li ilu miżżewweġ spjega għala raġel għandu jittratta lil martu bil-​ġentilezza, bħala “reċipjent iktar dgħajjef.” Hu qal: “Meta żżomm vażun prezzjuż u delikat f’idejk, ma tridx tagħfsu żżejjed, inkella jixxaqqaq. Anki jekk jissewwa, xorta jistaʼ jibqaʼ jidher imxaqqaq. Jekk raġel juża kliem iebes wisq maʼ martu, hu jistaʼ jweġġagħha. Kliem bħal dan jistaʼ jxaqqaq, biex ngħidu hekk, ir-​relazzjoni tagħhom darba għal dejjem.”—Aqra 1 Pietru 3:7.

16. Mara miżżewġa kif tistaʼ tibni lill-​familja tagħha?

16 Anki l-​irġiel jistgħu jiġu inkuraġġiti jew skuraġġiti minħabba kliem ħaddieħor, inkluż dak tan-​nisa tagħhom. “Mara għaqlija,” waħda li żewġha jistaʼ tassew ‘jafda fiha,’ tirrispetta s-​sentimenti tiegħu, sewwasew bħalma hi tixtiequ jirrispetta tagħha. (Prov. 19:14; 31:11) Tabilħaqq, mara miżżewġa jistaʼ jkollha influwenza konsiderevoli fuq il-​familja, kemm għat-​tajjeb u kemm għall-​ħażin. “Il-​mara tassew għarfa bniet darha, imma l-​belha ġġarrafha b’idejha stess.”—Prov. 14:1.

17. (a) Iż-​żgħażagħ kif għandhom ikellmu lill-​ġenituri tagħhom? (b) Il-​kbar kif għandhom ikellmu liż-​żgħażagħ, u għala?

17 Kemm il-​ġenituri u kemm it-​tfal għandhom ikellmu lil xulxin bil-​ħlewwa. (Mt. 15:4) Meta nkunu qed nitkellmu maż-​żgħażagħ, it-​tattika se tgħinna nevitaw li ‘ndejquhom,’ jew li ‘nqanqluhom għall-​għadab.’ (Kol. 3:21; Efes. 6:4, Karm Żammit) Anki jekk it-​tfal ikollhom bżonn jiġu dixxiplinati, il-​ġenituri u l-​anzjani għandhom ikellmuhom bir-​rispett. B’hekk, il-​kbar jagħmluha iktar faċli għaż-​żgħażagħ biex jiddrittaw triqathom u jżommu relazzjoni tajba m’Alla. Dan hu ħafna aħjar milli nagħtu l-​impressjoni li qtajna qalbna minnhom, għax dan jistaʼ jwassal biex anki huma jaqtgħu qalbhom. Iż-​żgħażagħ forsi ma jiftakrux il-​pariri kollha li jkunu ngħataw, iżda se jiftakru l-​mod kif ikunu kellmuhom l-​oħrajn.

Ngħidu Affarijiet Tajbin mill-​Qalb

18. Kif nistgħu nneħħu kull ħsieb u sentiment li jqanqalna biex inweġġgħu lil oħrajn?

18 Li nikkontrollaw ir-​rabja ma jfissirx sempliċement li nkunu nidhru kalmi. L-​għan tagħna għandu jkun iktar milli sempliċement irrażżnu s-​sentimenti taʼ rabja. Jekk nipprovaw nibqgħu nidhru kalmi minn barra, waqt li fir-​realtà jkollna r-​rabja tbaqbaq ġo fina, inkunu qed inpoġġu lilna nfusna taħt pressjoni. Ikun bħallikieku individwu jagħfas il-​pedali tal-​brejk u tal-​gass taʼ karozza fl-​istess ħin. Dan ipoġġi l-​karozza taħt pressjoni żejda u jistaʼ jikkaġuna l-​ħsara. Għalhekk, tiġmax ir-​rabja ġo fik biex imbagħad tisfogaha iktar tard. Itlob lil Ġeħova jgħinek tneħħi kull sentiment li jqanqlek biex tweġġaʼ lil oħrajn. Ħalli l-​ispirtu taʼ Ġeħova jaħdem fuq moħħok u qalbek sabiex dawn ikunu fi qbil mar-​rieda tiegħu.—Aqra Rumani 12:2; Efesin 4:23, 24.

19. Liema passi jistgħu jgħinuna nevitaw il-​konflitti?

19 Ħu passi prattiċi. Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni stressanti u tibda tħoss ir-​rabja tinġema ġo fik, jistaʼ jkun taʼ għajnuna li twarrab għal ftit ħin biex tilħaq tikkalma. (Prov. 17:14) Jekk dak li tkun qed titkellem miegħu jibda jirrabja, agħmel iżjed sforz biex titkellem bil-​ħlewwa. Ftakar: “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-​rabja.” (Prov. 15:1) Meta tgħaddi kumment li jweġġaʼ jew aggressiv, anki jekk dan jingħad b’ġentilezza, ikun bħallikieku qed tressaq il-​porvli lejn in-​nar. (Prov. 26:21) Għalhekk, meta xi sitwazzjoni tpoġġi taħt prova r-​rażan tiegħek, kun ‘tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ Itlob lil Ġeħova jagħtik l-​ispirtu tiegħu biex jgħinek tgħid affarijiet tajbin, mhux ħżiena.—Ġak. 1:19.

Naħfru mill-​Qalb

20, 21. X’jistaʼ jgħinna naħfru lil oħrajn, u għala għandna nagħmlu dan?

20 Sfortunatament, ħadd minna m’għandu kontroll perfett fuq ilsienu. (Ġak. 3:2) Minkejja li jagħmlu dak kollu li jistgħu, anki l-​membri tal-​familja u l-​għeżież ħutna spiritwali kultant forsi jfajru xi kliem bl-​addoċċ li jweġġagħna. Minflok ma tieħu għalik malajr, analizza bil-​paċenzja għala għandhom mnejn ikunu qalu dak li qalu. (Aqra Ekkleżjasti 7:8, 9.) Kienu huma stressati, beżgħanin, mhux f’sikkithom, jew qed jissieltu maʼ xi problema li ma kontx taf biha?

21 Fatturi bħal dawn mhumiex raġunijiet validi sabiex nisfogaw ir-​rabja. Iżda meta nagħrfu l-​fatturi se niġu megħjunin nifhmu għala kultant in-​nies jgħidu u jagħmlu affarijiet li m’għandhomx jgħiduhom u jagħmluhom, u b’hekk dan jistaʼ jqanqalna biex naħfru. Ilkoll kemm aħna għedna u għamilna affarijiet li bihom weġġajna lil oħrajn, u nittamaw li huma jaħfrulna mill-​qalb. (Ekk. 7:21, 22) Ġesù qal li sabiex naqilgħu l-​maħfra t’Alla għandna naħfru lil oħrajn. (Mt. 6:14, 15; 18:21, 22, 35) Għalhekk, għandna nkunu ħfief biex niskużaw ruħna u ħfief biex naħfru, u b’hekk l-​imħabba—ir-​“rabta perfetta li tgħaqqad”—tibqaʼ tirrenja fil-​familja tagħna u fil-​kongregazzjoni.—Kol. 3:14.

22. Għala hu taʼ min jagħmel sforz biex juża kliem kollu ħlewwa?

22 L-​isfidi biex inżommu l-​ferħ u l-​unità tagħna x’aktarx li se jiżdiedu hekk kif din is-​sistema preżenti rrabjata riesqa lejn tmiemha. Jekk napplikaw il-​prinċipji prattiċi li nsibu fil-​Kelma t’Alla se niġu megħjunin nużaw ilsienna biex nagħmlu t-​tajjeb, u mhux il-​ħażin. Aħna se ngawdu relazzjonijiet iktar paċifiċi fil-​kongregazzjoni u fil-​familja, u l-​eżempju tagħna se jipprovdi xhieda eċċellenti għal oħrajn dwar l-​“Alla l-​hieni” tagħna, Ġeħova.—1 Tim. 1:11.

Tistaʼ Tispjega?

• Għala hu importanti li tagħżel ħin xieraq biex tiddiskuti l-​problemi?

• Il-​membri tal-​familja għala għandhom dejjem ikellmu lil xulxin “bil-​ħlewwa”?

• Kif nistgħu nevitaw li ngħidu kliem li jweġġaʼ?

• X’jistaʼ jgħinna naħfru?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 21]

Ħu l-​ħin biex tikkalma, u mbagħad sib il-​ħin xieraq biex titkellem

[Stampa f’paġna 23]

Raġel dejjem għandu jkellem lil martu bil-​ġentilezza