Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tkampa mat-Tradiment fiż-Żwieġ

Kif Tkampa mat-Tradiment fiż-Żwieġ

Kif Tkampa mat-​Tradiment fiż-​Żwieġ

MARGARITA u żewġha, Raúl, kienu qdew lil Ġeħova flimkien bħala ministri full-​time għal ħafna snin. a Imma ftit wara t-​twelid tal-​ewwel tarbija tagħhom, Raúl beda jitbiegħed minn Ġeħova. Eventwalment, Raúl beda jgħix ħajja immorali u ġie maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana. “Meta ġara dan kollu,” tgħid Margarita, “ħassejtni se mmut. Kelli qalbi maqsuma, u ma kontx naf x’se naqbad nagħmel.”

Ftit wara li Jane żżewġet, żewġha ttradieha b’manjiera differenti billi abbuża mill-​fiduċja u mill-​affezzjoni tagħha. Hu beda jabbużaha fiżikament. “L-​ewwel darba li tani daqqa taʼ ponn,” tgħid Jane, “bqajt imbellha, ħassejtni imbarazzata u umiljata. Kienet saret drawwa li jabbużani fiżikament u mbagħad jitlobni bil-​ħrara biex naħfirlu. Kont naħseb li kien l-​obbligu Kristjan tiegħi li naħfer u ninsa dejjem. Kont naħseb ukoll li ma kontx inkun leali jekk insemmi l-​problema tagħna maʼ xi ħadd—saħansitra mal-​anzjani fil-​kongregazzjoni tagħna. Din id-​drawwa taʼ abbuż u maħfra baqgħet sejra snin sħaħ. Sadanittant, ħsibt li bilfors li kien hemm xi ħaġa li stajt nagħmel biex żewġi jsir iħobbni. Meta fl-​aħħar nett telaq lili u lil bintna, ħassejtni li kont fallejt u li messni għamilt jew għedt iktar biex iż-​żwieġ inżommu magħqud.”

Bħal Margarita u Jane, forsi int qed issofri emozzjonalment, finanzjarjament, u spiritwalment għaliex żewġek ittradiek. Jew forsi int raġel miżżewweġ li qed tesperjenza qsim il-​qalb u tbatija għaliex martek ma baqgħetx leali lejk. Ħadd ma jistaʼ jiċħad li qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” bħalma bassret il-​Bibbja. Din il-​profezija tindika li matul “l-​aħħar jiem,” il-​familji kellhom jiġu attakkati, u l-​imħabba naturali kellha tkun nieqsa għalkollox f’ħafna każi. Xi wħud li jsostnu li jaqdu lil Alla ma jurux dan bil-​fatti. (2 Tim. 3:1-​5) Il-​Kristjani veri mhumiex meħlusin minn dawn il-​problemi; għalhekk, x’jistaʼ jgħinek tkampa jekk ġejt tradut?

Ara Lilek Innifsek Kif Jarak Ġeħova

Għall-​ewwel, forsi ma tkunx tistaʼ temmen li xi ħadd li tħobb setaʼ weġġgħek daqshekk. Għandek mnejn tibda twaħħal fik innifsek għall-​kondotta midinba tiegħu jew tagħha.

Iżda, ftakar li anki l-​bniedem perfett Ġesù ġie tradut minn xi ħadd li fada u ħabb. Ġesù għażel l-​imseħbin l-​iktar mill-​qrib tiegħu, l-​appostli, wara li ħaseb u talab dwar il-​kwistjoni b’attenzjoni kbira. It-​12 li huma, dak iż-​żmien, kienu qaddejja taʼ Ġeħova taʼ min jafdahom. Għalhekk, Ġesù bla dubju kien imnikket ferm meta Ġuda “sar traditur.” (Lq. 6:12-​16) Madankollu, Ġeħova ma żammx lil Ġesù responsabbli għall-​aġir taʼ Ġuda.

Huwa minnu li fil-​preżent ebda sieħeb fiż-​żwieġ mhu perfett. Iż-​żewġ imseħbin se jagħmlu l-​iżbalji. Salmista mnebbaħ kiteb b’mod realistiku: “Kieku int toqgħod għassa għall-​iżbalji, O Jah, O Ġeħova, min jistaʼ jżomm wieqaf?” (Salm 130:3) Biex jimitaw lil Ġeħova, iż-​żewġ imseħbin għandhom ikunu lesti li jaħfru l-​imperfezzjonijiet taʼ xulxin.—1 Pt. 4:8.

Madankollu, “kull wieħed minna se jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” (Rum. 14:12) Jekk xi ħadd fiż-​żwieġ jiħodha drawwa li juża diskors abbużiv jew jagħmel azzjonijiet abbużivi, hu l-​imsieħeb ħati li jrid iwieġeb quddiem Ġeħova. Ġeħova jikkundanna l-​vjolenza u d-​diskors abbużiv, u għalhekk qatt m’hemm raġuni leġittima biex wieħed jittratta lis-​sieħba tiegħu b’nuqqas daqstant kbir taʼ mħabba u rispett. (Salm 11:5; Efes. 5:33; Kol. 3:6-​8) Fil-​fatt, jekk Kristjan ripetutament u bla ndiema jċedi għall-​għadab u ma jinbidilx, hu jrid jiġi maqtugħ mis-​sħubija tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Gal. 5:19-​21; 2 Ġw. 9, 10) Sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ m’għandhiex għalfejn tħossha ħatja jekk tirrapporta kondotta mhix Kristjana bħal din lill-​anzjani. Tabilħaqq, Ġeħova jagħder lill-​vittmi taʼ trattament ħażin bħal dan.

Meta sieħeb fiż-​żwieġ jikkommetti adulterju, hu ma jidnibx biss kontra l-​parti innoċenti imma wkoll kontra Ġeħova. (Mt. 19:4-​9; Ebr. 13:4) Jekk il-​parti innoċenti kienet qed tagħmel ħilitha biex tgħix fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi, m’għandhiex għalfejn tħossha ħatja minħabba t-​tradiment midneb tal-​adulteru.

Ftakar li Ġeħova jaf kif tħossok. Hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala s-​sid bħal raġel miżżewweġ tal-​ġens taʼ Israel, u l-​Kelma tiegħu fiha ħafna siltiet kommoventi li juru n-​niket li sofra minħabba l-​azzjonijiet adulterużi spiritwalment taʼ dak il-​ġens. (Is. 54:5, 6; Ġer. 3:1, 6-​10) Kun ċert li Ġeħova hu konxju sew tad-​dmugħ li xxerred jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek fiż-​żwieġ tittradik b’xi mod. (Mal. 2:13, 14) Hu jaf li għandek bżonn il-​faraġ u l-​inkuraġġiment.

Kif Ġeħova Jipprovdi l-​Faraġ

Mod wieħed kif Ġeħova jipprovdi l-​faraġ hu permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana. Jane rċiviet appoġġ bħal dan. “Iż-​żjara tal-​indokratur tas-​circuit ġiet fi żmien meta kont batuta ħafna emozzjonalment,” tiftakar Jane. “Hu kien jaf kemm kont dipressa minħabba li żewġi talab id-​divorzju. Ħa l-​ħin biex jgħinni nirraġuna fuq skritturi bħall-​1 Korintin 7:15. Il-​versi Bibliċi u l-​kummenti b’qalb tajba tiegħu għenuni neħles mis-​sentimenti taʼ ħtija u tawni ftit paċi tal-​moħħ.” b

Margarita, li ssemmiet qabel, ukoll saret taf li Ġeħova jipprovdi għajnuna prattika permezz tal-​kongregazzjoni Kristjana. “Meta sar ovvju li żewġi ma riedx jindem,” tgħid Margarita, “qbadt lil uliedi u mort noqgħod f’belt oħra. Malli wasalt, irnexxieli nsib żewġ kmamar biex nikrihom. L-​għada, imdejqa għall-​aħħar, kont qed noħroġ l-​affarijiet tagħna mill-​bagalji meta xi ħadd ħabbatli fuq il-​bieb. Ħsibt li kienet sidt il-​kera, li kienet toqgħod bieb maʼ bieb miegħi. Ħaġa tal-​iskantament, kienet l-​oħt li kienet ikkonduċiet l-​istudju tal-​Bibbja ma’ ommi u kienet għenet lill-​familja tagħna titgħallem il-​verità. Ma kinitx qed tistenna li tarani, imma kienet ġiet f’din id-​dar għaliex kienet qed tistudja l-​Bibbja maʼ sidt il-​kera. Ħassejt serħan kbir—ma stajtx nikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħi. Spjegajtilha s-​sitwazzjoni li kont fiha u bkejna flimkien. Minnufih irranġatilna biex immorru l-​laqgħa dakinhar stess. Il-​kongregazzjoni laqgħetna, u l-​anzjani għamlu arranġamenti prattiċi biex jgħinuni nieħu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali tal-​familja tiegħi.”

Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu

Tabilħaqq, membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jipprovdu appoġġ prattiku b’ħafna modi. Pereżempju, Margarita issa kellha ssib impjieg. Familja fil-​kongregazzjoni offritilha li tieħu ħsieb it-​tfal tagħha wara l-​iskola meta kien hemm bżonn.

“Dak li napprezza tassew,” tirrakkonta Margarita, “hu meta l-​aħwa joffru biex jien u wliedi mmorru magħhom fil-​ministeru tal-​għalqa.” B’għajnuna prattika bħal din, il-​membri tal-​kongregazzjoni jkunu qed jgħinu biex ‘iġorru t-​toqol taʼ xulxin’ u meta jagħmlu hekk ikunu qed iwettqu “l-​liġi tal-​Kristu.”—Gal. 6:2.

Dawk li qed isofru minħabba d-​dnubiet taʼ oħrajn japprezzaw verament dan it-​tip taʼ għajnuna prattika. Monique, li żewġha abbandunaha u ħallieha b’dejn taʼ 10,000 ewro u erbat itfal xi trabbi, tgħid: “Ħuti spiritwali wrewni mħabba kbira. Ma nistax nimmaġina kif kont inkampa mingħajr l-​appoġġ tagħhom. Inħoss li Ġeħova pprovda aħwa mill-​aħjar, li taw minnhom infushom għal uliedi. Kelli l-​pjaċir nara lil uliedi jikbru għal maturità spiritwali b’għajnuna bħal din. Meta kelli bżonn xi parir, l-​anzjani għenuni. Meta kelli bżonn niftaħ qalbi maʼ xi ħadd, huma tawni widen.”—Mk. 10:29, 30.

M’għandniex xi ngħidu, ħabib li jħobb ikun jaf meta jkun aħjar li ma jsemmix l-​esperjenza kerha taʼ ħaddieħor. (Ekk. 3:7) “Il-​biċċa l-​kbira mill-​ħin,” tgħid Margarita, “kont nieħu pjaċir nitkellem mal-​aħwa nisa fil-​kongregazzjoni l-​ġdida tiegħi dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar, l-​istudji tal-​Bibbja tagħna, u wliedna—kollox minbarra l-​problemi tiegħi. Apprezzajt li ħallewni nħalli warajja l-​imgħoddi u għenuni nibda mill-​ġdid.”

Irreżisti x-​Xewqa li Tpattiha

Kultant, minflok li b’xi mod tħossok responsabbli għad-​dnubiet tas-​sieħeb tiegħek, għandek mnejn tħoss riżentiment minħabba l-​fatt li qed issofri ħafna b’riżultat tal-​iżbalji tiegħu. Jekk tħallih jikber, dan ir-​riżentiment jistaʼ jdgħajjef id-​determinazzjoni tiegħek li tibqaʼ leali lejn Ġeħova. Pereżempju, tistaʼ tiġi mħajra tfittex modi ħalli tpattiha lis-​sieħeb żleali tiegħek.

Jekk tirrealizza li sentimenti bħal dawn qed jinġemgħu ġo fik tistaʼ tirrifletti dwar l-​eżempju taʼ Ġożwè u Kaleb. Dawn l-​irġiel leali ssograw ħajjithom biex jitkixxfu l-​Art Imwiegħda. L-​ispiji l-​oħrajn kienu neqsin mill-​fidi u biegħdu lin-​nies milli jobdu lil Ġeħova. Xi wħud mill-​Israelin saħansitra riedu jħaġġru lil Ġożwè u lil Kaleb meta dawn ipprovaw jinkuraġġixxu lill-​ġens biex jibqaʼ leali. (Num. 13:25–14:10) Minħabba l-​aġir taʼ Israel, Ġożwè u Kaleb kellhom jiġġerrew fix-​xagħri għal 40 sena, mhux għall-​iżball tagħhom stess, imma għall-​iżball taʼ ħaddieħor.

Għalkemm Ġożwè u Kaleb x’aktarx li ħassewhom diżappuntati, ma mtlewx bl-​imrar minħabba d-​dnubiet taʼ ħuthom. Huma ffokaw fuq li jżommu l-​bilanċ spiritwali tagħhom stess. Fi tmiem l-​40 sena fix-​xagħri, huma, flimkien mal-​Leviti, ġew premjati billi kienu dawk li tħallew ħajjin minn dik il-​ġenerazzjoni u billi tħallew jidħlu fl-​Art Imwiegħda.—Num. 14:28-​30; Ġoż. 14:6-​12.

L-​azzjonijiet tas-​sieħeb żleali tiegħek jistgħu jġegħluk issofri għal xi żmien. Iż-​żwieġ għandu mnejn jispiċċa, u madankollu int tistaʼ tbati emozzjonalment u finanzjarjament wara. Madankollu, minflok ma tħalli ħsibijiet skuraġġanti jegħlbuk, ftakar li Ġeħova jaf l-​aħjar kif jittratta lil dawk li apposta jinjoraw il-​livelli tiegħu, saħansitra kif skoprew l-​Israelin bla fidi fix-​xagħri.—Ebr. 10:30, 31; 13:4.

Int Tistaʼ Tkampa!

Minflok ma tħalli ħsibijiet negattivi jtaqqluk, imla moħħok bil-​ħsibijiet taʼ Ġeħova. “Jien sibt li meta qgħadt nismaʼ It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! rekordjati fuq kasett ġejt megħjuna biex inkampa,” tgħid Jane. “Il-​laqgħat kienu wkoll sors kbir taʼ saħħa. Il-​fatt li kelli sehem attiv fil-​laqgħat għenni biex ma naħsibx dwar il-​problemi tiegħi. Ix-​xogħol tal-​ippritkar għenni bl-​istess mod. Billi għent lil oħrajn jibnu l-​fidi f’Ġeħova saħħaħt il-​fidi tiegħi stess. U li ħadt ħsieb l-​istudenti tal-​Bibbja għenni niffoka fuq l-​affarijiet iktar importanti.”

Monique, li ssemmiet qabel, tgħid: “Billi nattendi għal-​laqgħat regolarment u billi nipparteċipa kemm nistaʼ fis-​servizz tal-​għalqa stajt nissaporti. Il-​membri tal-​familja tiegħi resqu iktar qrib lejn xulxin u lejn il-​kongregazzjoni. Dak li għaddejt minnu għenni nirrikonoxxi d-​dgħufijiet tiegħi. Għaddejt minn prova, imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova nistaʼ nkampa.”

Int ukoll tistaʼ tkampa maʼ provi simili. Minkejja l-​uġigħ kaġunat minn tradiment, stinka biex issegwi l-​parir imnebbaħ taʼ Pawlu: “Ħa ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-​żmien naħsdu jekk ma negħjewx.”—Gal. 6:9.

[Noti taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

b Għal diskussjoni dettaljata dwar il-​ħarsa tal-​Bibbja lejn is-​separazzjoni u d-​divorzju, ara l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” paġni 125-​130, 219-​221.

[Stampa f’paġna 31]

Imseħbin fiż-​żwieġ abbandunati japprezzaw lil dawk li jgħinuhom fil-​ministeru tal-​għalqa