Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Magħqudin fl-Imħabba—Rapport tal-Laqgħa Annwali

Magħqudin fl-Imħabba—Rapport tal-Laqgħa Annwali

Magħqudin fl-​Imħabba—Rapport tal-​Laqgħa Annwali

KIEN hemm eċċitament kbir fis-​Sala tal-​Assemblea tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​belt taʼ Jersey, New Jersey, l-​Istati Uniti. Fl-​għodwa tat-​3 taʼ Ottubru, 2009, iktar minn 5,000 inġabru għall-​125 laqgħa annwali tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania. Eluf oħrajn semgħu u raw il-​programm permezz taʼ konnessjoni bl-​awdjo u bil-​vidjo mat-​tliet kumplessi taʼ Betel fl-​Istati Uniti u mal-​Betel tal-​Kanada. B’kollox, 13,235 ruħ, magħqudin fl-​imħabba tagħhom lejn Ġeħova, gawdew il-​laqgħa taʼ tliet sigħat.

Geoffrey Jackson tal-​Ġemgħa li Tiggverna qeda bħala chairman. Fetaħ il-​programm billi introduċa kor taʼ Beteliti li kantaw għanjiet mill-​ktieb tal-​għanjiet ġdid tagħna. David Splane, membru ieħor tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ikkonduċa l-​kor u ddiskuta fil-​qosor l-​importanza tal-​mużika fil-​qima pura. L-​udjenza ġiet mistiedna tkanta tliet għanjiet ġodda fil-​laqgħa; l-​ewwel kantahom il-​kor, u mbagħad il-​kor u l-​udjenza kantawhom flimkien. L-​użu taʼ kor kien biss għal din il-​laqgħa speċjali; m’għandux jintuża bħala mudell biex isegwuh il-​kongregazzjonijiet, is-​circuits, jew id-​distretti.

Rapporti Minn Fergħat

Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa li kienu qed iżuru taw rapporti minn ħames fergħat. Kenneth Little qal li l-​Kanada dalwaqt se tibda tistampa l-​biċċa l-​kbira mir-​rivisti għall-​Istati Uniti u l-​Kanada, u dan se jirriżulta f’żieda għal għaxar darbiet fil-​produzzjoni għal din il-​fergħa. Biex dan jitwettaq, magna ġdida tal-​istampar se taħdem b’żewġ xiftijiet, b’total taʼ 16-​il siegħa kuljum.

Reiner Thompson irrapporta dwar ix-​xogħol tas-​Saltna fir-​Repubblika Dominikana, u Albert Olih iddeskriva l-​attivitajiet tagħna fin-​Niġerja. Emile Kritzinger mill-​Możambik spjega li wara ħafna snin taʼ persekuzzjoni hemmhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew reġistrati fl-​1992. It-​tliet pajjiżi reċentement kellhom żieda kbira fl-​għadd taʼ pubblikaturi. Viv Mouritz mill-​fergħa tal-​Awstralja tkellem dwar żviluppi f’Timor tal-​Lvant, li jieħdu ħsiebu l-​aħwa fl-​Awstralja.

Kumitati tal-​Ġemgħa li Tiggverna

Fl-​1976, l-​attivitajiet kollha tax-​Xhieda taʼ Ġeħova nġiebu taħt is-​superviżjoni tas-​sitt kumitati tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Iktar tard, membri tal-​klassi tan-​nagħaġ oħrajn ġew maħturin bħala ajjutanti. Issa 23 jgħinu fix-​xogħol li qed isir. Sitta minnhom ġew intervistati. Dawn għandhom total taʼ 341 sena taʼ servizz full-​time—medja taʼ 57 sena kull wieħed.

Don Adams, li beda jaqdi f’Betel fl-​1943, spjega li l-​Kumitat tal-​Koordinaturi hu magħmul mill-​koordinaturi tal-​ħames kumitati l-​oħrajn, u dan jagħmel ċert li l-​ħamsa li huma jaħdmu flimkien f’unità. Dan il-​kumitat iwieġeb għal emerġenzi kbar, persekuzzjonijiet, każi fil-​qrati, diżastri, u kwistjonijiet urġenti oħrajn li jeffettwaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja.

Dan Molchan iddeskriva x-​xogħol tal-​Kumitat tal-​Personell, li jindokra l-​benesseri spiritwali u fiżiku tad-​19,851 Betelit madwar id-​dinja. David Sinclair tkellem dwar kif il-​Kumitat tal-​Ippubblikar jindokra x-​xiri taʼ provvisti u tagħmir għall-​fergħat. Imbagħad Robert Wallen, li ilu jaqdi f’Betel kważi 60 sena, tkellem dwar kif il-​Kumitat tas-​Servizz jieħu ħsieb l-​attività tal-​poplu taʼ Ġeħova fl-​għalqa u fil-​kongregazzjonijiet. William Malenfant ġabar fil-​qosor ix-​xogħol iebes li jagħmel il-​Kumitat tat-​Tagħlim biex jipprepara programm tal-​konvenzjoni. Fl-​aħħar, John Wischuk iddeskriva kif il-​Kumitat tal-​Kitba jindokra t-​tħejjija u l-​ipproċessar bir-​reqqa taʼ materjal għall-​pubblikazzjonijiet tagħna. a

L-​Iskrittura għas-​Sena 2010 Tiffoka fuq l-​Imħabba

It-​tliet taħditiet li kien imiss ngħataw minn membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Gerrit Lösch beda bil-​mistoqsija, “Trid li oħrajn iħobbuk?” L-​imħabba, spjega hu, hija bżonn bażiku tal-​bnedmin, u lkoll nissaħħu permezz tagħha. Aħna neżistu grazzi għall-​imħabba, għaliex Ġeħova ħalaqna għax għandu mħabba mhix egoistika. Il-​motiv primarju għall-​ippritkar u t-​tagħlim tagħna hu mħabba għal Ġeħova.

L-​imħabba bbażata fuq il-​prinċipji ma nuruhiex biss mal-​proxxmu tagħna imma wkoll mal-​għedewwa tagħna. (Mt. 5:43-​45) L-​udjenza ġiet inkuraġġita biex tikkunsidra dak li għadda minnu Ġesù għalina meta sawtuh, waqqgħuh għaċ-​ċajt, beżqulu, u nifduh. Minkejja dan, hu talab għas-​suldati li sammruh maʼ zokk. Ma jġegħelniex dan inħobbuh saħansitra iktar? Ħuna Lösch imbagħad ħabbar l-​iskrittura għas-​sena 2010: L-​1 Korintin 13:7, 8, ‘L-​imħabba kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.’ Għandna l-​prospett mhux biss li ngħixu għal dejjem imma wkoll li nħobbu u li nkunu maħbubin għal dejjem.

Qed Issuq b’Tank Kważi Vojt?

Samuel Herd beda t-​taħdita tiegħu b’tixbiha. Ejja ngħidu li ħabib jgħaddi għalik biex tagħmlu vjaġġ taʼ 50 kilometru. Mill-​post tal-​passiġġier, int tinnota li ma tantx fadal petrol, u tgħid lil ħabib tiegħek b’dan. Hu jgħidlek biex ma tinkwetax; għad hemm xi 4 litri fit-​tank. Però, ma jdumx ma jispiċċa l-​petrol. Jagħmel sens li ‘ssuq b’tank kważi vojt,’ meta tkun taf li l-​petrol jistaʼ jispiċċa tul it-​triq? Kemm ikun aħjar jekk inżommu tank mimli! B’mod figurattiv, irridu nżommu tank mimli, u l-​petrol hu l-​għarfien tagħna dwar Ġeħova.

Għal din ir-​raġuni, hemm bżonn li nimlew it-​tank u dan irridu nagħmluh regolarment. Hemm erbaʼ modi kif nagħmlu dan. L-​ewwel, l-​istudju persunali, billi nsiru familjari mal-​Bibbja u naqrawha kuljum. Iktar milli sempliċement naqraw il-​kliem, irridu nifhmu dak li naqraw. It-​tieni, nagħmlu użu tajjeb mil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja. Nieqfu aħna kull ġimgħa u nimlew it-​tank jew nitfgħu biss ftit fit-​tank tagħna? It-​tielet, l-​istudju tal-​kongregazzjoni u l-​attendenza għal-​laqgħat. Ir-​rabaʼ, meditazzjoni fil-​kwiet u bla tfixkil, billi naħsbu dwar it-​triqat taʼ Ġeħova. Salm 143:5 jgħid: “Jien ftakart fil-​jiem taʼ żmien twil ilu; immeditajt fuq l-​attività kollha tiegħek.”

“In-​Nies Sewwa Jiddu”

John Barr ta t-​tielet u l-​aħħar taħdita, li spjegat it-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​qamħ u s-​sikrana. (Mt. 13:24-​30, 38, 43) Din it-​tixbiha tirreferi għal “ħsad” li matulu “wlied is-​saltna” jinġabru u s-​sikrana tiġi separata biex tinħaraq.

Ħuna Barr għamilha ċara li l-​ġbir ma kienx se jkompli għal dejjem. Hu rrefera għal Mattew 24:34, li jgħid: “Din il-​ġenerazzjoni żgur ma tgħaddix sakemm iseħħ dan kollu.” Darbtejn qara l-​kumment: “B’mod evidenti, Ġesù ried ifisser li l-​ħajjiet tal-​midlukin li raw il-​bidu tas-​sinjal fl-​1914 kellhom jgħixu fl-​istess żmien taʼ wħud midlukin oħrajn li kellhom jaraw il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira.” Ma nafux it-​tul eżatt taʼ “din il-​ġenerazzjoni,” imma jinkludi dawn iż-​żewġ gruppi li jgħixu fl-​istess żmien. Avolja l-​midlukin ivarjaw fl-​età, dawk fiż-​żewġ gruppi li jifformaw il-​ġenerazzjoni huma kontemporanji matul parti mill-​aħħar jiem. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li l-​kontemporanji midlukin iżgħar fl-​età taʼ dawk il-​midlukin akbar fl-​età li għarfu s-​sinjal meta sar evidenti b’seħħ mill-​1914 mhux se jmutu kollha qabel ma tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira!

“Ulied is-​saltna” jistennew bil-​ħerqa l-​premju tagħhom fis-​sema, imma lkoll kemm aħna rridu nibqgħu leali, billi niddu sat-​tmiem. Xi privileġġ għandna li naraw il-​ġbir tal-​“qamħ” fi żmienna.

Wara l-​għanja tal-​għeluq, Theodore Jaracz tal-​Ġemgħa li Tiggverna għalaq b’talba. Xi programm inkuraġġanti kienet il-​laqgħa annwali!

[Nota taʼ taħt]

a Għal deskrizzjoni tax-​xogħol tas-​sitt kumitati tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2008, paġna 29.

[Kaxxa f’paġna 5]

SKOLA GĦALL-​ANZJANI

Fil-​laqgħa annwali, Anthony Morris, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ħabbar li kien se jkun hemm taħriġ kontinwu għall-​anzjani tal-​kongregazzjonijiet. Inbdiet skola għall-​anzjani mill-​Istati Uniti kmieni fl-​2008 fiċ-​ċentru edukattiv f’Patterson, New York. It-​72 klassi kienet għadha kif spiċċat, u s’issa ġew imħarrġin 6,720 anzjan. Għad hemm ħafna xi jsir. Fl-​Istati Uniti biss, hemm iktar minn 86,000 anzjan. B’hekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat skola addizzjonali li kellha tinżamm fi Brooklyn, New York, u li kellha tibda fis-​7 taʼ Diċembru, 2009.

Għal xahrejn, erbaʼ indokraturi li jivvjaġġaw kellhom jiġu mħarrġin bħala istrutturi f’Patterson. Dawn imbagħad kellhom jintbagħtu Brooklyn biex jgħallmu, u erbgħa oħra kellhom jiġu mħarrġin. Imbagħad kellhom jgħallmu l-​iskola fi Brooklyn, u l-​erbgħa oriġinali kellhom imorru jgħallmu l-​iskola fi Swali tal-​Assembleat u fi Swali tas-​Saltna. Dan kellu jiġi ripetut sakemm ikun hemm 12-​il istruttur jgħallmu sitt skejjel kull ġimgħa bl-​Ingliż fl-​Istati Uniti. Erbaʼ istrutturi mbagħad kellhom jiġu mħarrġin biex jgħallmu bl-​Ispanjol. Din l-​iskola mhix se tieħu post l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna li hemm bħalissa; l-​iskop hu li tiżdied l-​ispiritwalità tal-​anzjani. Fergħat madwar id-​dinja se jibdew jorganizzaw skejjel fi Swali tal-​Assembleat u fi Swali tas-​Saltna matul is-​sena taʼ servizz 2011.

[Stampi f’paġna 4]

Il-​laqgħa annwali bdiet b’kant mill-​ktieb tal-​għanjiet ġdid tagħna, “Sing to Jehovah”