Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sib is-Serħan fl-Affarijiet Spiritwali

Sib is-Serħan fl-Affarijiet Spiritwali

Sib is-​Serħan fl-​Affarijiet Spiritwali

“Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom . . . , u intom issibu serħan għal ruħkom.”—MT. 11:29.

1. X’arranġament għamel Alla ħdejn il-​Muntanja Sinaj, u għala?

 META l-​patt tal-​Liġi ġie inawgurat ħdejn il-​Muntanja Sinaj, dan inkluda l-​arranġament tas-​Sabat taʼ kull ġimgħa. Permezz tal-​kelliemi tiegħu Mosè, Ġeħova kkmanda lill-​ġens taʼ Israel: “Sitt ijiem għandek tagħmel ix-​xogħol tiegħek; imma fis-​seba’ jum tistrieħ, sabiex il-​barri u l-​ħmar tiegħek jistrieħu u bin l-​ilsira tiegħek u r-​resident barrani jieħdu r-​ruħ.” (Eżo. 23:12) Iva, minħabba l-​konsiderazzjoni tiegħu għal dawk taħt il-​Liġi, Ġeħova bi mħabba għamel arranġament biex ikun hemm jum taʼ mistrieħ sabiex in-​nies tiegħu jkunu jistgħu “jieħdu r-​ruħ.”

2. L-​Israelin kif ibbenefikaw billi żammew is-​Sabat?

2 Kien is-​Sabat sempliċement jum taʼ mistrieħ? Le, dan kien parti essenzjali mill-​qima tal-​Israelin lil Ġeħova. Il-​fatt li jżommu s-​Sabat ippermetta lill-​kapijiet tal-​familja biex ikollhom ħin biex jgħallmu lill-​familja tagħhom “iħarsu t-​triq taʼ Ġeħova ħalli jagħmlu s-​sewwa.” (Ġen. 18:19) Ukoll, ipprovda opportunità għall-​familja u l-​ħbieb biex jingħaqdu flimkien ħalli jirriflettu fuq l-​għemejjel taʼ Ġeħova u jgawdu sħubija ferriħija. (Is. 58:13, 14) Iktar importanti, is-​Sabat b’mod profetiku pponta ’l quddiem lejn żmien meta s-​serħan veru kellu jiġi permezz tar-​Renju Millennjali taʼ Kristu. (Rum. 8:21) Imma xi ngħidu għal żmienna? Il-​Kristjani veri, li huma interessati fit-​triqat taʼ Ġeħova, fejn u kif jistgħu jsibu serħan bħal dan?

Sib is-​Serħan Permezz taʼ Sħubija Kristjana

3. Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu b’liema mod appoġġaw lil xulxin, u b’liema riżultat?

3 L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​kongregazzjoni Kristjana bħala “pilastru u appoġġ tal-​verità.” (1 Tim. 3:15) Il-​Kristjani tal-​bidu rċivew ħafna appoġġ billi inkuraġġew lil xulxin u bnew lil xulxin fl-​imħabba. (Efes. 4:11, 12, 16) Waqt li kien Efesu, Pawlu rċieva żjara inkuraġġanti minn xi membri tal-​kongregazzjoni f’Korintu. Innota l-​effett li kellha: “Nithenna bil-​preżenza taʼ Stefanas u Fortunatu u Akajku,” qal Pawlu, “għax kienu taʼ serħan għall-​ispirtu tiegħi.” (1 Kor. 16:17, 18) B’mod simili, meta Titu mar Korintu biex jaqdi lill-​aħwa hemmhekk, Pawlu kiteb lura lill-​kongregazzjoni u qalilhom: “L-​ispirtu tiegħu ġie mserraħ minnkom ilkoll.” (2 Kor. 7:13) Bl-​istess mod illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jsibu serħan ġenwin permezz taʼ sħubija Kristjana li tibni.

4. Il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni kif iserrħuna?

4 Mill-​esperjenza int taf li l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni huma sors taʼ ferħ kbir. Hemmhekk insibu li “ninkuraġġixxu lil xulxin bil-​fidi tagħna.” (Rum. 1:12) Ħutna l-​Kristjani mhumiex nies li magħhom għandna relazzjoni superfiċjali. Huma ħbieb veri, nies li nħobbuhom u nirrispettawhom. Nirċievu ħafna ferħ u faraġ billi b’mod regulari niltaqgħu magħhom fil-​laqgħat tagħna.—Flm. 7.

5. Kif nistgħu nkunu taʼ serħan għal xulxin fil-​konvenzjonijiet u l-​assembleat?

5 Sors ieħor taʼ serħan jiġi permezz tal-​konvenzjonijiet u l-​assembleat tagħna taʼ kull sena. Minbarra li jipprovdu l-​ilmijiet tal-​verità li jagħtu l-​ħajja mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, dawn il-​laqgħat akbar jipprovdulna opportunità biex ‘inwessgħu qalbna’ fis-​sħubijiet tagħna. (2 Kor. 6:12, 13) Imma xi ngħidu jekk nistħu u nsibuha diffiċli biex niltaqgħu man-​nies? Mod wieħed biex insiru nafu aħjar lil ħutna hu billi nagħtu minna nfusna f’xi konvenzjoni. Wara li għenet f’li tassisti f’konvenzjoni internazzjonali, oħt qalet: “Minbarra l-​familja tiegħi u xi ftit ħbieb, ma kontx naf lil ħafna hemmhekk. Imma meta għent fit-​tindif iltqajt maʼ ħafna aħwa! Verament ħadt pjaċir!”

6. X’inhu mod wieħed li nistgħu nsibu serħan waqt li nkunu fuq vaganza?

6 L-​Israelin kienu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-​qima fi tliet festi kull sena. (Eżo. 34:23) Dan spiss kien ifisser li jħallu warajhom għelieqi u ħwienet u jivvjaġġaw jiem sħaħ bil-​mixi f’toroq mimlijin trab. Xorta waħda, li jmorru t-​tempju kien jirriżulta f’“hena kbir” hekk kif dawk preżenti kienu ‘joffru tifħir lil Ġeħova.’ (2 Kron. 30:21) Bl-​istess mod, ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova llum isibu hena kbir meta jivvjaġġaw mal-​familja tagħhom biex iżuru Betel, il-​faċilitajiet tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li jkunu fil-​viċin. Tistaʼ tinkludi żjara bħal din fil-​vaganza li jmiss tal-​familja tiegħek?

7. (a) Il-​laqgħat soċjali kif jistgħu jkunu taʼ benefiċċju? (b) X’jistaʼ jikkontribwixxi għal laqgħa soċjali memorabbli u li tibni?

7 Jistaʼ jkun ukoll taʼ inkuraġġiment li niltaqgħu flimkien mal-​familja u l-​ħbieb għal laqgħat soċjali. L-​għaref Sultan Salamun iddikjara: “Għall-​bniedem m’hemm xejn aħjar milli jiekol u jixrob u jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-​xogħol iebes tiegħu.” (Ekk. 2:24) Il-​laqgħat soċjali mhux biss iserrħuna imma wkoll isaħħu r-​rabta tal-​imħabba maʼ sħabna l-​Kristjani hekk kif insiru nafuhom aħjar. Biex nikkontribwixxu għal okkażjoni memorabbli u li tibni, ikun aħjar jekk inżommu l-​laqgħat soċjali żgħar u nagħmlu żgur li jkun hemm superviżjoni xierqa, speċjalment jekk jiġi servut l-​alkoħol.

Il-​Ministeru Jġib is-​Serħan

8, 9. (a) Agħmel kuntrast bejn il-​messaġġ taʼ Ġesù u dak tal-​iskribi u l-​Fariżej. (b) Kif nibbenefikaw meta naqsmu l-​veritajiet tal-​Bibbja?

8 Ġesù kien żeluż għall-​ministeru, u inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex ikunu l-​istess. Dan hu evidenti mill-​kliem tiegħu: “Il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.” (Mt. 9:37, 38) Il-​messaġġ li għallem Ġesù kien verament taʼ serħan; kien “aħbar tajba.” (Mt. 4:23; 24:14) Dan kien differenti ħafna mir-​regoli tqal li l-​Fariżej imponew fuq in-​nies.—Aqra Mattew 23:4, 23, 24.

9 Meta naqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna maʼ oħrajn, noffrulhom serħan spiritwali u, fl-​istess ħin, innaqqxu l-​veritajiet prezzjużi tal-​Bibbja f’moħħna u f’qalbna stess. Is-​salmista b’mod xieraq qal: “Faħħru lil Jah, għax tajjeb li ngħannu lil Alla tagħna; għax dan hu pjaċevoli.” (Salm 147:1) Tistaʼ żżid il-​ferħ li ssib meta tfaħħar lil Ġeħova mal-​ġirien tiegħek?

10. Jiddependi s-​suċċess tagħna fil-​ministeru milli nirċievu respons pożittiv għall-​messaġġ tagħna? Spjega.

10 Veru, f’xi territorji n-​nies ikunu iktar lesti li jaċċettaw l-​aħbar tajba milli jkunu f’oħrajn. (Aqra Atti 18:1, 5-​8.) Jekk tgħix f’post fejn ma tantx iwieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna, ipprova ffoka fuq it-​tajjeb li qed twettaq fil-​ministeru. Ftakar li l-​isforz kontinwu tiegħek biex tipproklama l-​isem taʼ Ġeħova mhuwiex għalxejn. (1 Kor. 15:58) Iktar minn hekk, is-​suċċess tagħna ma jiddependix minn kif in-​nies iwieġbu għall-​aħbar tajba. Nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova se jara li dawk li għandhom attitudni xierqa se jingħataw opportunità biex iwieġbu għall-​messaġġ tas-​Saltna.—Ġw. 6:44.

Nistgħu Nsibu s-​Serħan fil-​Qima tal-​Familja

11. Ġeħova liema responsabbiltà ta lill-​ġenituri, u kif jistgħu jwettquha?

11 Ġenituri li jibżgħu minn Alla huma responsabbli biex jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova u t-​triqat tiegħu. (Dt. 11:18, 19) Jekk int ġenitur, twarrab ħin fl-​iskeda tiegħek biex tgħallem lil uliedek dwar Missierna tas-​sema kollu mħabba? Biex jgħinek twettaq din ir-​responsabbiltà importanti u tieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tiegħek, Ġeħova pprovda abbundanza taʼ ikel spiritwali li jsaħħaħ permezz taʼ kotba, rivisti, vidjos, u rekordings bl-​awdjo.

12, 13. (a) Il-​familji kif jistgħu jibbenefikaw mil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja? (b) Il-​ġenituri kif jistgħu jagħmlu ċert li l-​qima tal-​familja tagħhom hi sors taʼ serħan spiritwali?

12 Barra minn dan, il-​klassi tal-​ilsir leali u għaqli għamlet arranġamenti biex ikun hemm lejla tal-​Qima tal-​Familja. Din hi lejla mwarrba apposta kull ġimgħa għal studju tal-​Bibbja tal-​familja. Ħafna sabu li dan l-​arranġament ressaqhom iktar lejn xulxin fl-​imħabba u saħħaħ ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova. Imma l-​ġenituri kif jistgħu jagħmlu ċert li l-​qima tal-​familja tagħhom hi sors taʼ serħan spiritwali?

13 Il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja m’għandhiex tkun okkażjoni taʼ dwejjaq u serja żżejjed. Wara kollox, aħna nqimu lill-​“Alla l-​hieni,” u hu jridna nkunu ferħanin fil-​qima tagħna. (1 Tim. 1:11; Flp. 4:4) Li jkollna lejla oħra biex niddiskutu veritajiet prezzjużi mill-​Bibbja hu verament barka. Il-​ġenituri jistgħu jkunu flessibbli fil-​metodi taʼ tagħlim tagħhom billi jużaw l-​immaġinazzjoni u l-​kreattività. Pereżempju, familja waħda ħalliet lit-​tifel tagħhom Brandon, li għandu għaxar snin, jippreżenta rapport intitolat “Ġeħova Għala Uża Serp Biex Jirrappreżenta lil Satana?” Din il-​kwistjoni kienet nikktet lil Brandon għax hu jħobb is-​sriep, u kien imdejjaq li kienu assoċjati maʼ Satana. Xi familji kultant jirreċtaw drammi Bibliċi, billi kull membru tal-​familja jkollu rwol u jaqra l-​parti tiegħu mill-​Bibbja; jew jirreċta xi ġrajja. Dawn il-​metodi taʼ tagħlim mhux biss huma pjaċevoli, imma wkoll jistgħu jinvolvu t-​tfal, biex b’hekk il-​prinċipji Bibliċi jkunu jistgħu jmissulhom qalbhom. a

Evita Dak li Jistaʼ Jtaqqlek

14, 15. (a) L-​istress u n-​nuqqas taʼ sigurtà kif żdiedu fl-​aħħar jiem? (b) Liema stress ieħor nistgħu niffaċċjaw?

14 L-​istress u n-​nuqqas taʼ sigurtà żdiedu f’dawn l-​aħħar jiem tas-​sistema mill-​agħar. Il-​qagħad u tbatijiet ekonomiċi oħrajn jeffettwaw lil miljuni. Saħansitra dawk li għandhom xogħol spiss iħossu li l-​flus li jaqilgħu jiħduh id-​dar f’but imtaqqab, u dan ftit iġib benefiċċju lill-​familja tagħhom. (Qabbel Ħaggaj 1:4-​6.) Il-​politikanti u mexxejja oħrajn jidhru li ma jistgħu jagħmlu xejn hekk kif jitqabdu biex ikampaw mat-​terroriżmu u sorsi oħrajn taʼ ħażen. Ħafna nies iħossuhom skuraġġiti minħabba n-​nuqqasijiet persunali tagħhom stess.—Salm 38:4.

15 Il-​Kristjani veri jesperjenzaw il-​problemi u l-​pressjonijiet li tpoġġi fuqhom is-​sistema taʼ Satana. (1 Ġw. 5:19) F’xi każi, id-​dixxipli taʼ Kristu jistgħu jiffaċċjaw ċertu stress ieħor hekk kif jistinkaw biex jibqgħu leali lejn Ġeħova. “Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll,” qal Ġesù. (Ġw. 15:20) Madankollu, saħansitra meta niġu “persegwitati” ma nkunux “abbandunati.” (2 Kor. 4:9) Dan għala hu minnu?

16. X’jistaʼ jgħinna nżommu l-​ferħ tagħna?

16 Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” (Mt. 11:28) Billi jkollna fidi sħiħa fil-​provvediment tal-​fidwa taʼ Kristu, aħna npoġġu lilna nfusna f’idejn Ġeħova, biex ngħidu hekk. B’dan il-​mod, niksbu “qawwa iktar min-​normal.” (2 Kor. 4:7) “L-​ajjutant,” l-​ispirtu qaddis t’Alla, isaħħaħ il-​fidi tagħna b’mod sinifikanti sabiex mhux biss inkunu nistgħu nissaportu l-​provi u t-​tribulazzjonijiet li niffaċċjaw imma wkoll nibqgħu ferħanin.—Ġw. 14:26; Ġak. 1:2-​4.

17, 18. (a) Kontra liema spirtu għandna bżonn ngħassu? (b) X’jistaʼ jirriżulta jekk inpoġġu enfasi fuq il-​pjaċiri tad-​dinja?

17 Illum, il-​Kristjani ġenwini għandhom bżonn jgħassu kontra li jiġu influwenzati żżejjed mill-​inklinazzjoni tad-​dinja li ġġiegħel lin-​nies ifittxu l-​pjaċiri akkost taʼ kollox. (Aqra Efesin 2:2-​5.) Inkella nistgħu naqgħu fin-​nassa tax-​“xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” (1 Ġw. 2:16) Jew b’mod żbaljat nistgħu nemmnu li jekk inċedu għax-​xewqat tal-​laħam se nsibu s-​serħan. (Rum. 8:6) Pereżempju, xi nies daru għad-​droga u l-​abbuż tal-​alkoħol, il-​pornografija, l-​isport estrem, jew diversi attivitajiet illeċiti fi sforz biex iqanqlu s-​sensi tagħhom. It-​“tnassis” taʼ Satana hu intenzjonat li jqarraq, billi jagħti lil dak li jkun sens ħażin taʼ serħan.—Efes. 6:11.

18 Veru, m’hemm xejn ħażin meta nieklu, nixorbu, jew nieħdu sehem f’xi forom taʼ divertiment li jibnu jekk isiru bil-​moderazzjoni. Madankollu, ma nħallux affarijiet bħal dawn ikollhom l-​ewwel post f’ħajjitna. Il-​bilanċ u r-​rażan huma vitali, speċjalment meta nqisu ż-​żminijiet li qed ngħixu fihom. Il-​ġiri wara affarijiet persunali jistaʼ jtaqqalna sal-​punt li nsiru “inattivi jew bla frott rigward l-​għarfien eżatt dwar il-​Mulej tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pt. 1:8.

19, 20. Is-​serħan veru kif jistaʼ jinstab?

19 Meta nġibu l-​mod taʼ ħsib tagħna fi qbil mar-​regolamenti taʼ Ġeħova, nirrikonoxxu li kwalunkwe pjaċir li toffri din id-​dinja hu mumentanju. Mosè rrealizzah dan, u anki aħna. (Ebr. 11:25) Il-​fatt hu li s-​serħan veru, it-​tip li jġib sens taʼ ferħ u sodisfazzjon profond u dejjiemi, jiġi milli nagħmlu r-​rieda taʼ Missierna tas-​sema.—Mt. 5:6.

20 Jalla nkomplu nsibu s-​serħan fl-​affarijiet spiritwali. Billi nagħmlu hekk, “inwarrbu dak kollu li hu kontra r-​rieda t’Alla u x-​xewqat tad-​dinja . . . waqt li nistennew it-​tama hienja u l-​manifestazzjoni glorjuża tal-​kbir Alla u taʼ Kristu Ġesù, is-​Salvatur tagħna.” (Titu 2:12, 13) Mela ejja nkunu determinati li nibqgħu taħt il-​madmad taʼ Ġesù billi nissottomettu ruħna għall-​awtorità u d-​direzzjoni tiegħu. Billi nagħmlu hekk, se nsibu l-​hena u s-​serħan veru!

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar kif studju tal-​familja jistaʼ jkun interessanti u informattiv ara l-​Ministeru tas-​Saltna bl-​Ingliż taʼ Diċembru 1990, paġni 1-​2.

Int Kif Twieġeb?

• In-​nies taʼ Ġeħova kif isibu s-​serħan veru llum?

• Il-​ministeru b’liema mod iserraħ lilna u lil dawk li nitkellmu magħhom?

• Il-​kapijiet tal-​familja x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ċerti li l-​qima tal-​familja tagħhom iġġib is-​serħan?

• Liema affarijiet itaqqluna spiritwalment?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 26]

Billi nieħdu l-​madmad taʼ Ġesù fuqna, insibu ħafna sorsi taʼ serħan