Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Sib is-Sigurtà Fost il-Poplu t’Alla

Sib is-Sigurtà Fost il-Poplu t’Alla

Sib is-​Sigurtà Fost il-​Poplu t’Alla

“Jien se nfaħħrek fil-​kongregazzjoni l-​kbira.”—SALM 35:18.

1-3. (a) X’jistaʼ jwassal lil xi Kristjani f’sitwazzjoni perikoluża spiritwalment? (b) Il-​poplu t’Alla fejn jistaʼ jsib il-​protezzjoni?

 WAQT li kienu fuq vaganza, Joe u martu kienu qed jogħdsu fuq sikka tal-​qroll tropikali miżgħuda b’ħut taʼ kull kulur u daqs. Għamu ftit iktar ’il barra biex jammiraw is-​sikka li kienet taħthom. Xħin għamu fejn l-​ilma f’daqqa waħda kien ħafna iktar fond, il-​mara taʼ Joe qaltlu, “Naħseb ħriġna żżejjed.” “Serraħ moħħok,” wiġibha Joe. “Naf x’jien nagħmel.” Joe jiftakar li ftit wara ħaseb bejnu u bejn ruħu, ‘Fejn telaq il-​ħut kollu?’ Bit-​twerwir, ra x’kienet ir-​raġuni. Mill-​ilma fond, kelb il-​baħar kien sejjer dritt għal fuqu. Hu kien jinsab hemmhekk, vulnerabbli għall-​aħħar. Meta l-​kelb il-​baħar kien biss xi metru ’l bogħod, dar u telaq ’l hemm.

2 Kristjan tant jistaʼ jiġi aljenat mill-​attrazzjonijiet tas-​sistema taʼ Satana—id-​divertiment, ix-​xogħol, il-​ġid—li ma jindunax li dieħel f’ilma iktar fond u perikoluż. “L-​esperjenza tiegħi ġegħlitni naħseb dwar in-​nies li nassoċjaw magħhom,” jgħid Joe, li hu anzjan Kristjan. “Għum fejn m’hemmx periklu u fejn hu pjaċevoli—fil-​kongregazzjoni!” Tgħumx fil-​fond, fejn tistaʼ ssib ruħek maqtugħ waħdek spiritwalment u f’periklu. Jekk qatt issib ruħek hemmhekk, minnufih mur lura ‘f’ilma baxx.’ Inkella, tkun f’riskju li tinbelaʼ spiritwalment.

3 Illum, id-​dinja hi post perikoluż għall-​Kristjani. (2 Tim. 3:1-​5) Satana jaf li jiemu huma magħdudin, u hu lest biex jiblaʼ lil dawk li mhumiex attenti. (1 Pt. 5:8; Riv. 12:12, 17) Madankollu, aħna m’aħniex mingħajr protezzjoni. Ġeħova ta lill-​poplu tiegħu refuġju spiritwali fis-​sigurtà—il-​kongregazzjoni Kristjana.

4, 5. Ħafna nies kif iħossuhom dwar il-​futur tagħhom, u għala?

4 Is-​soċjetà sekulari toffri biss ammont limitat taʼ sigurtà—kemm jekk fiżikament u kemm jekk emozzjonalment. Ħafna nies iħossu li s-​sigurtà fiżika tagħhom hi mhedda mill-​kriminalità, il-​vjolenza, l-​għoli tal-​ħajja, u saħansitra minn kwistjonijiet ambjentali. Ilkoll jiffaċċjaw il-​problemi taʼ età avanzata u saħħa batuta. U oħrajn li għandhom xogħol, dar, finanzi adegwati, u sa ċertu punt saħħa tajba għandhom mnejn jaħsbu dwar kemm dawn se jdumu.

5 Ħafna lanqas sigurtà emozzjonali ma rnexxielhom jiksbu. B’dispjaċir, ħafna li kienu ttamaw li jsibu paċi u sodisfazzjon fiż-​żwieġ u b’familja sabu li l-​istennijiet tagħhom ma twettqux. Rigward il-​kwistjoni li wieħed isib sigurtà spiritwali, ħafna li jmorru l-​knisja tħallew konfużi u mħawdin, u jiddubitaw kemm hi taʼ valur il-​gwida li ngħataw. Dan hu minnu speċjalment meta tqis il-​kondotta dubjuża u t-​tagħlim mhux Skritturali tal-​mexxejja reliġjużi tagħhom. Għalhekk, ħafna nies iħossu li l-​unika għażla tagħhom hi li jittamaw fix-​xjenza jew fir-​rieda tajba u l-​għaqal taʼ sħabhom il-​bnedmin. Allura, mhix sorpriża li n-​nies madwarna jħossuhom mingħajr sigurtà taʼ xejn jew sempliċement jippreferu li ma jaħsbux ħafna dwar il-​futur tagħhom.

6, 7. (a) Dawk li jaqdu lil Alla għala għandhom ħarsa differenti minn dawk li ma jaqduhx? (b) X’se nikkunsidraw?

6 X’kuntrast hemm bejn il-​ħarsa taʼ dawk li huma parti mill-​kongregazzjoni Kristjana u dawk li mhumiex! Avolja aħna bħala l-​poplu taʼ Ġeħova jkollna niffaċċjaw ħafna mill-​istess kwistjonijiet u problemi li jiffaċċjaw il-​ġirien tagħna, ir-​reazzjoni tagħna hi differenti mhux ħażin. (Aqra Isaija 65:13, 14; Malakija 3:18.) Għala? Għaliex fil-​Bibbja nsibu spjegazzjoni sodisfaċenti għall-​kundizzjoni li l-​umanità ssib ruħha fiha, u aħna armati biex inkampaw mal-​isfidi u l-​problemi tal-​ħajja. Minħabba f’hekk, m’aħniex ansjużi żżejjed dwar il-​futur. Bħala aduraturi taʼ Ġeħova, aħna protetti minn irraġunar mhux f’loku u mhux Skritturali, prattiki immorali, u l-​konsegwenzi li dawn iġibu magħhom. B’hekk, il-​membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jesperjenzaw trankwillità li ħaddieħor ma jesperjenzahiex.—Is. 48:17, 18; Flp. 4:6, 7.

7 Xi eżempji jistgħu jgħinuna nirriflettu dwar is-​sigurtà li jgawdu dawk li jaqdu lil Ġeħova b’kuntrast ma’ dawk li ma jaqduhx. Dawn l-​eżempji jistgħu jqanqluna biex neżaminaw l-​irraġunar u l-​prattiki tagħna stess u biex nikkunsidraw jekk nistgħux napplikaw iktar bis-​sħiħ il-​pariri t’Alla, li huma disinjati biex jipproteġuna.—Is. 30:21.

“Saqajja Kienu Kważi Żvijaw”

8. Il-​qaddejja taʼ Ġeħova x’kellhom jagħmlu dejjem?

8 Minn kmieni fl-​istorja tal-​umanità, dawk li għażlu li jaqdu u jobdu lil Ġeħova pprovaw jevitaw sħubija mill-​qrib ma’ dawk li ma kinux jaqduh u jobduh. Tabilħaqq, Ġeħova indika li kellu jkun hemm għadwa bejn l-​aduraturi tiegħu u dawk li jsegwu lil Satana. (Ġen. 3:15) Minħabba l-​waqfa soda tagħhom għall-​prinċipji ispirati minn Alla, in-​nies t’Alla aġixxew b’mod differenti minn dawk taʼ madwarhom. (Ġw. 17:15, 16; 1 Ġw. 2:15-​17) Ma kienx dejjem faċli li jieħdu waqfa bħal din. Tabilħaqq, xi wħud fost il-​qaddejja taʼ Ġeħova kultant iddubitaw kemm hu għaqli li jgħixu ħajja taʼ sagrifiċċju persunali.

9. Iddeskrivi t-​taqbida li ffaċċja l-​kittieb taʼ Salm 73.

9 Wieħed mill-​qaddejja taʼ Ġeħova li beda jaħseb dwar jekk kienx ħa deċiżjonijiet għaqlin kien il-​kittieb taʼ Salm 73, li x’aktarx kien wieħed mid-​dixxendenti taʼ Asaf. Is-​salmista staqsa għala l-​ħżiena spiss jidhru li jirnexxu, li huma ferħanin, u li jistagħnew, filwaqt li xi wħud li jistinkaw biex jaqdu lil Alla jgħaddu minn provi u tbatijiet.—Aqra Salm 73:1-​13.

10. Il-​kwistjonijiet li qajjem is-​salmista għala huma importanti għalik?

10 Ġieli sibt lilek innifsek tistaqsi mistoqsijiet bħal dawk li s-​salmista niżżel bil-​miktub? Jekk iva, m’għandekx għalfejn tħossok ħati żżejjed jew taħseb li qed titlef il-​fidi. Fil-​fatt, għadd taʼ qaddejja taʼ Ġeħova, inkluż xi wħud li Ġeħova uża biex jiktbu l-​Bibbja, kellhom ħsibijiet simili. (Ġob 21:7-​13; Salm 37:1; Ġer. 12:1; Ħab. 1:1-​4, 13) Tabilħaqq, dawk kollha li jixtiequ jaqdu lil Ġeħova jridu jaħsbu bis-​serjetà dwar it-​tweġiba għal din il-​mistoqsija u jaċċettawha: Li naqdi u nobdi lil Alla, huwa l-​aqwa ħaġa li nistaʼ nagħmel? Dan għandu x’jaqsam mal-​kwistjoni li qajjem Satana fil-​ġnien tal-​Għeden. Huwa ċentrali għall-​kwistjoni universali tas-​sovranità divina. (Ġen. 3:4, 5) Għalhekk, ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb jekk nikkunsidraw il-​kwistjoni li qajjem is-​salmista. Għandna ngħiru għal faħħarin mill-​agħar li jidhru li qed jgħixu mingħajr problemi? Għandna ‘niżvijaw’ milli naqdu lil Ġeħova u nimitawhom? M’għandniex xi ngħidu, Satana kieku jixtieq li nagħmlu preċiż hekk.

11, 12. (a) Is-​salmista kif għeleb id-​dubji tiegħu, u dan x’jgħallimna? (b) X’għenek tasal għall-​istess konklużjoni li wasal għaliha s-​salmista?

11 X’għen lis-​salmista jegħleb id-​dubji tiegħu? Għalkemm ammetta li kważi żvija mis-​sewwa, il-​ħarsa tiegħu nbidlet meta daħal fis-​“santwarju grandjuż t’Alla”—jiġifieri, meta assoċja maʼ nies spiritwali fit-​tabernaklu jew tempju t’Alla, u rrifletta dwar l-​iskop t’Alla. Imbagħad deher ċar għas-​salmista li ma riedx l-​istess tmiem taʼ dawk li kienu qed jagħmlu l-​ħażen. Hu setaʼ jara li l-​mod taʼ ħajja tagħhom u d-​deċiżjonijiet li ħadu għamluhom fuq “art tiżloq.” Is-​salmista fehem li dawk kollha li b’mod immorali telqu lil Ġeħova, bla dubju se jaslu fi tmiemhom “bi gwaj għal għarrieda,” filwaqt li dawk li jaqdu lil Ġeħova se jiġu appoġġati minnu. (Aqra Salm 73:16-​19, 27, 28.) Bla dubju taʼ xejn, int rajt kemm hi minnha din l-​istqarrija. Il-​fatt li jgħixu għalihom infushom mingħajr ma jagħtu kas il-​liġi divina, jistaʼ jidher attraenti għal ħafna, imma ma jistgħux jaħarbu l-​konsegwenzi ħżiena talli jgħixu ħajja bħal din.—Gal. 6:7-​9.

12 X’nitgħallmu iktar mill-​esperjenza tas-​salmista? Hu sab sigurtà u għerf fost il-​poplu t’Alla. Beda jirraġuna b’mod ċar u loġiku meta mar fil-​post fejn Ġeħova kien jiġi meqjum. B’mod simili llum, aħna nistgħu nsibu kunsillieri għaqlin u ngawdu ikel spiritwali bnin f’laqgħat tal-​kongregazzjoni. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li Ġeħova jgħid lill-​qaddejja tiegħu biex jattendu l-​laqgħat Kristjani. Hemmhekk se jħossuhom inkuraġġiti u se jiġu mqanqlin biex jaġixxu b’mod għaqli.—Is. 32:1, 2; Ebr. 10:24, 25.

Agħżel lil Sħabek bil-​Għaqal

13-15. (a) Liema esperjenza kellha Dina, u x’tgħallimna? (b) Is-​sħubija mal-​Kristjani sħabna għala hija taʼ protezzjoni?

13 Dina, it-​tifla taʼ Ġakobb, kienet eżempju taʼ xi ħadd li daħal f’inkwiet serju minħabba li assoċja ma’ ħbieb tad-​dinja. Ir-​rakkont tal-​Ġenesi dwarha jgħidilna li kellha d-​drawwa li tissieħeb mat-​tfajliet Kangħanin fl-​inħawi fejn kienet tgħix il-​familja tagħha. Il-​Kangħanin ma kellhomx l-​istess livelli morali għoljin bħall-​aduraturi taʼ Ġeħova. Għall-​kuntrarju, dak li sabu l-​arkeoloġi juri li l-​modi tal-​Kangħanin wasslu biex arthom tkun mimlija idolatrija, immoralità, qima taʼ sess pervers, u vjolenza. (Eżo. 23:23; Lev. 18:2-​25; Dt. 18:9-​12) Ftakar x’ġara minħabba li Dina assoċjat maʼ dawn in-​nies.

14 Sikem, raġel lokali deskritt bħala “l-​iktar wieħed stmat mid-​dar kollha taʼ missieru,” ra lil Dina “u ħadha u mtedd magħha u stupraha.” (Ġen. 34:1, 2, 19) Xi traġedja! Taħseb li Dina qatt immaġinat li ħaġa bħal din setgħet tiġri lilha? Forsi kienet sempliċement qed tfittex il-​ħbiberija taż-​żgħażagħ lokali, u ħasbet li ma kinux perikolużi. Madankollu, Dina ġiet imqarrqa bil-​kbir.

15 Dan ir-​rakkont x’jgħallimna? Li ma nistgħux sempliċement nassoċjaw ma’ wħud mhux tal-​istess twemmin u nittamaw li ma nbatu ebda konsegwenza ħażina. L-​Iskrittura tgħid li “kumpanija ħażina tħassar id-​drawwiet siewja.” (1 Kor. 15:33) Mill-​banda l-​oħra, ikun taʼ protezzjoni jekk tissieħeb maʼ nies li għandhom l-​istess twemmin tiegħek, il-​livelli morali għoljin tiegħek, u l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova. Sħubija tajba bħal din se tqanqlek biex taġixxi bil-​għaqal.—Prov. 13:20.

“Ġejtu Maħsulin”

16. L-​appostlu Pawlu x’qal dwar xi wħud fil-​kongregazzjoni taʼ Korintu?

16 Il-​kongregazzjoni Kristjana għenet lil ħafna individwi biex jindafu minn prattiki maħmuġin. Meta l-​appostlu Pawlu kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni f’Korintu, hu kkummenta dwar bidliet li l-​Kristjani taʼ hemmhekk kienu għamlu biex jgħixu fi qbil mal-​livelli t’Alla. Xi wħud qabel kienu żienja, idolatri, adulteri, omosesswali, ħallelin, sakranazzi, eċċetra. “Imma ġejtu maħsulin,” qalilhom Pawlu.—Aqra l-1 Korintin 6:9-​11.

17. Il-​fatt li jgħixu fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja kif biddel il-​ħajjiet taʼ ħafna?

17 Nies bla fidi m’għandhomx prinċipji għaqlin biex jiggwidawhom. Jgħixu ħajjithom kif iridu jew sempliċement iċedu għall-​modi immorali taʼ dawk taʼ madwarhom bħalma għamlu xi wħud minn dawk il-​Korintin tal-​qedem qabel ma saru jemmnu. (Efes. 4:14) Madankollu, għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla u tal-​iskopijiet tiegħu għandu l-​qawwa li jbiddel għall-​aħjar il-​ħajjiet taʼ dawk kollha li japplikaw l-​Iskrittura. (Kol. 3:5-​10; Ebr. 4:12) Ħafna li llum huma membri tal-​kongregazzjoni Kristjana jistgħu jgħidulek li qabel ma tgħallmu u adottaw il-​livelli ġusti taʼ Ġeħova, kienu jgħixu bla rażan morali. Però, ma kinux sodisfatti u ferħanin. Sabu l-​paċi biss meta bdew jassoċjaw mal-​poplu t’Alla u jgħixu fi qbil mal-​prinċipji Bibliċi.

18. Liema esperjenza kellha waħda żagħżugħa, u b’hekk xi wriet?

18 B’kuntrast, xi wħud li fil-​passat għażlu li jitilqu l-​protezzjoni tal-​kongregazzjoni Kristjana issa jiddispjaċihom bil-​kbir mid-​deċiżjoni li ħadu. Waħda oħt, li se nsemmuha Tanya, tispjega li “hi u titrabba kellha kuntatt mal-​verità,” imma meta kellha 16-​il sena telqet mill-​kongregazzjoni biex “tiġri wara l-​pjaċiri tad-​dinja.” Fost ir-​riżultati li esperjenzat kien hemm tqala mhix mixtieqa u abort. Issa tgħid: “It-​tliet snin li qattajt barra l-​kongregazzjoni ħallewni b’feriti emozzjonali li mhux se jfiqu. Xi ħaġa li ma nistax ninsa hi li qtilt lit-​tarbija mhix imwielda tiegħi. . . . Irrid ngħid liż-​żgħażagħ kollha li jixtiequ li jistgħu ‘jduqu’ d-​dinja anki biss għal ftit: ‘Idduquhiex!’ Għandha mnejn ikollha togħma tajba għall-​ewwel, imma wara tħalli togħma morra għall-​aħħar. Id-​dinja m’għandha xejn x’toffri ħlief miżerja. Jien naf, għax doqtha. Ibqgħu fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova! Dan hu l-​uniku mod taʼ ħajja li jġib il-​ferħ.”

19, 20. Il-​kongregazzjoni Kristjana liema protezzjoni toffri, u kif?

19 Aħseb ftit xi jsir minnek li kieku kellek titlaq l-​ambjent protettiv tal-​kongregazzjoni Kristjana. Ħafna jitkexkxu anki bil-​ħsieb meta jiftakru fil-​ħajja bla siwi tagħhom qabel m’aċċettaw il-​verità. (Ġw. 6:68, 69) Tistaʼ tkompli ssib is-​sigurtà u l-​protezzjoni mill-​gwajijiet u l-​miżerja li huma komuni ħafna fid-​dinja taʼ Satana billi tibqaʼ fi sħubija mill-​qrib maʼ ħutek il-​Kristjani. Sħubija magħhom u attendenza regulari għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni se jfakkruk kontinwament fl-​għerf tal-​livelli ġusti taʼ Ġeħova u se jinkuraġġuk biex tgħix fi qbil magħhom. Għandek kull raġuni biex ‘tfaħħar lil Ġeħova fil-​kongregazzjoni l-​kbira,’ sewwasew bħalma għamel is-​salmista.—Salm 35:18.

20 M’għandniex xi ngħidu, għal diversi raġunijiet, il-​Kristjani kollha jgħaddu minn perijodi meta jidher diffiċli għalihom biex iżommu l-​integrità Kristjana tagħhom. Forsi kulma jkollhom bżonn hu xi ħadd li jurihom id-​direzzjoni t-​tajba. Int—u tabilħaqq il-​kumplament tal-​kongregazzjoni—x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil sħabek fit-​twemmin f’perijodi bħal dawn? L-​artiklu li jmiss se jeżamina kif int tistaʼ ‘tibqaʼ tfarraġ u tibni’ lil ħutek.—1 Tess. 5:11.

Int Kif Twieġeb?

• X’nitgħallmu mill-​esperjenzi tal-​kittieb taʼ Salm 73?

• L-​esperjenza taʼ Dina x’tgħallimna?

• Għala tistaʼ ssib is-​sigurtà fil-​kongregazzjoni Kristjana?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 7]

Għum fejn m’hemmx periklu; ibqaʼ fil-​kongregazzjoni!