Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad Spiritwali Kbir

Ħu Sehem bis-Sħiħ fil-Ħsad Spiritwali Kbir

Ħu Sehem bis-​Sħiħ fil-​Ħsad Spiritwali Kbir

“[Ħa] jkollkom ħafna x’tagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.”—1 KOR. 15:58.

1. Ġesù liema stedina offra lid-​dixxipli tiegħu?

 WAQT li kien qed jivvjaġġa fir-​reġjun tas-​Samarija lejn tmiem is-​sena 30 E.K., Ġesù waqaf jistrieħ ħdejn bir viċin il-​belt taʼ Sikar. Hawnhekk, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-​għelieqi, kif inhuma bojod għall-​ħsad.” (Ġw. 4:35) Ġesù ma kienx qed jirreferi għal ħsad letterali, iżda għal ġbir spiritwali taʼ wħud b’attitudni xierqa li kellhom isiru segwaċi tiegħu. Fir-​realtà, hu kien qed jistieden lid-​dixxipli tiegħu biex jieħdu sehem f’dan il-​ħsad. Kien hemm ħafna xogħol xi jsir, iżda ftit żmien biss biex dan jitwettaq!

2, 3. (a) X’jindika li qed ngħixu fiż-​żmien tal-​ħsad? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Il-​kliem taʼ Ġesù dwar il-​ħsad għandu tifsir speċjali għal żmienna. Aħna qed ngħixu fi żmien li fih l-​għelieqi figurattivi tal-​umanità huma “bojod għall-​ħsad.” Kull sena, miljuni taʼ nies jirċievu l-​istedina biex iħaddnu veritajiet li jagħtu l-​ħajja, u bosta eluf taʼ dixxipli ġodda qed jitgħammdu. Għandna l-​privileġġ li nieħdu sehem fl-​akbar ħsad taʼ kull żmien, taħt it-​tmexxija taʼ Sid il-​ħsad, Alla Ġeħova. Qiegħed int ikollok ‘ħafna x’tagħmel’ f’dan ix-​xogħol tal-​ħsad?—1 Kor. 15:58.

3 Matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, li dam tliet snin u nofs, Ġesù ħejja lid-​dixxipli tiegħu għall-​irwol tagħhom bħala ħassada. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw tlieta mill-​ħafna tagħlimiet importanti li Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu. Kull tagħlima tenfasizza kwalità li hi taʼ valur kbir għalina hekk kif nistinkaw biex nagħmlu l-​almu tagħna fil-​ġbir taʼ dixxipli fi żmienna. Ejja nikkunsidraw dawn il-​kwalitajiet waħda waħda.

L-​Umiltà Hi Essenzjali

4. Ġesù kif wera l-​importanza tal-​umiltà?

4 Immaġina x-​xena: Id-​dixxipli kienu għadhom kif argumentaw dwar min minnhom kien l-​akbar. Il-​bixra taʼ wiċċhom x’aktarx kienet għadha turi li qed iħossu ċerta ostilità u nuqqas taʼ fiduċja. Għalhekk, Ġesù sejjaħ lil tifel ċkejken biex joqgħod f’nofshom. Hu ffoka l-​attenzjoni fuq it-​tifel ċkejken u qal: “Kulmin jumilja ruħu [jew, “dak li jċekken lilu nnifsu,” Għaqda Biblika Maltija] bħal dan it-​tifel hu l-​akbar fis-​saltna tas-​smewwiet.” (Aqra Mattew 18:1-​4.) Minflok ma jkollhom il-​ħsieb tad-​dinja, li tħares lejn individwu skont il-​poter, il-​ġid, u l-​pożizzjoni tiegħu, id-​dixxipli kellhom bżonn jifhmu li l-​kobor tagħhom kien jiddependi milli ‘jċekknu lilhom infushom’ f’għajnejn il-​bnedmin. Ġeħova kien se jberikhom u jużahom biss jekk juru umiltà vera.

5, 6. Għala għandek tkun umli sabiex tieħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol tal-​ħsad? Agħti eżempju.

5 Ħafna nies fid-​dinja għadhom sal-​ġurnata tal-​lum jużaw ħajjithom biex isusu wara l-​poter, il-​ġid, u l-​pożizzjoni. Bħala riżultat, ikollhom ftit jew xejn ħin biex jitgħallmu dwar Alla u biex jaqduh. (Mt. 13:22) Għall-​kuntrarju, in-​nies taʼ Ġeħova huma ferħanin li ‘jċekknu lilhom infushom’ f’għajnejn il-​bnedmin sabiex jiksbu l-​barka u l-​approvazzjoni taʼ Sid il-​ħsad.—Mt. 6:24; 2 Kor. 11:7; Flp. 3:8.

6 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Francisco li jaqdi bħala anzjan fl-​Amerika t’Isfel. Meta kien għadu żagħżugħ telaq mill-​università biex jibda jaqdi bħala pijunier. Hu jiftakar u jgħid: “Iktar tard, meta tgħarrast, stajt insib xogħol li setaʼ jagħti lili u lil marti sigurtà finanzjarja akbar. Minflok, iddeċidejna li nissimplifikaw ħajjitna u nkomplu naqdu flimkien fis-​servizz full-​time. Iktar tard kellna t-​tfal u l-​isfidi żdiedu. Iżda Ġeħova għenna nibqgħu determinati li ngħixu ħajja sempliċi.” Francisco jtemm jgħid: “Kelli l-​privileġġ li naqdi bħala anzjan għal iktar minn 30 sena. Kelli wkoll bosta inkarigi speċjali oħrajn. Lanqas qatt ma ddispjaċiena li għexna ħajja sempliċi.”

7. Kif ipprovajt tapplika l-​parir li jinsab f’Rumani 12:16?

7 Jekk tgħid le għall-​“affarijiet taʼ kburija” taʼ din id-​dinja u tħalli lilek innifsek ‘tkun gwidat minn ħarsa umli,’ anki int tistaʼ tkun żgur li tgawdi ħafna iżjed barkiet u privileġġi fix-​xogħol tal-​ħsad.—Rum. 12:16; Mt. 4:19, 20; Lq. 18:28-​30.

Min Iħabrek Jaħsad il-​Barkiet

8, 9. (a) Irrakkonta fil-​qosor it-​tixbiha li ta Ġesù dwar it-​talenti. (b) Din it-​tixbiha għal min b’mod speċjali tistaʼ tkun inkuraġġanti?

8 Kwalità oħra li għandna bżonn sabiex nieħdu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol tal-​ħsad hija li nkunu ħabrieka. Ġesù ta tixbiha taʼ dan fil-​parabbola tat-​talenti. a Din it-​tixbiha hi dwar raġel li qabel ma siefer fada l-​ġid tiegħu f’idejn tliet ilsiera. L-​ewwel ilsir irċieva ħames talenti, it-​tieni lsir irċieva żewġ talenti, u t-​tielet ilsir irċieva talent wieħed. Wara li sidhom telaq, l-​ewwel żewġ ilsiera ħabirku u minnufih ‘innegozjaw’ it-​talenti tagħhom. B’kuntrast, it-​tielet ilsir kien “għażżien.” Hu ħeba t-​talent tiegħu fl-​art. Meta ġie lura, ir-​raġel ippremja lill-​ewwel żewġ ilsiera billi ħatarhom “fuq ħafna.” Hu ħa lura t-​talent li kien ta lit-​tielet ilsir u keċċa lil dan l-​ilsir minn daru.—Mt. 25:14-​30.

9 Bla dubju, int tixtieq b’qalbek kollha timita lill-​ilsiera ħabrieka fil-​parabbola taʼ Ġesù u tieħu sehem bis-​sħiħ kemm jistaʼ jkun fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Iżda xi ngħidu jekk iċ-​ċirkustanzi jillimitaw bil-​kbir dak li tistaʼ tagħmel bħalissa? Forsi għandek kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli li jġegħluk taħdem sigħat twal biex tipprovdi għall-​familja. Jew forsi m’għadx għandek l-​enerġija li kellek meta kont żagħżugħ u saħħtek ħallietek. Jekk inhu hekk, il-​parabbola tat-​talenti fiha messaġġ inkuraġġanti għalik.

10. Is-​sid fil-​parabbola tat-​talenti kif wera li hu raġunevoli, u dan għala ssibu taʼ inkuraġġiment?

10 Innota li s-​sid fil-​parabbola kien konxju tal-​fatt li kull wieħed mill-​ilsiera tiegħu kellu potenzjal differenti. Hu indika dan meta ta t-​talenti lil “kull wieħed skond l-​abbiltà tiegħu.” (Mt. 25:15) Bħalma kien mistenni, l-​ewwel ilsir renda ħafna iktar mit-​tieni lsir. Madankollu, is-​sid irrikonoxxa l-​isforzi ħabrieka taʼ dawn iż-​żewġ ilsiera billi ddikjara li huma ‘tajbin u leali’ u tahom l-​istess premjijiet. (Mt. 25:21, 23) B’mod simili, Sid il-​ħsad, Alla Ġeħova, jaf li ċ-​ċirkustanzi tiegħek jeffettwaw dak li tistaʼ tagħmel fis-​servizz tiegħu. Hu mhux sejjer ma jirrikonoxxix l-​isforzi li tagħmel b’ruħek kollha biex taqdih, u hu se jippremjak taʼ dan.—Mk. 14:3-​9; aqra Luqa 21:1-​4.

11. Agħti eżempju li juri li meta wieħed ikun ħabrieki f’ċirkustanzi diffiċli jkollu barkiet kbar.

11 L-​eżempju taʼ Selmira, oħt Kristjana li tgħix il-​Brażil, juri li t-​tħabrik fis-​servizz t’Alla ma jiddependix miċ-​ċirkustanzi favorevoli fil-​ħajja. Għoxrin sena ilu, ir-​raġel taʼ Selmira nqatel b’tir taʼ senter minn xi rġiel li kienu qed jagħmlu serqa, u ħallieha bi tlett itfal żgħar xi trabbi. Ix-​xogħol tagħha bħala seftura kien jirrikjedi li taħdem sigħat twal u tagħmel vjaġġi li kienu jħalluha bla saħħa f’mezzi taʼ trasport pubbliku li kienu jkunu mimlijin daqs bajda bin-​nies. Minkejja dawn id-​diffikultajiet, hi organizzat ruħha sabiex tkun tistaʼ taqdi bħala pijuniera regulari. Iktar tard, tnejn mit-​tliet uliedha wkoll bdew jaqdu fis-​servizz taʼ pijunier. Hi tirrakkonta u tgħid: “Matul is-​snin, ikkonduċejt iktar minn 20 studju tal-​Bibbja u dawk li studjaw miegħi saru qishom parti mill-​familja tiegħi. Għadni ngawdi l-​imħabba u l-​ħbiberija tagħhom sal-​ġurnata tal-​lum. Huwa bħal teżor li ma jistax jinxtara bil-​flus.” Żgur li Sid il-​ħsad ippremja l-​isforzi ħabrieka taʼ Selmira!

12. Kif nistgħu nħabirku fix-​xogħol tal-​ippritkar?

12 Jekk iċ-​ċirkustanzi fil-​ħajja tiegħek bħalissa jillimitaw il-​ħin li għandek disponibbli biex tqattaʼ fil-​ministeru, xorta waħda tistaʼ tipprova żżid is-​sehem tiegħek fix-​xogħol tal-​ħsad billi tagħmel il-​ministeru tiegħek iktar produttiv. Meta tapplika b’attenzjoni s-​suġġerimenti prattiċi li jiġu preżentati fil-​Laqgħa tas-​Servizz taʼ kull ġimgħa, int se ttejjeb l-​abbiltà tiegħek tal-​ippritkar, u tipprova metodi ġodda kif tagħti xhieda. (2 Tim. 2:15) Ukoll, jekk ikun possibbli, int tistaʼ tagħmel skeda ġdida jew tissagrifika attivitajiet li mhumiex essenzjali sabiex tkun tistaʼ tappoġġa l-​arranġamenti tas-​servizz tal-​għalqa tal-​kongregazzjoni.—Kol. 4:5.

13. X’inhu s-​sigriet biex inkunu u nibqgħu ħabrieka?

13 Ftakar li jekk tħabrek tkun qed turi li għandek imħabba u gratitudni lejn Alla. (Salm 40:8) It-​tielet ilsir imsemmi fil-​parabbola taʼ Ġesù kien jibżaʼ minn sidu għax kien iħares lejh bħala raġel mhux raġunevoli u li jitlob wisq minnu. B’hekk, ir-​raġel ħeba t-​talent tiegħu fl-​art minflok ma użah biex ikattar il-​ġid taʼ sidu. Sabiex nevitaw li jkollna attitudni taʼ traskuraġni bħal din jeħtieġ li nikkultivaw u nżommu relazzjoni mill-​qrib maʼ Sid il-​ħsad, Ġeħova. Warrab il-​ħin biex tistudja u timmedita dwar il-​kwalitajiet mill-​aqwa tiegħu—l-​imħabba, il-​paċenzja, u l-​ħniena tiegħu. B’hekk, int tkun imqanqal mill-​qalb biex tagħmel dak kollu li tistaʼ fis-​servizz tiegħek lejh.—Lq. 6:45; Flp. 1:9-​11.

“Kunu Qaddisin”

14. Liema ħtieġa importanti trid tintlaħaq minn dawk li jridu jkunu ħassada?

14 Meta kien qed jikkwota mill-​Iskrittura Ebrajka, l-​appostlu Pietru stqarr ir-​rieda li esprima Alla għall-​qaddejja tiegħu fuq l-​art billi qal: “Fi qbil mal-​Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien qaddis.’” (1 Pt. 1:15, 16; Lev. 19:2; Dt. 18:13) Din l-​istqarrija tenfasizza l-​bżonn li l-​ħassada jkunu nodfa moralment u spiritwalment. Aħna nistgħu nilħqu din il-​ħtieġa importanti billi nieħdu passi biex inkunu, b’mod figurattiv, imnaddfin. Dan kif jistaʼ jsir? Bl-​għajnuna tal-​kelma taʼ verità t’Alla.

15. Il-​verità tal-​kelma t’Alla x’għandha l-​qawwa li tagħmel għan-​nom tagħna?

15 Il-​kelma taʼ verità t’Alla hija mxebbha mal-​ilma li jnaddaf. Pereżempju, l-​appostlu Pawlu kiteb li l-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin hi nadifa f’għajnejn Alla, bħal għarusa safja għall-​Kristu, li naddafha “bil-​banju taʼ l-​ilma permezz tal-​kelma, . . .  sabiex tkun qaddisa u bla difett.” (Efes. 5:25-​27) Iktar kmieni, anki Ġesù kien tkellem dwar il-​qawwa li tnaddaf li għandha l-​kelma t’Alla, li pproklama hu. Meta kellem lid-​dixxipli tiegħu, Ġesù stqarr: “Intom diġà nodfa minħabba l-​kelma li għedtilkom.” (Ġw. 15:3) Għaldaqstant, il-​verità tal-​kelma t’Alla għandha l-​qawwa li tnaddaf moralment u spiritwalment. Huwa biss jekk inħallu l-​verità t’Alla tnaddafna b’dan il-​mod li l-​qima tagħna tkun aċċettabbli għalih.

16. Kif nistgħu nżommu lilna nfusna nodfa spiritwalment u moralment?

16 B’hekk, sabiex insiru ħaddiema fil-​ħsad t’Alla, l-​ewwel irridu nneħħu kull prattika taʼ taħsir morali u spiritwali minn ħajjitna. Tabilħaqq, sabiex inkomplu nikkwalifikaw għall-​privileġġ li nkunu ħassada, għandna nkunu taʼ eżempju f’li nkomplu nżommu mal-​livelli morali u spiritwali għoljin taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Pietru 1:14-​16.) Sewwasew bħalma nagħtu attenzjoni lill-​indafa persunali, hekk ukoll għandna nissottomettu ruħna regolarment għall-​kelma taʼ verità t’Alla li għandha l-​qawwa li tnaddafna. Dan jinkludi l-​qari tal-​Bibbja u l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani. Ifisser ukoll li nagħmlu sforz sinċier biex napplikaw it-​tfakkiriet t’Alla f’ħajjitna. Jekk nagħmlu dan niġu megħjunin nissieltu kontra t-​tendenzi midinbin tagħna nfusna u nirreżistu l-​influwenzi taʼ taħsir li fiha din id-​dinja. (Salm 119:9; Ġak. 1:21-​25) Tabilħaqq, kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li bl-​għajnuna tal-​kelma taʼ verità t’Alla nistgħu nkunu “maħsulin” saħansitra minn dnub serju!—1 Kor. 6:9-​11.

17. Liema parir tal-​Bibbja għandna nobdu sabiex nibqgħu nodfa?

17 Qiegħed tħalli l-​kelma taʼ verità t’Alla, li għandha l-​qawwa li tnaddaf, tinfluwenzalek ħajtek? Pereżempju, kif tirreaġixxi meta tiġi mwissi dwar il-​perikli tad-​divertiment degradanti taʼ din id-​dinja? (Salm 101:3) Tevita sħubija żejda maʼ sħabek tal-​iskola u sħabek tax-​xogħol li m’għandhomx l-​istess twemmin tiegħek? (1 Kor. 15:33) Qiegħed tagħmel sforz sinċier biex tegħleb id-​dgħufijiet persunali li jistgħu jagħmluk mhux nadif f’għajnejn Ġeħova? (Kol. 3:5) Iżżomm ruħek ’il bogħod mid-​dibattiti politiċi taʼ din id-​dinja u mill-​ispirtu nazzjonalistiku li jidħol f’ħafna sports kompetittiv?—Ġak. 4:4.

18. Kif niġu megħjunin inkunu ħassada li nagħtu l-​frott jekk inkunu moralment u spiritwalment nodfa?

18 L-​ubbidjenza tiegħek b’fedeltà fi kwistjonijiet bħal dawn twassal għal riżultati tajbin ħafna. Meta qabbel lid-​dixxipli midlukin tiegħu mal-​friegħi taʼ dielja, Ġesù qal: “Kull fergħa fija li ma tagħtix frott [Missieri] ineħħiha, u kull waħda li tagħti l-​frott inaddafha, biex tagħti iktar frott.” (Ġw. 15:2) Hekk kif tissottometti ruħek għall-​veritajiet tal-​Bibbja, li huma bħall-​ilma li jnaddaf, se tagħti saħansitra iktar frott.

Barkiet Issa u fil-​Futur

19. Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif ġew imberkin għall-​isforzi tagħhom bħala ħassada?

19 Id-​dixxipli leali li applikaw it-​taħriġ taʼ Ġesù iktar tard ngħataw is-​setgħa mill-​ispirtu qaddis f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. biex ikunu xhieda “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Huma komplew jaqdu bħala membri tal-​ġemgħa li tiggverna, bħala missjunarji, u bħala anzjani li jivvjaġġaw, u kellhom irwol importanti fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kol. 1:23) Kemm irċivew barkiet, u kemm ġabu ferħ lil oħrajn!

20. (a) Liema barkiet irċivejt talli ħadt sehem bis-​sħiħ fil-​ħsad spiritwali? (b) X’int determinat li tagħmel?

20 Tabilħaqq, jekk nuru l-​umiltà, inkunu ħabrieka, u nżommu mal-​livelli għoljin tal-​Kelma t’Alla, se nkomplu nieħdu sehem bis-​sħiħ u sinifikanti fil-​ħsad spiritwali kbir li qed isir bħalissa. Filwaqt li ħafna wħud qed ibatu l-​uġigħ u l-​frustrazzjoni li ġġib magħha din id-​dinja materjalistika u l-​ġiri wara l-​pjaċiri, aħna nesperjenzaw ferħ ġenwin u kuntentizza. (Salm 126:6) Iżda l-​iktar importanti hu li ‘t-​taħbit tagħna fil-​Mulej m’huwiex għalxejn.’ (1 Kor. 15:58) Sid il-​ħsad, Alla Ġeħova, se jippremjana għal dejjem għal ‘għemilna u l-​imħabba li wrejna għal ismu.’—Ebr. 6:10-​12.

[Nota taʼ taħt]

a Il-​parabbola tat-​talenti hi primarjament dwar kif Ġesù jaġixxi mad-​dixxipli midlukin tiegħu, iżda fiha prinċipji li japplikaw għall-​Kristjani kollha.

Tiftakar Int?

Hekk kif tistinka biex tieħu sehem bis-​sħiħ fix-​xogħol tal-​ħsad . . .

• għala hu essenzjali li turi l-​umiltà?

• kif tistaʼ tkun u tibqaʼ ħabrieki?

• għala hu importanti li tibqaʼ nadif moralment u spiritwalment?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 17]

L-​umiltà tistaʼ tgħinna ngħixu ħajja sempliċi li tiffoka fuq l-​interessi tas-​Saltna