Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se Jirrivela

Dak li l-Jum taʼ Ġeħova Se Jirrivela

Dak li l-​Jum taʼ Ġeħova Se Jirrivela

“Il-​jum taʼ Ġeħova se jiġi bħal ħalliel, . . . u l-​art u x-​xogħlijiet li fiha jinkixfu.”—2 PT. 3:10.

1, 2. (a) Is-​sistema preżenti mill-​agħar kif se tintemm? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 IS-​SISTEMA preżenti mill-​agħar hi bbażata fuq il-​gidba fundamentali li l-​bniedem jistaʼ jaħkem l-​art b’suċċess indipendenti minn Ġeħova. (Salm 2:2, 3) Tistaʼ xi ħaġa bbażata fuq gidba tibqaʼ għal dejjem? Dażgur li le! Xorta waħda, m’għandniex għalfejn nistennew lid-​dinja taʼ Satana teqred lilha nfisha. Minflok, se tinqered minn Alla fiż-​żmien stabbilit tiegħu u kif irid hu. L-​azzjoni t’Alla kontra din id-​dinja mill-​agħar se tirrifletti b’mod perfett kemm il-​ġustizzja tiegħu kif ukoll l-​imħabba tiegħu.—Salm 92:7; Prov. 2:21, 22.

2 “Il-​jum taʼ Ġeħova,” kiteb l-​appostlu Pietru, “se jiġi bħal ħalliel, u f’dan il-​jum is-​smewwiet jgħibu b’ħoss kbir, u l-​elementi tant ikunu jikwu li jdubu, u l-​art u x-​xogħlijiet li fiha jinkixfu.” (2 Pt. 3:10) X’inhuma “s-​smewwiet” u “l-​art” imsemmijin hawnhekk? X’inhuma “l-​elementi” li se jdubu? U Pietru x’ried ifisser meta qal li “l-​art u x-​xogħlijiet li fiha” se “jinkixfu”? Li nkunu nafu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet se jgħinna nħejju ruħna għall-​ġrajjiet li jqanqlu l-​biżaʼ u li se jseħħu fil-​futur qarib.

Is-​Smewwiet u l-​Art li Se Jgħibu

3. X’inhuma “s-​smewwiet” imsemmijin fit-​2 Pietru 3:10, u kif se jgħibu?

3 Meta tintuża b’mod simboliku fil-​Bibbja, il-​kelma “smewwiet” spiss tirreferi għal qawwiet li jaħkmu u li jitgħollew ’il fuq mis-​sudditi tagħhom. (Is. 14:13, 14; Riv. 21:1, 2) “Is-​smewwiet [li se] jgħibu” jirrappreżentaw il-​ħakma umana fuq soċjetà mbiegħda minn Alla. Il-​fatt li jgħibu “b’ħoss kbir” jistaʼ jindika l-​qerda b’ħeffa taʼ dawn is-​smewwiet.

4. X’inhi “l-​art,” u kif se tinqered?

4 “L-​art” tirrappreżenta d-​dinja tal-​umanità mbiegħda minn Alla. Dinja bħal din kienet teżisti fi żmien Noè u, bil-​kmand t’Alla, inqerdet bid-​Dilluvju. “Bl-​istess kelma, is-​smewwiet u l-​art t’issa huma merfugħin għan-​nar u qed jinżammu għal jum il-​ġudizzju u l-​qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:7) Filwaqt li d-​Dilluvju qered lin-​nies mill-​agħar kollha f’daqqa, il-​qerda li ġejja se sseħħ pass pass matul “it-​tribulazzjoni l-​kbira.” (Riv. 7:14) Fl-​ewwel fażi taʼ din it-​tribulazzjoni, Alla se jqanqal lill-​ħakkiema politiċi taʼ din id-​dinja biex jeqirdu lil “Babilonja l-​Kbira,” u b’hekk juri l-​istmerrija tiegħu għal din il-​prostituta reliġjuża. (Riv. 17:5, 16; 18:8) Imbagħad, fil-​gwerra taʼ Armageddon, l-​aħħar fażi tat-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġeħova nnifsu se jelimina l-​kumplament tad-​dinja taʼ Satana.—Riv. 16:14, 16; 19:19-​21.

“L-​Elementi . . . Jdubu”

5. L-​elementi figurattivi x’jinkludu?

5 X’inhuma “l-​elementi” li se “jdubu”? Dizzjunarju Bibliku jagħti definizzjoni tal-​kelma “elementi” bħala “prinċipji ewlenin,” jew “rudimenti.” Din il-​kelma, jgħid id-​dizzjunarju, “intużat għall-​ittri tal-​alfabett, bħala elementi tad-​diskors.” B’hekk, “l-​elementi” msemmijin minn Pietru jirreferu għall-​affarijiet fundamentali li jagħtu lid-​dinja l-​karatteristiki, l-​attitudnijiet, il-​modi, u l-​miri tagħha li huma mbegħdin minn Alla. “L-​elementi” jinkludu “l-​ispirtu tad-​dinja,” li “jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” (1 Kor. 2:12; aqra Efesin 2:1-​3.) Dan l-​ispirtu, jew “arja,” hu mxerred mad-​dinja taʼ Satana. Iġiegħel lin-​nies jaħsbu, jippjanaw, jitkellmu, u jaġixxu b’modi li jirriflettu l-​moħħ taʼ Satana, “il-​ħakkiem taʼ l-​awtorità taʼ l-​arja,” li hu kburi u ribelluż.

6. L-​ispirtu tad-​dinja kif jintwera?

6 Għalhekk, kemm jekk jafu u kemm jekk le, dawk infettati bl-​ispirtu tad-​dinja jħallu lil moħħhom u lil qalbhom jiġu influwenzati minn Satana, sabiex b’hekk jirriflettu l-​mod taʼ ħsib tiegħu u l-​attitudni tiegħu. Minħabba f’hekk, jagħmlu dak li jridu, mingħajr ma jqisu r-​rieda t’Alla. Huma jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet fuq il-​bażi tal-​kburija jew l-​egoiżmu, juru attitudni ribelluża lejn l-​awtorità, u bla rażan iċedu għax-​“xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn.”—Aqra l-1 Ġwanni 2:15-​17. a

7. Għala għandna ‘nħarsu lil qalbna’?

7 Għalhekk, kemm hu importanti li aħna ‘nħarsu lil qalbna’ billi neżerċitaw l-​għerf divin meta nagħżlu maʼ min nissieħbu, x’naqraw, id-​divertiment, u l-​Web sites li forsi niftħu fuq l-​Internet! (Prov. 4:23) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm xi ħadd li jaħtafkom taħt difrejh b’filosofija u qerq fieragħ skond it-​tradizzjoni tal-​bnedmin, skond l-​affarijiet elementari tad-​dinja u mhux skond Kristu.” (Kol. 2:8) Dan il-​kmand isir saħansitra iktar urġenti hekk kif joqrob il-​jum taʼ Ġeħova, għax tant se jkun ‘jikwi’ li se jdewweb “l-​elementi” tas-​sistema taʼ Satana, u b’hekk juri li dawn ma jistgħux jirreżistu r-​rabja taħraq t’Alla. Dan ifakkarna fil-​kliem taʼ Malakija 4:1: “Ġej il-​jum jaqbad bħall-​forn, u l-​prużuntużi kollha u dawk kollha li qed jagħmlu l-​ħażen iridu jsiru bħat-​tiben. U l-​jum li ġej se jiblagħhom żgur.”

“L-​Art u x-​Xogħlijiet li Fiha Jinkixfu”

8. L-​art u x-​xogħlijiet li fiha kif “jinkixfu”?

8 Pietru x’ried ifisser meta kiteb li “l-​art u x-​xogħlijiet li fiha jinkixfu”? Pietru kien qed jgħid li matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, Ġeħova se jikxef id-​dinja taʼ Satana, billi jesponiha bħala li hi kontra Tiegħu u kontra s-​Saltna Tiegħu, u b’hekk jixirqilha li tinqered. Fi kliem profetiku dwar dak iż-​żmien, Isaija 26:21 jgħid: “Ġeħova ġej minn postu biex jitlob kont mill-​abitanti taʼ l-​art għall-​iżball tagħhom, u l-​art se tikxef it-​tixrid taʼ demm tagħha u ma tkomplix tgħatti l-​maqtulin tagħha.”

9. (a) X’għandna niċħdu, u għala? (b) X’għandna nikkultivaw, u għala?

9 Matul il-​jum taʼ Ġeħova, dawk li ġew imsawrin mid-​dinja u l-​ispirtu mill-​agħar tagħha se juru x’inhuma verament, billi saħansitra joqtlu lil xulxin. Fil-​fatt, jistaʼ jkun li d-​diversi forom taʼ divertiment vjolenti li huma popolari llum qed iħarrġu l-​imħuħ taʼ ħafna għaż-​żmien meta l-​id taʼ kull bniedem “se tintrefaʼ kontra id sieħbu.” (Żak. 14:13) Għalhekk, kemm hu importanti li niċħdu dak kollu—films, kotba, logħob tal-​kompjuter, eċċetra—li jistaʼ jipproduċi fina karatteristiki li Alla jistmerr, bħall-​kburija u l-​imħabba għall-​vjolenza! (2 Sam. 22:28; Salm 11:5) Minflok, ejja nikkultivaw il-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla, għax kwalitajiet bħal dawn se jkunu kapaċi jirreżistu s-​sħana figurattiva tal-​jum taʼ Ġeħova.—Gal. 5:22, 23.

“Smewwiet Ġodda u Art Ġdida”

10, 11. X’inhuma s-​“smewwiet ġodda” u l-​“art ġdida”?

10 Aqra t-2 Pietru 3:13. Is-​“smewwiet ġodda” huma s-​Saltna t’Alla fis-​sema, li ġiet stabbilita fis-​sena 1914 meta ntemmu “ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus.” (Lq. 21:24) Dan il-​gvern irjali hu magħmul minn Kristu Ġesù u l-​144,000 li se jaħkmu miegħu u li l-​biċċa l-​kbira minnhom diġà rċivew il-​premju tagħhom tas-​sema. Fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, dawn l-​uħud magħżulin huma deskritti bħala “l-​belt qaddisa, Ġerusalemm il-​Ġdida, nieżla mis-​sema mingħand Alla u mħejjija bħal għarusa mżejna għal żewġha.” (Riv. 21:1, 2, 22-​24) Sewwasew bħalma Ġerusalemm tal-​art kienet il-​bażi tal-​gvern f’Israel tal-​qedem, Ġerusalemm il-​Ġdida u l-​Għarusa tagħha jifformaw il-​gvern tas-​sistema l-​ġdida. Din il-​belt ċelestjali se ‘tinżel mis-​semaʼ billi tidderieġi l-​attenzjoni tagħha lejn l-​art.

11 L-​“art ġdida” tirreferi għas-​soċjetà ġdida taʼ bnedmin fuq l-​art li minn jeddhom se jkunu wrew sottomissjoni għas-​Saltna t’Alla. Il-​ġenna spiritwali li jgawdu n-​nies t’Alla saħansitra issa sa fl-​aħħar se tkun f’ambjent xieraq għaliha f’dik “l-​art abitata [sabiħa] li ġejja.” (Ebr. 2:5) Kif nistgħu nkunu parti minn din is-​sistema l-​ġdida?

Ħejji Ruħek għall-​Jum il-​Kbir taʼ Ġeħova

12. Il-​jum taʼ Ġeħova għala se jkun xokkanti għad-​dinja?

12 Kemm Pawlu kif ukoll Pietru bassru li l-​jum taʼ Ġeħova kellu jiġi “bħal ħalliel”—bil-​moħbi u bla mistenni. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:1, 2.) Anki l-​Kristjani veri, li qed jibqgħu jistennew dak il-​jum, se jkunu sorpriżi b’kemm jiġi f’daqqa. (Mt. 24:44) Madankollu, id-​dinja se tesperjenza ħafna iktar minn sorpriża. Pawlu kiteb: “Meta [dawk li huma mbegħdin minn Ġeħova] jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa bħall-​weġgħa tal-​ħlas fuq mara tqila; u żgur ma jeħilsuhiex.”—1 Tess. 5:3.

13. Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-​għajta “Paċi u sigurtà!” tqarraq bina?

13 L-​għajta “Paċi u sigurtà!” se tkun sempliċement gidba oħra mnebbħa mid-​demonji; però, mhix se tqarraq bil-​qaddejja taʼ Ġeħova. “M’intomx fid-​dlam,” kiteb Pawlu, “biex dak il-​jum jiġi fuqkom bħalma jagħmel lill-​ħallelin, għax intom ilkoll ulied id-​dawl u wlied il-​jum.” (1 Tess. 5:4, 5) Għalhekk, ejja nibqgħu fid-​dawl, ’il bogħod mid-​dlam tad-​dinja taʼ Satana. Pietru kiteb: “Maħbubin, billi għandkom dan l-​għarfien bil-​quddiem, oqogħdu għassa li ma tmorrux tinġarru magħhom [mal-​għalliema foloz fil-​kongregazzjoni Kristjana] bl-​iżball taʼ nies li jisfidaw il-​liġi, u titilfu s-​sodizza tagħkom.”—2 Pt. 3:17.

14, 15. (a) Ġeħova kif jurina d-​dinjità? (b) Liema kliem imnebbaħ għandna nniżżlu f’qalbna?

14 Innota li Ġeħova ma jgħidilniex sempliċement biex ‘noqogħdu għassa’ u mbagħad iħallina lampa stampa. Minflok, hu jurina d-​dinjità billi b’qalb tajba jagħtina “għarfien bil-​quddiem,” spjegazzjoni bażika taʼ x’se jiġri fil-​futur.

15 Però, b’sogħba, xi wħud saru indifferenti jew saħansitra xettiċi dwar it-​tfakkiriet rigward il-​bżonn li nibqgħu mqajmin. ‘Ilna snin sħaħ nisimgħu din l-​istess tfakkira,’ għandhom mnejn jgħidu. Madankollu, dawn l-​individwi għandhom iżommu f’moħħhom li meta jagħmlu rimarki bħal dawn ikunu fil-​fatt qed jiddubitaw minn Ġeħova u minn Ibnu, mhux biss mill-​klassi tal-​ilsir leali. “Ibqaʼ stennieha,” qal Ġeħova. (Ħab. 2:3) Bl-​istess mod, Ġesù qal: “Ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” (Mt. 24:42) Flimkien maʼ dan, Pietru kiteb: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu dejjem f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova!” (2 Pt. 3:11, 12) Il-​klassi tal-​ilsir leali u l-​Ġemgħa li Tiggverna tagħha qatt ma se jqisu dan il-​kliem serju b’mod indifferenti!

16. Liema attitudni għandna nevitaw, u għala?

16 Tabilħaqq, hu “l-​ilsir mill-​agħar” li jikkonkludi li s-​Sid qed jiddawwar. (Mt. 24:48) Dan l-​ilsir mill-​agħar hu parti minn grupp deskritt fit-​2 Pietru 3:3, 4. “Fl-​aħħar jiem,” kiteb Pietru, “jiġu nies li jwaqqgħu kollox għaċ-​ċajt” li, “skond ix-​xewqat tagħhom stess,” jiżżuffjettaw b’dawk li b’ubbidjenza jżommu l-​jum taʼ Ġeħova qrib f’moħħhom. Iva, minflok ma jiffokaw fuq l-​interessi tas-​Saltna, dawn li jwaqqgħu għaċ-​ċajt jiffokaw fuqhom infushom u fuq ix-​xewqat egoistiċi tagħhom stess. Jalla qatt ma niżviluppaw attitudni diżubbidjenti u perikoluża bħal din! Minflok, jalla ‘l-​paċenzja tal-​Mulej tagħna nqisuha bħala salvazzjoni’ billi nibqgħu beżlin fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli u billi ma nkunux ansjużi żżejjed dwar meta se jiġru l-​ġrajjiet li jappartjenu lil Alla Ġeħova.—2 Pt. 3:15; aqra Atti 1:6, 7.

Afda fl-​Alla tas-​Salvazzjoni

17. Il-​Kristjani leali kif wieġbu għat-​twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu minn Ġerusalemm, u għala?

17 Wara li l-​armati Rumani invadew lil-​Lhudija fis-​sena 66 E.K., il-​Kristjani leali aġixxew fi qbil mat-​twissija taʼ Ġesù biex jaħarbu mill-​belt taʼ Ġerusalemm mal-​ewwel opportunità. (Lq. 21:20-​23) Għala aġixxew mill-​ewwel u b’mod deċiżiv? Bla dubju kienu żammew it-​twissija taʼ Ġesù qrib f’moħħhom. Ċertament, huma stennew li d-​deċiżjoni tagħhom kienet se tinvolvi xi tbatija, bħalma Kristu kien wissiehom minn qabel. Imma fl-​istess ħin, kienu jafu li Ġeħova qatt ma kien se jabbanduna lil-​leali tiegħu.—Salm 55:22.

18. Il-​kliem taʼ Ġesù f’Luqa 21:25-​28 kif jinfluwenza l-​ħarsa tiegħek lejn it-​tribulazzjoni l-​kbira li ġejja?

18 Aħna wkoll irridu nafdaw kompletament f’Ġeħova, għax hu biss jistaʼ jsalvana meta s-​sistema preżenti tgħaddi mill-​akbar tribulazzjoni li qatt kien hawn fl-​istorja kollha tal-​bniedem. F’xi żmien wara l-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira, imma qabel ma Ġeħova jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq il-​kumplament tad-​dinja, in-​nies se “jħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ dak li jkun ġej fuq l-​art abitata.” Madankollu, waqt li l-​għedewwa t’Alla se jirtogħdu bil-​biżaʼ, il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova mhux se jħossuhom imwerwrin. Għall-​kuntrarju, se jithennew għax ikunu jafu li l-​ħelsien tagħhom fil-​qrib.—Aqra Luqa 21:25-​28.

19. X’se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss?

19 Iva, x’futur eċċitanti jistenna lil dawk li jibqgħu separati mid-​dinja u “l-​elementi” tagħha! Madankollu, bħalma jispjega l-​artiklu li jmiss, jekk irridu niksbu l-​ħajja, irridu nagħmlu iktar milli sempliċement nevitaw dak li hu ħażin. Hemm bżonn li niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova u nagħmlu għemejjel li huma aċċettabbli għalih.—2 Pt. 3:11.

[Nota taʼ taħt]

a Għal deskrizzjoni iktar bis-​sħiħ tal-​karatteristiki li jiġu mqanqlin mill-​ispirtu tad-​dinja, ara l-​ktieb Reasoning From the Scriptures, paġni 389-​393.

Tistaʼ Tispjega?

• X’jirrappreżentaw . . .

‘is-​smewwiet u l-​art’ preżenti?

“l-​elementi”?

‘is-​smewwiet ġodda u l-​art ġdida’?

• Għala npoġġu l-​fiduċja sħiħa tagħna f’Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 5]

Kif tistaʼ ‘tħares lil qalbek’ u tibqaʼ separat mid-​dinja?

[Stampa f’paġna 6]

Kif nuru li ‘l-​paċenzja tal-​Mulej tagħna nqisuha bħala salvazzjoni’?