Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Kompli Agħti Ruħek . . . għat-Tagħlim”

“Kompli Agħti Ruħek . . . għat-Tagħlim”

“Kompli Agħti Ruħek . . . għat-​Tagħlim”

“INTOM issejħuli, ‘Għalliem,’ u, ‘Mulej,’ u sewwa tgħidu, għax hekk jien.” (Ġw. 13:13) B’dan il-​kliem lid-​dixxipli tiegħu, Ġesù enfasizza l-​irwol tiegħu bħala għalliem. Imbagħad, ftit qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” (Mt. 28:19, 20) Iktar tard, l-​appostlu Pawlu enfasizza wkoll l-​importanza taʼ li nkunu għalliema tal-​Kelma t’Alla. Hu wissa lill-​anzjan Kristjan Timotju: “Kompli agħti ruħek għall-​qari pubbliku, għat-​twiddib, għat-​tagħlim. . . . Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 Tim. 4:13-​15.

Illum, bħal dak iż-​żmien, it-​tagħlim hu aspett li jispikka kemm tal-​ministeru tal-​għalqa kif ukoll tal-​laqgħat Kristjani tagħna. Kif nistgħu nkomplu nagħtu ruħna għat-​tagħlim, u dan b’liema modi se jgħinna nagħmlu avanz, jew progress, bħala għalliema tal-​Kelma t’Alla?

Imita lill-​Għalliem il-​Kbir

Il-​mod kif kien jgħallem Ġesù kien jattira lil ħafna mis-​semmiegħa tiegħu. Innota l-​effett li kellu kliemu fuq dawk li kienu preżenti fis-​sinagoga f’Nazaret. Luqa, wieħed mill-​kittieba tal-​Evanġelji, kiteb: “Huma lkoll bdew jagħtu xiehda favorevoli dwaru u jistagħġbu bil-​kliem ħelu li ħareġ minn fommu.” (Lq. 4:22) Id-​dixxipli taʼ Ġesù segwew l-​eżempju taʼ Sidhom fl-​ippritkar tagħhom. Tabilħaqq, l-​appostlu Pawlu inkuraġġixxa lil sħabu l-​Kristjani: “Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.” (1 Kor. 11:1) Peress li imita l-​metodi taʼ Ġesù, Pawlu sar effettiv ħafna f’li ‘jgħallem pubblikament u minn dar għal dar.’—Atti 20:20.

Jgħallem “fis-​Suq”

Eżempju li jispikka tal-​abbiltà taʼ Pawlu li jgħallem pubblikament jinstab f’Atti kapitlu 17. Hemmhekk naqraw dwar iż-​żjara tiegħu f’Ateni, il-​Greċja. Kull fejn Pawlu kien iħares f’din il-​belt—fit-​toroq, f’postijiet pubbliċi—kien hemm l-​idoli. Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ħassu aġitat ħafna! Xorta waħda, ma ħalliex l-​emozzjonijiet tiegħu jegħlbuh. Minflok, hu “beda jirraġuna fis-​sinagoga . . . u fis-​suq kuljum maʼ dawk li kienu jinzertaw hemmhekk.” (Atti 17:16, 17) X’eżempju mill-​aħjar għalina! Billi nkellmu lin-​nies taʼ kull sfond, mhux b’manjiera li tikkundanna, imma b’waħda li turi rispett, nistgħu nwittu t-​triq biex xi wħud jisimgħu u eventwalment jinħelsu mill-​jasar tar-​reliġjon falza.—Atti 10:34, 35; Riv. 18:4.

Ħafna min-​nies li ppritkalhom Pawlu fis-​suq m’aċċettawx il-​messaġġ tiegħu. Fost is-​semmiegħa tiegħu kien hemm filosfi li l-​ħarsa tagħhom ma kinitx taqbel mal-​veritajiet li kien qed jipprietka. Meta s-​semmiegħa taʼ Pawlu ma qablux miegħu, hu ċertament li taʼ kas il-​kummenti tagħhom. Xi wħud sejħulu, bil-​Grieg, “wieħed li jiġbor iż-​żerriegħa,” li kienet espressjoni idjomatika biex tiddeskrivi “lablabi.” Oħrajn qalu: “Donnu qed ixandar allat barranin.”—Atti 17:18.

Madankollu, Pawlu ma qatax qalbu minħabba r-​rimarki taʼ tmaqdir tas-​semmiegħa tiegħu. Għall-​kuntrarju, meta staqsewh biex jispjega t-​tagħlim tiegħu, Pawlu ħataf l-​okkażjoni biex jippreżenta taħdita mimlija dehen li wriet sew l-​abbiltajiet tiegħu li jgħallem. (Atti 17:19-​22; 1 Pt. 3:15) Ejja neżaminaw it-​taħdita tiegħu bid-​dettall u nitgħallmu lezzjonijiet li jistgħu jgħinuna ntejbu l-​abbiltajiet tagħna li ngħallmu.

Stabbilixxi Bażi Komuni

Pawlu qal: “Irġiel t’Ateni, qed nara li intom f’kollox tidhru iktar devoti lejn l-​allat minn nies oħrajn. Per eżempju, jien . . . osservajt bir-​reqqa l-​oġġetti taʼ qima tagħkom u sibt ukoll artal li fuqu kien hemm minqux ‘Lil Alla Mhux Magħruf.’ Għalhekk, lil dak li bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni, lil dan qed inxandrilkom.”—Atti 17:22, 23.

Pawlu nnota kull ħaġa li kien hemm madwaru. Minn dak li kien osserva bir-​reqqa, tgħallem ħafna dwar dawk li kien qed ikellem. Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu xi ħaġa dwar xi inkwilin jekk nosservaw. Pereżempju, ġugarelli f’parapett jew sinjali fuq bieb jistgħu jikxfu ħafna. Jekk ikollna idea taʼ x’jistgħu jkunu ċ-​ċirkustanzi tal-​inkwilin, nistgħu nagħżlu bir-​reqqa mhux biss dak li ngħidu imma wkoll kif ngħiduh.—Kol. 4:6.

Pawlu kien pożittiv fil-​messaġġ tiegħu. Imma hu sab li d-​“devozzjoni” tan-​nies t’Ateni ma kinitx ibbażata fuq għarfien eżatt. Pawlu wera b’mod ċar kif setgħu jidderieġu l-​qima tagħhom lejn l-​Alla l-​veru. (1 Kor. 14:8) Kemm hu importanti li aħna nitkellmu kemm b’mod ċar kif ukoll b’mod pożittiv meta nxandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna!

Kun Tattikuż u Imparzjali

Pawlu kompla, billi qal: “L-​Alla li għamel id-​dinja u kulma fiha, peress li Hu l-​Mulej tas-​sema u l-​art, ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-​idejn, lanqas m’hu moqdi minn idejn il-​bnedmin bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa, għax hu stess jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs u kollox.”—Atti 17:24, 25.

Pawlu hawnhekk idderieġa l-​attenzjoni lejn Ġeħova bħala d-​Donatur tal-​Ħajja tagħna, u għamel dan bit-​tattika billi rrefera għalih bħala “l-​Mulej tas-​sema u l-​art.” Xi privileġġ hu li ngħinu lil nies taʼ qalb onesta minn sfondi reliġjużi u kulturali differenti jifhmu li l-​ħajja kollha toriġina minn Alla Ġeħova!—Salm 36:9.

Imbagħad Pawlu qal: “U minn raġel wieħed għamel il-​ġnus kollha tal-​bnedmin, . . . u b’digriet ordna ż-​żminijiet stabbiliti u l-​limiti fissi fejn jgħammru l-​bnedmin, biex huma jfittxu ’l Alla, jekk iteftfu fid-​dlam għalih u jirnexxilhom isibuh, għalkemm, fil-​fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.”—Atti 17:26, 27.

Bil-​mod kif ngħallmu, nistgħu nuru liema tip t’Alla aħna nqimu. Mingħajr parzjalità, Ġeħova jħalli lin-​nies minn kull ġens “iteftfu fid-​dlam għalih u jirnexxilhom isibuh.” B’mod simili, aħna nitkellmu mingħajr parzjalità maʼ kull min niltaqgħu. Nipprovaw ngħinu lil dawk li jemmnu f’Ħallieq biex jiżviluppaw relazzjoni mill-​qrib miegħu li tistaʼ twassal għal barkiet dejjiema. (Ġak. 4:8) Imma kif nistgħu ngħinu lil dawk li jiddubitaw mill-​eżistenza t’Alla? Aħna nsegwu l-​eżempju taʼ Pawlu. Innota x’qal wara.

“Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu, saħansitra bħalma qalu wħud mill-​poeti fostkom, ‘Għax aħna wkoll uliedu.’ Għalhekk, ladarba aħna wlied Alla, m’għandniex nimmaġinaw li d-​Divin hu bħad-​deheb jew il-​fidda jew il-​ġebel.”—Atti 17:28, 29.

Pawlu hawnhekk ipprova jqanqal l-​interess billi kkwota poeti li n-​nies t’Ateni kienu jafuhom u jaċċettawhom. Bl-​istess mod, aħna nipprovaw nistabbilixxu bażi komuni billi nirraġunaw fuq dak li nafu li s-​semmiegħa tagħna se jaċċettaw. Pereżempju, it-​tixbiha taʼ Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej illum hija konvinċenti daqskemm kienet dak iż-​żmien: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebr. 3:4) Li nqanqlu lill-​inkwilini tagħna jirraġunaw fuq din it-​tixbiha sempliċi jistaʼ jgħinhom jagħrfu l-​verità taʼ dak li ngħidu. Innota aspett ieħor taʼ tagħlim effettiv fit-​taħdita taʼ Pawlu—il-​motivazzjoni.

Enfasizza l-​Urġenza

Pawlu qal: “Veru, Alla għalaq għajnejh għal żminijiet taʼ injoranza bħal din, iżda issa qed jgħid lill-​bnedmin kullimkien li għandhom jindmu lkoll. Għax hu stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar.”—Atti 17:30, 31.

Minħabba li Alla fl-​għerf tiegħu ppermetta li jeżisti l-​ħażen, hu ta lil kull wieħed minna l-​opportunità biex nuruh x’hemm verament f’qalbna. Huwa vitali li nenfasizzaw l-​urġenza taʼ żminijietna u li nitkellmu b’konvinzjoni dwar il-​barkiet tal-​ħakma tas-​Saltna, li issa tant hi viċin.—2 Tim. 3:1-​5.

Reazzjonijiet Differenti

“Meta semgħu dwar l-​irxoxt tal-​mejtin, xi wħud bdew jiżżuffjettaw, waqt li oħrajn qalu: ‘Dwar dan nisimgħuk darb’oħra.’ B’hekk, Pawlu ħareġ minn ġo nofshom, imma xi rġiel ngħaqdu miegħu u emmnu.”—Atti 17:32-​34.

Xi wħud iwieġbu mill-​ewwel għat-​tagħlim tagħna; oħrajn għandhom mnejn ikollhom bżonn iktar żmien biex isiru konvinti mill-​irraġunar tagħna. Imma meta l-​ispjegazzjoni tagħna ċara u sempliċi tal-​verità tgħin saħansitra lil individwu wieħed jasal għal għarfien eżatt dwar Ġeħova, kemm inkunu grati li Alla jużana biex irressqu lin-​nies lejn Ibnu!—Ġw. 6:44.

Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu

Hekk kif nirriflettu fuq it-​taħdita taʼ Pawlu, nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif nispjegaw il-​veritajiet tal-​Bibbja lil oħrajn. Jekk għandna l-​privileġġ li nagħtu taħditiet pubbliċi fil-​kongregazzjoni, nistgħu nistinkaw biex nimitaw lil Pawlu billi bit-​tattika nużaw espressjonijiet li se jgħinu lil xi ħadd mhux tal-​istess twemmin jifhem u jaċċetta l-​veritajiet tal-​Bibbja. Irridu nippreżentaw veritajiet bħal dawn b’mod ċar, imma rridu noqogħdu attenti li ma nċekknux it-​twemmin taʼ kwalunkwe persuna li mhijiex tal-​istess twemmin u li forsi tkun preżenti. Fl-​istess ħin, fix-​xogħol tal-​ippritkar pubbliku tagħna, nagħmlu ħilitna biex nuru l-​persważjoni u nużaw it-​tattika. Billi nagħmlu hekk, inkunu verament qed insegwu l-​parir taʼ Pawlu biex ‘nagħtu ruħna għat-​tagħlim.’

[Stampa f’paġna 30]

It-​tagħlim taʼ Pawlu kien ċar, sempliċi, u tattikuż

[Stampa f’paġna 31]

Aħna nimitaw lil Pawlu billi nikkunsidraw is-​sentimenti taʼ dawk li nippritkawlhom