Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Attenzjoni Twassal Għal Riżultati mill-Aħjar

L-Attenzjoni Twassal Għal Riżultati mill-Aħjar

L-​Attenzjoni Twassal Għal Riżultati mill-​Aħjar

ATTENT int għal opportunitajiet taʼ ppritkar li jistgħu jqumu bla mistenni fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tiegħek? Fil-​Finlandja, ħutna l-​Kristjani fil-​belt storika taʼ Turku li għandha port, kienu attenti, u l-​attenzjoni tagħhom wasslet għal riżultati mill-​aħjar.

Xi żmien ilu, l-​aħwa fʼTurku nnotaw li grupp taʼ rġiel Asjatiċi kienu waslu fil-​belt biex jispiċċaw ix-​xogħol fuq vapur kbir tal-​passiġġieri li kien qed jinbena f’tarzna lokali. Iktar tard, ħu sar jaf f’liema lukandi kienu qed joqogħdu l-​ħaddiema barranin. Sar jaf ukoll li kmieni filgħodu, il-​ħaddiema kienu jittieħdu b’tal-​linja mil-​lukandi li kienu fiċ-​ċentru tal-​belt lejn il-​port. Immedjatament, il-​ħu avża lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni tal-​Ingliż fʼTurku.

L-​anzjani f’dik il-​kongregazzjoni rrealizzaw li l-​preżenza taʼ daqstant barranin kienet toffri opportunità mhix mistennija biex jaqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna magħhom, u malajr għamlu arranġamenti għal kampanja speċjali. Il-​Ħadd taʼ dik il-​ġimgħa, għaxar pubblikaturi ltaqgħu viċin l-​istejġ taʼ tal-​linja fis-​sebgħa taʼ filgħodu. Għall-​ewwel, ma deher ebda ħaddiem. ‘Ġejna tard wisq?’ ħasbu l-​aħwa. ‘Tgħid telqu minn Turku?’ Imma mbagħad ħaddiem bil-​ħwejjeġ tax-​xogħol ġie minn wara l-​kantuniera. Ħaddiem ieħor ġie warajh, u ftit ftit żdiedu. Fi żmien qasir, grupp kbir taʼ ħaddiema kienu nġabru ħdejn l-​istejġ. Il-​pubblikaturi bdew jippritkaw, billi marru jkellmu lill-​ħaddiema b’pubblikazzjonijiet bil-​lingwa Ingliża. Fortunatament, għaddiet kważi siegħa sakemm il-​ħaddiema kollha sabu posthom fuq il-​karozzi tal-​linja, u dan ta lill-​aħwa biżżejjed ħin biex ikellmu lil ħafna minnhom. Meta telqu l-​karozzi tal-​linja, il-​ħaddiema ħadu magħhom 126 ktejjeb u 329 rivista!

Ir-​riżultati mill-​aħjar inkuraġġew lill-​aħwa biex jirripetu l-​kampanja l-​ġimgħa taʼ wara, matul iż-​żjara tal-​indokratur tas-​circuit. F’jum tax-​xita, fis-​sitta u nofs taʼ filgħodu, l-​indokratur tas-​circuit ikkonduċa l-​laqgħa għas-​servizz tal-​għalqa, u 24 pubblikatur marru ħdejn l-​istejġ. Din id-​darba, ħadu magħhom ukoll letteratura bit-​Tagalog minħabba li saru jafu li ħafna mill-​barranin kienu mill-​Filippini. Dik l-​għodwa, meta l-​karozzi tal-​linja telqu lejn il-​port, il-​ħaddiema ħadu magħhom 7 kotba, 69 ktejjeb, u 479 rivista. Immaġina l-​ferħ u l-​eċċitament tal-​aħwa li ħadu sehem fil-​kampanja!

Qabel ma l-​ħaddiema marru lura f’pajjiżhom, l-​aħwa rnexxielhom iżuru diversi wħud minnhom fil-​lukandi fejn kienu qed joqogħdu u spjegaw il-​messaġġ tas-​Saltna b’iktar dettall. Xi ħaddiema qalu li huma kienu ġew kuntattjati qabel mix-​Xhieda f’postijiet oħrajn tad-​dinja. Il-​ħaddiema esprimew l-​apprezzament tagħhom lill-​aħwa talli ħadu l-​inizjattiva biex jikkuntattjawhom sakemm kienu fil-​Finlandja.

Qiegħed attent int għal opportunitajiet li jistgħu jqumu bla mistenni fit-​territorju tal-​kongregazzjoni tiegħek? Tieħu l-​inizjattiva biex tilħaq lin-​nies taʼ sfondi differenti? Jekk inhu hekk, int ukoll jistaʼ jkollok esperjenzi bħal dawk li gawdew ħutna f’Turku.

[Mappa/Stampa f’paġna 32]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

FINLANDJA

ĦELSINKI

Turku