Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“L-Ispirtu Jgħarbel . . . l-Affarijiet Profondi t’Alla”

“L-Ispirtu Jgħarbel . . . l-Affarijiet Profondi t’Alla”

“L-​Ispirtu Jgħarbel . . . l-​Affarijiet Profondi t’Alla”

“L-​ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 KOR. 2:10.

1. Pawlu liema rwol li għandu l-​ispirtu qaddis jenfasizza fl-​1 Korintin 2:10, u liema mistoqsijiet iqumu?

 KEMM għandna għal xiex inkunu grati għall-​ħidma tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova! L-​Iskrittura titkellem dwar l-​ispirtu bħala ajjutant, għotja, spirtu li jixhed, u li jitlob bil-​ħniena għalina. (Ġw. 14:16; Atti 2:38; Rum. 8:16, 26, 27) L-​appostlu Pawlu enfasizza rwol vitali ieħor li għandu l-​ispirtu qaddis: “L-​ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:10) Tabilħaqq, Ġeħova juża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jirrivela veritajiet spiritwali profondi. Mingħajr din l-​għajnuna ma nkunux nistgħu nifhmu l-​iskopijiet taʼ Ġeħova. (Aqra l-1 Korintin 2:9-​12.) Madankollu, iqumu bosta mistoqsijiet: L-​ispirtu kif ‘jgħarbel l-​affarijiet profondi t’Alla’? Ġeħova permezz taʼ min irrivela dawn l-​affarijiet fl-​ewwel seklu E.K.? L-​ispirtu kif, u permezz taʼ min, jgħarbel dawn l-​affarijiet profondi fi żmienna?

2. L-​ispirtu b’liema żewġ modi kellu jaħdem?

2 Ġesù wera żewġ modi kif l-​ispirtu kellu jaħdem. Ftit qabel ma miet, hu qal lill-​appostli tiegħu: “L-​ajjutant, l-​ispirtu qaddis, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għedtilkom.” (Ġw. 14:26) B’hekk, l-​ispirtu qaddis kellu jservi bħala għalliem u bħala wieħed li jfakkar. Bħala għalliem kellu jgħin lill-​Kristjani jifhmu l-​affarijiet li ma kinux jifhmu qabel. Bħala wieħed li jfakkar kellu jgħinhom jiftakru u japplikaw b’mod korrett dak li jkun ġie spjegat.

Fl-​Ewwel Seklu

3. Liema kliem taʼ Ġesù wera li “l-​affarijiet profondi t’Alla” kellhom jiġu rivelati bil-​mod il-​mod?

3 Ġesù nnifsu għallem lid-​dixxipli tiegħu bosta veritajiet li kienu ġodda għalihom. Iżda xorta kien għad fadlilhom ħafna x’jitgħallmu. Ġesù qal lill-​appostli: “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-​preżent ma tifilħux għalih. Madankollu, meta jasal, l-​ispirtu tal-​verità, jiggwidakom lejn il-​verità kollha.” (Ġw. 16:12, 13) B’hekk, Ġesù wera li permezz tal-​ispirtu qaddis, l-​affarijiet spiritwali profondi kellhom jiġu rivelati bil-​mod il-​mod.

4. L-​ispirtu qaddis kif serva bħala għalliem u bħala wieħed li jfakkar fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K.?

4 “L-​ispirtu tal-​verità” wasal fil-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta dan issawwab fuq madwar 120 Kristjan li kienu miġburin flimkien f’Ġerusalemm. L-​evidenza taʼ dan setgħet tidher u tinstemaʼ. (Atti 1:4, 5, 15; 2:1-​4) Id-​dixxipli bdew jitkellmu b’diversi ilsna “dwar l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:5-​11) Kien wasal iż-​żmien biex tiġi rivelata xi ħaġa ġdida. Il-​profeta Ġoel kien bassru dan it-​tiswib tal-​ispirtu qaddis. (Ġoel 2:28-​32) In-​nies li kienu qed jarawhom kienu xhieda tat-​twettiq b’mod li ħadd minnhom ma kien stenna, u l-​appostlu Pietru kien minn taʼ quddiem biex jispjega dan l-​iżvilupp. (Aqra Atti 2:14-​18.) B’hekk, l-​ispirtu qaddis serva bħala għalliem għax ġiegħel lil Pietru jara ċar li dak li kienu esperjenzaw id-​dixxipli kien bi twettiq taʼ dik il-​profezija tal-​qedem. L-​ispirtu serva wkoll bħala wieħed li jfakkar għax Pietru ma kkwotax biss lil Ġoel iżda anki żewġ salmi taʼ David. (Salm 16:8-​11; 110:1; Atti 2:25-​28, 34, 35) L-​affarijiet li raw u semgħu n-​nies kollha li kienu miġburin hemmhekk kienu tassew l-​affarijiet profondi t’Alla.

5, 6. (a) Liema mistoqsijiet importanti dwar il-​patt il-​ġdid kellhom bżonn jiġu mweġbin wara Pentekoste tas-​sena 33 E.K.? (b) Permezz taʼ min tqajmu dawn il-​kwistjonijiet, u d-​deċiżjonijiet kif ittieħdu?

5 Kien għad baqaʼ ħafna kwistjonijiet li riedu jiġu ċċarati għall-​Kristjani tal-​ewwel seklu. Pereżempju, kien hemm mistoqsijiet dwar il-​patt il-​ġdid li sar validu fil-​jum taʼ Pentekoste. Kien il-​patt il-​ġdid japplika biss għal-​Lhud u għall-​proseliti Lhud? Setgħu l-​Ġentili wkoll jiġu aċċettati fih u jkunu midlukin bl-​ispirtu qaddis? (Atti 10:45) Kellhom l-​irġiel Ġentili l-​ewwel jiġu ċirkonċiżi, u kellhom huma jissottomettu ruħhom għal-​Liġi Mosajka? (Atti 15:1, 5) Dawn kienu mistoqsijiet importanti ħafna. Kien hemm bżonn tal-​ispirtu taʼ Ġeħova biex jgħarbel dawn l-​affarijiet profondi. Iżda permezz taʼ min kellu jaħdem?

6 Aħwa responsabbli qajmu kull waħda minn dawn il-​kwistjonijiet li kellha bżonn tiġi kunsidrata. Pietru, Pawlu, u Barnaba kienu preżenti għall-​laqgħa tal-​ġemgħa li tiggverna li fiha ġiet diskussa ċ-​ċirkonċiżjoni u rrakkontaw kif Ġeħova kien qed jittratta lill-​Ġentili mhux ċirkonċiżi. (Atti 15:7-​12) Wara li ġiet kunsidrata din l-​evidenza flimkien maʼ dak li ngħad fl-​Iskrittura Ebrajka, u bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis, il-​ġemgħa li tiggverna ħadet deċiżjoni. Imbagħad, il-​ġemgħa informat lill-​kongregazzjonijiet bil-​miktub dwar din id-​deċiżjoni.—Aqra Atti 15:25-​30; 16:4, 5; Efes. 3:5, 6.

7. Il-​veritajiet profondi b’liema modi ġew rivelati?

7 Bosta iktar kwistjonijiet ġew iċċarati permezz tal-​kitbiet ispirati taʼ Ġwanni, Pietru, Ġakbu, u Pawlu. Iżda, f’xi żmien wara li tlestiet l-​Iskrittura Kristjana, l-​għotjiet tal-​ipprofetizzar u l-​għarfien rivelat b’mod mirakoluż intemmu. (1 Kor. 13:8) Kellu l-​ispirtu jibqaʼ jservi bħala għalliem u bħala wieħed li jfakkar? Kellu jkompli jgħin lill-​Kristjani jgħarblu l-​affarijiet profondi t’Alla? Il-​profezija wriet li iva.

Matul iż-​Żmien tat-​Tmiem

8, 9. Min kellu “jiddi” bid-​dehen spiritwali matul iż-​żmien tat-​tmiem?

8 Meta kien qed jitkellem dwar iż-​żmien tat-​tmiem, anġlu bassar: “Dawk li għandhom id-​dehen jiddu bħad-​dija tal-​firxa tas-​sema; u dawk li qed iwasslu lill-​ħafna lejn is-​sewwa, bħall-​kwiekeb għal żmien indefinit, iva, għal dejjem. . . . U l-​għarfien veru jkun abbundanti.” (Dan. 12:3, 4) Min kellhom ikunu l-​uħud li jkollhom id-​dehen, u min kellu jiddi? Ġesù pprovda ħjiel fit-​tixbiha tiegħu tal-​qamħ u s-​sikrana. Meta tkellem dwar il-​“konklużjoni taʼ sistema,” hu qal: “F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx fis-​saltna taʼ Missierhom.” (Mt. 13:39, 43) Fl-​ispjegazzjoni tiegħu, Ġesù identifika lin-​“nies sewwa” bħala “wlied is-​saltna,” jiġifieri l-​Kristjani midlukin.—Mt. 13:38.

9 Il-​Kristjani midlukin kollha kellhom “jiddu”? F’ċertu sens, iva, għax il-​Kristjani kollha kellhom jieħdu sehem fl-​ippritkar, fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli, u f’li jsaħħu lil xulxin fil-​laqgħat. L-​uħud midlukin kellhom ikunu taʼ eżempju f’dan. (Żak. 8:23) Barra minn hekk, l-​affarijiet profondi kellhom jiġu rivelati matul iż-​żmien tat-​tmiem. Proprju l-​profezija li kiteb Danjel kienet ‘siġillata’ sa dak iż-​żmien. (Dan. 12:9) L-​ispirtu kif, u permezz taʼ min, kellu jgħarbel dawn l-​affarijiet profondi?

10. (a) L-​ispirtu permezz taʼ min irrivela veritajiet profondi matul l-​aħħar jiem? (b) Spjega kif ġew iċċarati l-​veritajiet rigward it-​tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova.

10 Meta jkun wasal iż-​żmien biex tiġi ċċarata xi kwistjoni spiritwali fi żmienna, l-​ispirtu qaddis jgħin lir-​rappreżentanti responsabbli tal-​“ilsir leali u għaqli” fil-​kwartieri ġenerali biex jifhmu veritajiet profondi li qabel ma kinux mifhumin. (Mt. 24:45; 1 Kor. 2:13) Il-​Ġemgħa li Tiggverna tikkunsidra l-​ispjegazzjonijiet aġġustati. (Atti 15:6) Dak li jsiru jafu huma, jippubblikawh għall-​benefiċċju taʼ kulħadd. (Mt. 10:27) Mal-​medda taż-​żmien, jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ iktar kjarifiki, u dawn ukoll jiġu spjegati bil-​miftuħ.—Ara l-​kaxxa “Kif l-​Ispirtu Rrivela t-​Tifsir tat-​Tempju Spiritwali.”

Nibbenefikaw mill-​Irwol tal-​Ispirtu Llum

11. Il-​Kristjani kollha llum kif jibbenefikaw mill-​irwol tal-​ispirtu qaddis li jirrivela l-​affarijiet profondi t’Alla?

11 Il-​Kristjani leali kollha jibbenefikaw mill-​irwol tal-​ispirtu qaddis li jirrivela l-​affarijiet profondi t’Alla. Bħall-​Kristjani tal-​ewwel seklu, aħna llum nistudjaw u mbagħad niftakru u napplikaw l-​informazzjoni li l-​ispirtu qaddis jgħinna nifhmu. (Lq. 12:11, 12) M’hemmx għalfejn ikollna ħafna skola sabiex nifhmu l-​veritajiet spiritwali profondi li ġew pubblikati. (Atti 4:13) Kif nistgħu nifhmu aħjar l-​affarijiet profondi t’Alla? Ikkunsidra xi ftit suġġerimenti.

12. Meta għandna nitolbu għall-​ispirtu qaddis?

12 Itlob għall-​ispirtu qaddis. Meta nkunu se nikkunsidraw materjal mill-​Iskrittura, l-​ewwel għandna nitolbu għall-​gwida tal-​ispirtu qaddis. Dan nagħmluh anki jekk inkunu waħedna, jew meta jkollna ftit ħin disponibbli. Petizzjonijiet b’umiltà bħal dawn żgur se jferrħu lil Missierna tas-​sema. Bħalma wera Ġesù, Ġeħova se jipprovdi l-​ispirtu qaddis tiegħu b’mod ġeneruż meta nitolbuh b’sinċerità.—Lq. 11:13.

13, 14. Il-​preparazzjonijiet għal-​laqgħat liema rwol għandhom biex nifhmu l-​affarijiet profondi t’Alla?

13 Ipprepara għal-​laqgħat. Aħna nirċievu “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” permezz tal-​klassi tal-​ilsir. L-​“ilsir” iwettaq l-​inkarigu tiegħu billi jipprovdi materjal mill-​Iskrittura u billi jħejji programmi tal-​istudju u tal-​laqgħat. Hemm bosta raġunijiet, li jkunu ġew kunsidrati bir-​reqqa u b’attenzjoni, għala l-​ilsir jitlob lill-​“fratellanza kollha” biex tikkunsidra ċerta informazzjoni. (1 Pt. 2:17; Kol. 4:16; Ġuda 3) Meta nagħmlu l-​almu tagħna biex insegwu s-​suġġerimenti provduti nkunu qed nikkooperaw mal-​ispirtu qaddis.—Riv. 2:29.

14 Meta nippreparaw għal-​laqgħat Kristjani nagħmlu tajjeb jekk infittxu l-​iskritturi ċitati u nipprovaw nifhmu kif kull waħda tapplika għas-​suġġett li jkun qed jiġi kunsidrat. Bil-​mod il-​mod, din id-​drawwa se tgħinna niksbu fehma iktar profonda tal-​Bibbja. (Atti 17:11, 12) Meta nfittxu l-​versi nkunu qed noħolqu stampa f’moħħna, u b’hekk l-​ispirtu qaddis jgħinna biex niftakruhom. Barra minn hekk, jekk naraw il-​vers fil-​paġni tal-​Bibbja, se niftakru bejn wieħed u ieħor fejn qiegħed u dan jistaʼ jgħinna nsibu s-​silta meta jkollna bżonnha.

15. Għala għandna nżommu ruħna aġġornati mal-​materjal pubblikat, u int kif tagħmel dan?

15 Żomm ruħek aġġornat. Fil-​laqgħat, ċertu materjal pubblikat ma jiġix diskuss, iżda xorta hu mħejji għall-​benefiċċju tagħna. Anki r-​rivisti tagħna li noffru lill-​pubbliku huma maħsubin għalina. F’din id-​dinja mgħaġġla spiss irridu nistennew lil xi ħadd jew xi ħaġa. Jekk inġorru magħna xi pubblikazzjoni li ma nkunux qrajna, jew li forsi qrajna biss ftit minnha, inkunu nistgħu nużaw dawn l-​opportunitajiet biex naqraw xi ħaġa minnha. Xi wħud iżommu ruħhom aġġornati billi jisimgħu rekordings bl-​awdjo tal-​pubblikazzjonijiet tagħna waqt li jkunu qed jimxu jew jivvjaġġaw f’xi vettura. Dan il-​materjal kollu, miktub bir-​reqqa iżda wkoll għall-​gost tal-​qarrejja inġenerali, ikabbar l-​apprezzament tagħna għall-​affarijiet spiritwali.—Ħab. 2:2.

16. Kif se nibbenefikaw meta nieħdu nota u nfittxu dwar xi mistoqsijiet li jiġu f’moħħna?

16 Immedita. Meta taqra l-​Bibbja jew il-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, ħu l-​ħin biex tirrifletti. Int u taqra, jistgħu jiġuk xi mistoqsijiet f’moħħok. Forsi tistaʼ tieħu nota taʼ dawn il-​mistoqsijiet u mbagħad tfittex iktar dwarhom. Spiss, meta nagħmlu riċerka dwar xi suġġett li jqajmilna l-​interess inkunu rridu nħaffru iktar fil-​fond. Il-​fehma li niksbu ssir parti mit-​teżor tagħna li nistgħu nużawh meta jkollna bżonnu.—Mt. 13:52.

17. Int x’tikkunsidra matul l-​istudju tal-​familja jew l-​istudju persunali?

17 Agħmel skeda għall-​qima tal-​familja. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tħeġġiġna lkoll biex inwarrbu lejla jew ħin ieħor kull ġimgħa għall-​istudju persunali jew għall-​istudju tal-​familja. L-​iskeda l-​ġdida tal-​laqgħat tagħtina l-​opportunità li napplikaw dan il-​parir. Int x’tikkunsidra matul il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja? Xi wħud jaqraw il-​Bibbja, jagħmlu riċerka dwar xi versi li jqajmulhom mistoqsijiet f’moħħhom, u jieħdu noti fil-​Bibbja tagħhom li jkunu qosra iżda spjegati. Ħafna familji jagħmlu l-​ħin biex japplikaw il-​materjal li jkunu qed jistudjaw għall-​familja tagħhom stess. Ċerti kapijiet tal-​familja jagħżlu materjal li jħossu li l-​familja għandha bżonn tikkunsidra jew materjal li jkun marbut maʼ suġġetti jew mistoqsijiet li l-​membri tal-​familja jkunu talbu biex jiddiskutu. Bla dubju, maż-​żmien int se taħseb dwar suġġetti oħrajn x’tikkunsidra. a

18. Għala m’għandniex noqogħdu lura milli nistudjaw il-​veritajiet iktar profondi tal-​Kelma t’Alla?

18 Ġesù qal li l-​ispirtu kellu jservi bħala ajjutant. Mela m’għandniex noqogħdu lura milli nistudjaw il-​veritajiet iktar profondi tal-​Kelma t’Alla. Dawn il-​veritajiet huma parti mill-​“għarfien t’Alla” li hu prezzjuż, u aħna mistidnin biex ngħarbluhom. (Aqra Proverbji 2:1-​5.) Dawn jirrivelaw ħafna dwar “dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh.” Hekk kif nagħmlu sforz biex nitgħallmu iktar dwar il-​Kelma taʼ Ġeħova, l-​ispirtu qaddis se jgħinna għax “l-​ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 Kor. 2:9, 10.

[Nota taʼ taħt]

a Ara wkoll Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Ottubru, 2008, paġna 8.

Int Kif Twieġeb?

• L-​ispirtu b’liema żewġ modi jgħinna ngħarblu “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

• L-​ispirtu qaddis permezz taʼ min irrivela l-​veritajiet profondi fl-​ewwel seklu?

• L-​ispirtu qaddis kif jaħdem biex jiċċara xi kwistjonijiet fi żmienna?

• X’tistaʼ tagħmel int biex tibbenefika mill-​irwol tal-​ispirtu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 22]

Kif l-​Ispirtu Rrivela t-​Tifsir tat-​Tempju Spiritwali

Waħda mill-​“affarijiet profondi t’Alla” li ġew rivelati matul l-​ewwel seklu kienet li t-​tabernaklu u iktar tard it-​tempji, taw stampa bil-​quddiem taʼ realtà spiritwali bil-​wisq akbar. Din ir-​realtà Pawlu sejħilha t-​“tinda vera, li bena Ġeħova, u mhux il-​bniedem.” (Ebr. 8:2) Dan kien tempju spiritwali kbir li kien mezz biex wieħed javviċina lil Alla. Ġesù Kristu bħala qassis flimkien mas-​sagrifiċċju tiegħu għamlu dan possibbli.

It-​“tinda vera” bdiet teżisti fis-​sena 29 E.K. meta tgħammed Ġesù u Ġeħova aċċettah bħala l-​wieħed li kellu jsir sagrifiċċju perfett. (Ebr. 10:5-​10) Wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, Ġesù daħal fl-​Iktar Qaddis tat-​tempju spiritwali u ppreżenta l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu “quddiem il-​persuna t’Alla.”—Ebr. 9:11, 12, 24.

F’vers ieħor, l-​appostlu Pawlu kiteb dwar il-​Kristjani midlukin bħala li ‘qed jikbru f’tempju qaddis għal Ġeħova.’ (Efes. 2:20-​22) Kellu dan it-​tempju jkun l-​istess bħat-​“tinda vera” li iktar tard iddeskriva fl-​ittra tiegħu lill-​Ebrej? Għal għaxriet taʼ snin, il-​qaddejja taʼ Ġeħova ħasbu li kien l-​istess. Kien jidher li l-​Kristjani midlukin kienu qed jiġu msawrin fuq l-​art biex isiru ġebel, biex ngħidu hekk, fit-​tempju tas-​sema taʼ Ġeħova.—1 Pt. 2:5.

Iżda lejn l-​1971, membri tal-​klassi tal-​ilsir f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà bdew jifhmu li t-​tempju li semma Pawlu f’Efesin ma setax ikun it-​tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova. Kieku t-​“tinda vera” kienet magħmula minn Kristjani midlukin irxoxtati, kieku din bdiet teżisti wara li beda l-​irxoxt tagħhom matul “il-​preżenza tal-​Mulej.” (1 Tess. 4:15-​17) Iżda meta rrefera għat-​tabernaklu, Pawlu kiteb: “Din it-​tinda hi tixbiha għaż-​żmien stabbilit li hawn issa.”Ebr. 9:9.

Meta dawn l-​iskritturi, flimkien maʼ skritturi oħrajn, ġew studjati bir-​reqqa, deher ċar li t-​tempju spiritwali mhuwiex qiegħed jinbena u li l-​Kristjani midlukin mhumiex ġebel, biex ngħidu hekk, li qed jiġi msawwar fuq l-​art biex jiġi inkluż fit-​tempju. Minflok, il-​Kristjani midlukin qed jaqdu fil-​bitħa u fil-​Qaddis tat-​tempju spiritwali billi joffru “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Alla kuljum.—Ebr. 13:15.

[Stampa f’paġna 23]

Kif nistgħu nifhmu aħjar “l-​affarijiet profondi t’Alla”?