Naqqax f’Uliedek Imħabba għall-Qari u għall-Istudju
Naqqax f’Uliedek Imħabba għall-Qari u għall-Istudju
WIEĦED mill-iktar modi importanti kif tistaʼ ttejjeb il-futur taʼ wliedek hu billi tagħmel l-almu tiegħek biex tgħallimhom jaqraw u jistudjaw. Kemm jistgħu jġibu ferħ dawn l-attivitajiet! Xi wħud mill-iktar tifkiriet għeżież tat-tfulija li għandhom xi individwi huma taʼ meta l-ġenituri tagħhom kienu jaqrawlhom. Kemm il-qari u kemm ir-riżultati li dan iħalli jistgħu jkunu pjaċevoli. Dan hu minnu speċjalment fil-każ tal-qaddejja t’Alla, minħabba li meta wieħed jistudja l-Bibbja jiżviluppa relazzjoni ferm eqreb maʼ Ġeħova. Ġenitur Kristjan qal, “L-iktar affarijiet li ngħożżu huma konnessi mal-qari u mal-istudju.”
Drawwiet tajbin taʼ studju jistgħu jgħinu lil uliedek jiżviluppaw relazzjoni iktar mill-qrib m’Alla. (Salm 1:1-3, 6) Għalkemm m’hemmx għalfejn inkunu nafu naqraw sabiex niksbu s-salvazzjoni, il-Bibbja turi ċar li l-qari jistaʼ jġibilna barkiet kbar. Pereżempju, Rivelazzjoni 1:3 jgħid: “Hieni min jaqra b’leħen għoli u dawk li jisimgħu l-kliem taʼ din il-profezija.” Iktar minn hekk, il-valur tal-konċentrazzjoni, li huwa fattur importanti għall-istudju, hu implikat b’mod ċar fil-parir ispirat li Pawlu ta lil Timotju: “Immedita fuq dawn l-affarijiet; kun medhi fihom.” Għala? “Biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 Tim. 4:15.
M’għandniex xi ngħidu, li persuna sempliċement tkun taf taqra u tistudja, mhi ebda garanzija fiha nfisha li se tibbenefika minn dawn l-abbiltajiet. Ħafna li għandhom dawn l-abbiltajiet ma jużawhomx. Minflok, huma jimlew il-ħin tagħhom b’affarijiet inqas importanti. Għalhekk, il-ġenituri kif jistgħu jrawmu xenqa f’uliedhom għal għarfien li jiswielhom taʼ ġid?
L-Imħabba u l-Eżempju Tiegħek
Meta l-istudju jsir f’ambjent mimli mħabba, it-tfal se jieħdu gost. Owen u Claudia, koppja Kristjana li għandhom żewġt itfal jgħidu hekk dwar uliedhom: “Huma kienu jħarsu ’l quddiem għall-ħin tal-istudju għax dan kien ħin speċjali—kienu jħossuhom protetti u komdi. Huma bdew jassoċjaw il-ħin tal-istudju maʼ ambjent mimli mħabba.” Anki hekk kif it-tfal jgħaddu mill-adoloxxenza, li tistaʼ tkun mimlija sfidi, l-attivitajiet tal-istudju tal-familja li jsiru f’ambjent mimli mħabba jkomplu jeffettwaw il-mod kif iħossuhom dwar l-istudju. It-tfal taʼ Owen u Claudia issa qegħdin jaqdu bħala pijunieri u għadhom jibbenefikaw mill-imħabba għall-qari u għall-istudju li ġiet imnaqqxa fihom.
L-eżempju tassew jgħin lit-tfal iħobbu l-qari. Tfal li regolarment jaraw lill-ġenituri tagħhom jaqraw u jistudjaw x’aktarx li se jħarsu lejn dawn l-attivitajiet bħala xi ħaġa normali fil-ħajja tagħhom. Imma kif tistaʼ tkun taʼ eżempju tajjeb f’dan bħala ġenitur jekk int stess issibha diffiċli biex taqra? Dan jistaʼ jfisser li taġġusta l-prijoritajiet jew l-attitudni tiegħek lejn il-qari. (Rum. 2:21) Meta l-qari jkun parti importanti mir-rutina tiegħek taʼ kuljum, dan se jeffettwa lil uliedek bil-kbir. Jekk tkun ħabrieki—speċjalment fil-qari tal-Bibbja, fil-preparazzjonijiet għal-laqgħat, u fl-istudju tal-familja—tkun qed twassal messaġġ ċar dwar il-valur taʼ attivitajiet bħal dawn.
Għalhekk, l-imħabba u l-eżempju tiegħek huma fundamentali biex tnaqqax f’uliedek xenqa għall-qari. Imma liema passi prattiċi tistaʼ tieħu biex tinkuraġġihom?
Għin lil Uliedek Irawmu Mħabba għall-Qari
X’inhuma xi passi importanti li huma meħtieġa biex jirnexxilek tnaqqax imħabba għall-qari f’uliedek? Ara li l-kotba jkunu disponibbli għalihom sa minn ċkunithom. Anzjan Kristjan, li l-ġenituri tiegħu naqqxu fih imħabba għall-qari, jagħti dan is-suġġeriment: “Ħalli lil uliedek iżommu l-kotba f’idejhom u jużawhom. B’hekk, il-kotba jsiru bħal ħbieb għalihom u jsiru parti minn ħajjithom.” Kotba bbażati fuq il-Bibbja, bħall-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir u Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja, b’hekk isiru l-ħbieb taʼ ħafna tfal ferm qabel ma jitgħallmu jaqraw. Meta taqra pubblikazzjonijiet bħal dawn maʼ wliedek, tkun qed tesponihom mhux biss għall-lingwa imma wkoll għal “affarijiet spiritwali” u għal “kliem spiritwali.”—1 Kor. 2:13.
Aqra b’leħen għoli regolarment. Ħudha drawwa li taqra maʼ wliedek kuljum. B’hekk, tkun qed tgħallimhom jippronunzjaw il-kliem tajjeb u wkoll issaħħaħ id-drawwa tal-qari. Il-mod kif taqra hu importanti wkoll. Kun entużjast, u huma se jkunu entużjasti wkoll. Fil-fatt, għandek mnejn issib li t-tfal jitolbuk taqra l-istess storja għal darba wara l-oħra. Ikkuntentahom! Maż-żmien, ikunu jridu jesploraw suġġetti ġodda. Imma oqgħod attent li ma ġġegħelx lil uliedek jaqraw miegħek bilfors. Ġesù ħallielna eżempju billi għallem lis-semmiegħa tiegħu “sakemm setgħu jifhmu” biss. (Mk. 4:33) Jekk ma tisforzax lil uliedek, se jħarsu ’l quddiem għal kull sessjoni taʼ qari, u bil-mod il-mod tilħaq l-iskop tiegħek li tnaqqax fihom imħabba għall-qari.
Ħeġġeġ il-parteċipazzjoni, u ddiskuti dak li taqra. Int se ssib għaxqa f’uliedek ċkejknin għax ma ddumx ma tibda tarahom jitgħallmu jagħrfu, jippronunzjaw, u jifhmu t-tifsir taʼ ħafna kliem. Huma jagħmlu iktar progress meta tiddiskuti magħhom dak li taqra. Ktieb dwar kif tgħin lit-tfal isiru qarrejja tajbin jispjega li meta titħaddet mat-tfal se “jitgħallmu l-kliem li iktar tard ikollhom bżonn jagħrfu u jifhmu meta jaqraw.” L-istess ktieb jgħid, “Għat-tfal ċkejknin, li moħħhom ikun għadu qed jiżviluppa u jistinka biex jitgħallem jaqra, id-diskors hu essenzjali—iktar ma jkun sinifikanti . . . iktar aħjar.”
Qabbad lil uliedek jaqraw quddiemek, u ħeġġiġhom jagħmlu mistoqsijiet. Għandek mnejn tkun trid tagħmel mistoqsijiet int stess u tissuġġerixxi x’jistgħu jkunu t-tweġibiet. B’hekk, it-tfal jitgħallmu li l-kotba huma sors taʼ informazzjoni, u li hemm sinifikat wara l-kliem li jkunu qed jaqraw. Dan il-metodu hu taʼ għajnuna b’mod speċjali meta dak li taqra jkun ibbażat fuq il-Kelma t’Alla, l-iktar ktieb sinifikanti li jeżisti.—Ebr. 4:12.
Madankollu, ftakar li l-qari mhuwiex xi sengħa faċli. Sabiex taqra tajjeb għandek bżonn il-ħin u l-prattika. a Għalhekk, kun ċert li tinkuraġġixxi liċ-ċkejknin billi tfaħħarhom ferm talli qed isiru jħobbu iktar il-qari. It-tifħir iħeġġeġ lil uliedek jidraw jgħożżu l-qari.
Il-Qari—Ta’ Siwi u Pjaċevoli
Meta tgħallem lil uliedek kif jistudjaw, ikollhom skop għal xiex jaqraw. L-istudju jinvolvi li ssir taf il-fatti u tifhem kif kull wieħed minnhom jorbot mal-ieħor. Jeħtieġ li jkollok l-abbiltà li torganizza, tiftakar, u tuża l-informazzjoni. Meta t-tfal jitgħallmu kif jistudjaw, u jkunu jistgħu jifhmu l-valur prattiku tal-istudju, dan isir kemm taʼ siwi u kemm pjaċevoli.—Ekk. 10:10.
Introduċi l-punti essenzjali għall-istudju. Il-lejla tal-Qima tal-Familja, id-diskussjoni tal-iskrittura tal-jum, u attivitajiet bħal dawn,
jipprovdu opportunitajiet eċċellenti biex tgħallem lil uliedek jistudjaw bis-sengħa. Meta jpoġġu bilqiegħda bla ma jitħarrku u jiffokaw fuq suġġett partikulari għal ħinijiet qosra se jsiru jafu kif għandhom jikkonċentraw. Dan huwa essenzjali biex jitgħallmu. Iktar minn hekk, tistaʼ tinkuraġġixxi lil ibnek jgħidlek kif dak li jkun għadu kif tgħallem jorbot maʼ dak li jkun diġà jaf. Dan se jgħallmu jagħmel paraguni. Xi ngħidu jekk titlob lil bintek tagħmel sommarju fi kliemha taʼ dak li tkun qrat? Dan se jgħinha tifhem u tiftakar dak li tkun qrat. Meta tirrivedi, jiġifieri tirripeti l-punti prinċipali wara li tkun qrajt xi artiklu, tkun qed tgħallimhom mod utli ieħor kif jiftakru. Anki t-tfal ċkejknin jistgħu jiġu mgħallmin jieħdu noti qosra waqt is-sessjonijiet taʼ studju jew matul il-laqgħat tal-kongregazzjoni. X’benefiċċju jistaʼ jkun dan għall-konċentrazzjoni tagħhom! Dawn il-metodi sempliċi jgħinu l-proċess tat-tagħlim jibqaʼ interessanti u sinifikanti kemm għalik u kemm għal uliedek.Oħloq iċ-ċirkustanzi ideali għall-istudju. Sabiex il-konċentrazzjoni ssir iktar faċli, jeħtieġ li jkun hemm arja nadifa u dawl tajjeb, kif ukoll ambjent kwiet u komdu. M’għandniex xi ngħidu, l-attitudni tal-ġenituri lejn l-istudju hi kruċjali. Waħda omm qalet: “Huwa importanti ħafna li int tkun regulari u konsistenti meta tiġi biex twarrab il-ħin għall-qari u għall-istudju. Dan se jgħin lil uliedek ikunu organizzati. Se jitgħallmu x’hemm bżonn isir f’ħin partikulari.” Ħafna ġenituri sempliċement ma jippermettux li jsiru attivitajiet oħrajn fil-ħin tal-istudju. Skont individwu li għandu awtorità, dan il-metodu jeffettwa bil-kbir it-tagħlim li tagħti lit-tfal dwar drawwiet tajbin taʼ studju.
Enfasizza l-valur tal-istudju. Fl-aħħar nett, għin lil uliedek jaraw il-benefiċċji prattiċi li jġib miegħu l-istudju. Sabiex jiġi enfasizzat l-iskop veru tal-istudju, jeħtieġ jużaw l-informazzjoni li jkunu tgħallmu. Ħu żagħżugħ jammetti: “Jekk ma nara l-ebda valur prattiku f’dik il-ħaġa partikulari li nkun qed nistudja, insibha verament diffiċli biex nistudjaha. Imma jekk nistaʼ napplikaha personalment, inkun xewqan li nifhimha.” Meta ż-żgħażagħ iħarsu lejn l-istudju bħala mezz li bih jistgħu jilħqu mira importanti, huma jsiru medhijin fih. Jibdew iħarsu ’l quddiem għall-istudju daqskemm kienu jħarsu ’l quddiem għall-qari.
L-Aqwa Benefiċċju
Tant hemm benefiċċji pożittivi li jiġu milli tnaqqax imħabba għall-qari f’uliedek, li hu impossibbli ssemmihom kollha. Ftit mill-benefiċċji, biex ma nsemmux is-sempliċi sodisfazzjon li jiġi mill-qari u mill-istudju, huma s-suċċess fl-iskola, fix-xogħol, fir-relazzjonijiet m’oħrajn, f’li nitgħallmu dwar ġrajjiet dinjin u xi jfissru, u fir-rabtiet taʼ mħabba bejn il-ġenituri u l-ulied.
Fuq kollox, l-imħabba għall-istudju tistaʼ tgħin lil uliedek isiru qaddejja taʼ Ġeħova. L-imħabba għall-istudju hija s-sigriet biex tilħqilhom moħħhom u tmissilhom qalbhom ħalli jiksbu “l-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond” tal-verità Skritturali. (Efes. 3:18) Naturalment, il-ġenituri Kristjani għandhom ħafna affarijiet x’jgħallmu lil uliedhom. Hekk kif il-ġenituri jagħtu l-ħin u l-attenzjoni lil uliedhom, u jagħmlu dak kollu possibbli biex jagħtuhom bidu tajjeb f’ħajjithom, huma jittamaw li maż-żmien uliedhom jagħżlu li jsiru aduraturi taʼ Ġeħova. Meta tgħallem lil uliedek drawwiet tajbin taʼ studju, se jiġu megħjunin jibnu u jżommu relazzjoni m’Alla. Mela, fittex il-barka taʼ Ġeħova permezz tat-talb hekk kif tistinka biex tnaqqax f’uliedek l-imħabba għall-qari u għall-istudju.—Prov. 22:6.
[Nota taʼ taħt]
a Il-qari u l-istudju huma taʼ sfida speċjali għal dawk it-tfal bi problemi biex jitgħallmu. Dwar x’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex jgħinuhom, ara Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Frar, 1997, paġni 3-10.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 26]
Il-Qari . . .
• Ara li l-kotba jkunu disponibbli
• Aqra b’leħen għoli
• Ħeġġeġ il-parteċipazzjoni
• Iddiskuti dak li taqra
• Qabbad lil uliedek jaqraw quddiemek
• Ħeġġeġ lil uliedek jagħmlu mistoqsijiet
L-Istudju . . .
• Kun taʼ eżempju tajjeb bħala ġenitur
• Ħarreġ lil uliedek biex . . .
○ jikkonċentraw
○ jagħmlu paraguni
○ jagħmlu sommarju
○ jirrivedu
○ jieħdu n-noti
• Oħloq iċ-ċirkustanzi ideali għall-istudju
• Enfasizza l-valur tal-istudju