“Oqogħdu Attenti X’Tip taʼ Persuni Għandkom Tkunu!”
“Oqogħdu Attenti X’Tip taʼ Persuni Għandkom Tkunu!”
“Ladarba dawn kollha għad idubu b’dan il-mod, oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla!”—2 PT. 3:11.
1. It-tieni ittra taʼ Pietru għala kienet twissija f’waqtha għall-Kristjani fi żmienu?
META l-appostlu Pietru kiteb it-tieni ittra mnebbħa tiegħu, il-kongregazzjoni Kristjana kienet diġà ssaportiet ħafna persekuzzjoni, imma din ma naqqsitx iż-żelu tagħha jew waqqfitha milli tikber. Għalhekk, ix-Xitan uża tattika oħra, waħda li kienet irnexxiet ħafna drabi qabel. Kif irrivela Pietru, Satana pprova jikkorrompi lin-nies t’Alla permezz taʼ għalliema foloz li kellhom “għajnejhom mimlijin adulterju” u “qalbhom imħarrġa fir-regħba.” (2 Pt. 2:1-3, 14; Ġuda 4) Għaldaqstant, it-tieni ittra taʼ Pietru kienet twissija mill-qalb biex jibqgħu leali lejn Alla.
2. It-2 Pietru kapitlu 3 fuqiex jiffoka, u liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
2 Pietru kiteb: “Jien jidhirli li hu sewwa, sakemm inkun f’din it-tinda, li nqajjimkom billi nfakkarkom, għax naf li dalwaqt titneħħa t-tinda tiegħi . . . Għalhekk, nagħmel ukoll l-almu tiegħi issa biex, wara li nitlaq, tkunu dejjem tistgħu tfakkru lilkom infuskom dawn l-affarijiet.” (2 Pt. 1:13-15) Iva, Pietru kien jaf li kien qorob biex imut, imma xtaq li t-tfakkiriet tiegħu f’waqthom jibqgħu miftakrin. U, tabilħaqq, saru parti mill-Bibbja u jistgħu jinqraw minna lkoll illum. Kapitlu 3 tat-tieni ittra taʼ Pietru hu taʼ interess partikulari għalina, għax jiffoka fuq “l-aħħar jiem” tas-sistema preżenti u fuq il-qerda tas-smewwiet u l-art figurattiva. (2 Pt. 3:3, 7, 10) Pietru x’pariri għandu għalina? Il-fatt li napplikaw il-pariri tiegħu kif se jgħinna niksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova?
3, 4. (a) Pietru għamel liema esklamazzjoni, u liema twissija ta? (b) Liema tliet punti se nikkunsidraw?
3 Wara li semma t-tmiem tad-dinja taʼ Satana, Pietru qal: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla!” (2 Pt. 3:11, 12) Pietru kien jaf li dawk biss li jagħmlu r-rieda t’Alla u juru kwalitajiet li jogħġbu Lilu se jinżammu ħajjin matul “jum il-vendetta” li ġej. (Is. 61:2) B’hekk, l-appostlu żied jgħid: “Għalhekk, maħbubin, billi għandkom dan l-għarfien bil-quddiem, oqogħdu għassa li ma tmorrux tinġarru magħhom [mal-għalliema foloz] bl-iżball taʼ nies li jisfidaw il-liġi, u titilfu s-sodizza tagħkom.”—2 Pt. 3:17.
4 Peress li kien fost dawk li kellhom “għarfien bil-quddiem,” Pietru kien jaf li fl-aħħar jiem, il-Kristjani kien se jkollhom ikunu għassa b’mod partikulari sabiex iżommu l-integrità tagħhom. Iktar tard, l-appostlu Ġwanni spjega b’mod ċar għala. Hu ra bil-quddiem it-tkeċċija taʼ Satana mis-sema u r-“rabja kbira” tiegħu kontra dawk “li josservaw il-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Riv. 12:9, 12, 17) Il-qaddejja midlukin leali t’Alla flimkien maʼ sħabhom leali n-“nagħaġ oħrajn” se joħorġu rebbiħin. (Ġw. 10:16) Imma xi ngħidu għalina individwalment? Se nżommu l-integrità tagħna? Se niġu megħjunin biex nagħmlu dan jekk nistinkaw biex (1) nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla, (2) nibqgħu bla tebgħa u bla difett moralment u spiritwalment, u (3) ikollna l-ħarsa xierqa lejn il-provi. Ejja nikkunsidraw dawn il-punti.
Ikkultiva Kwalitajiet li Jogħġbu lil Alla
5, 6. Liema kwalitajiet għandna nistinkaw biex nikkultivaw, u dan għala jirrikjedi “sforz ħerqan”?
5 Fil-bidu tat-tieni ittra tiegħu, Pietru kiteb: “Aġixxu billi tagħmlu kull sforz ħerqan, u mal-fidi tagħkom żidu l-virtù, mal-virtù l-għarfien, maʼ l-għarfien ir-rażna, mar-rażna s-sabar, mas-sabar id-devozzjoni lejn Alla, mad-devozzjoni lejn Alla l-affezzjoni lejn l-aħwa, maʼ l-affezzjoni lejn l-aħwa l-imħabba. Għax jekk dawn l-affarijiet jeżistu u joktru fikom, ma jħallukomx tkunu inattivi jew bla frott rigward l-għarfien eżatt dwar il-Mulej tagħna Ġesù Kristu.”—2 Pt. 1:5-8.
6 Huwa minnu li jirrikjedi “sforz ħerqan” biex nieħdu sehem f’attivitajiet li jgħinuna nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. Pereżempju, jirrikjedi sforz biex nattendu l-laqgħat Kristjani kollha, biex naqraw il-Bibbja kuljum, u biex inżommu programm tajjeb taʼ studju persunali. U jistaʼ jirrikjedi xogħol iebes flimkien maʼ ppjanar tajjeb biex ikollna lejla tal-Qima tal-Familja regulari, pjaċevoli, u siewja. Imma ladarba nidħlu f’rutina tajba, drawwiet siewja jsiru eħfef—speċjalment meta nduqu l-benefiċċji.
7, 8. (a) Xi wħud x’qalu dwar il-lejla tal-Qima tal-Familja? (b) Kif qed tibbenefika int mill-qima tal-familja tiegħek?
7 Rigward il-Qima tal-Familja, waħda oħt tikteb: “Tgħinna nitgħallmu dwar ħafna suġġetti differenti.” Oħra tgħid: “Biex inkun onesta, ma xtaqtux jispiċċa l-istudju tal-ktieb, għax kien il-laqgħa favorita tiegħi. Imma issa, peress li għandna l-lejla tal-Qima tal-Familja tagħna, nirrealizza li Ġeħova jaf x’għandna bżonn u meta għandna bżonnu.” Kap taʼ familja jgħid: “Il-qima tal-familja tgħinna ħafna. Li jkollna laqgħa adattata għall-bżonnijiet speċifiċi tagħna bħala koppja huwa utli ferm! It-tnejn li aħna nħossu li qed nitjiebu f’li nuru l-frott tal-ispirtu qaddis, u qed insibu iktar ferħ minn qatt qabel fil-ministeru tagħna.” Kap ieħor taʼ familja jgħid: “It-tfal qed jagħmlu r-riċerka tagħhom stess u qed jitgħallmu ħafna—u qed jieħdu gost. L-arranġament jagħmilna iktar fiduċjużi li Ġeħova jaf it-tħassib tagħna u jwieġeb it-talb tagħna.” Jirriflettu dawn is-sentimenti l-ħarsa tiegħek lejn dan il-provvediment spiritwali meraviljuż?
8 Tħallix affarijiet żgħar itellfu l-qima tal-familja. Koppja miżżewġa qalu, “Kull Ħamis filgħaxija għall-aħħar erbaʼ ġimgħat, ġrat xi ħaġa fil-familja tagħna li kważi waqqfitna milli nagħmlu l-istudju tagħna, imma ma ħallejnihiex ittellifna.” M’għandniex xi ngħidu, kultant forsi jkollok bżonn taġġusta l-iskeda tiegħek. Xorta waħda, kun determinat li ma tikkanċellax il-lejla tal-Qima tal-Familja tiegħek—lanqas biss għal ġimgħa waħda!
9. Ġeħova kif sostnieh lil Ġeremija, u x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tiegħu?
9 Il-profeta Ġeremija huwa eżempju tajjeb għalina. Hu kellu bżonn is-sosteniment spiritwali li rċieva mingħand Ġeħova u apprezzah b’mod profond. Dan is-sosteniment għenu jipprietka bis-sabar lil nies indifferenti. “Il-kelma taʼ Ġeħova . . . saret bħal nar jaqbad magħluq f’għadmi,” qal hu. (Ġer. 20:8, 9) Għenu wkoll jissaporti ż-żminijiet diffiċli li laħqu l-quċċata tagħhom bil-qerda taʼ Ġerusalemm. Illum, aħna għandna l-Kelma t’Alla sħiħa bil-miktub. Meta nistudjawha b’mod diliġenti u nagħmlu l-ħsibijiet t’Alla l-ħsibijiet tagħna, aħna, bħal Ġeremija, se nkunu nistgħu nissaportu bil-ferħ fil-ministeru, nibqgħu leali waqt il-provi, u nibqgħu nodfa moralment u spiritwalment.—Ġak. 5:10.
Ibqaʼ “bla Tebgħa u bla Difett”
10, 11. Għala għandna nagħmlu l-almu tagħna biex nibqgħu “bla tebgħa u bla difett,” u dan x’jirrikjedi minna?
10 Bħala Kristjani, aħna nafu li qed ngħixu fiż-żmien tat-tmiem. Għalhekk, m’aħniex sorpriżi li d-dinja saret ossessjonata bl-affarijiet li jobgħod Ġeħova, bħar-regħba, l-immoralità sesswali, u l-vjolenza. L-istrateġija taʼ Satana tistaʼ tinġabar f’dan il-kliem: ‘Jekk il-qaddejja t’Alla ma jistgħux jiġu mbeżżgħin, forsi jistgħu jiġu korrotti.’ (Riv. 2:13, 14) B’hekk, irridu nniżżlu f’qalbna t-twissija kollha mħabba taʼ Pietru: “Agħmlu l-almu tagħkom biex fl-aħħar [Alla] jsibkom bla tebgħa u bla difett u fil-paċi.”—2 Pt. 3:14.
11 L-espressjoni “agħmlu l-almu tagħkom” hija simili għat-twissija li Pietru qal qabel biex nagħmlu “kull sforz ħerqan.” B’mod ċar, Ġeħova—dak li nebbaħ lil Pietru biex jesprimi dawn is-sentimenti—jaf li għandna bżonn neżerċitaw ruħna biex nibqgħu “bla tebgħa u bla difett,” mhux imniġġsin bil-ħmieġ tad-dinja taʼ Satana. Li neżerċitaw lilna nfusna jinkludi li nipproteġu qalbna milli tinħakem minn xewqat ħżiena. (Aqra Proverbji 4:23; Ġakbu 1:14, 15.) Jinkludi wkoll li nieħdu waqfa soda kontra dawk li huma mħawdin dwar il-ħajja Kristjana tagħna u li ‘jibdew jgħajruna.’—1 Pt. 4:4.
12. Liema assiguranza nsibu f’Luqa 11:13?
12 Minħabba l-imperfezzjoni tagħna, irridu nissieltu biex nagħmlu s-sewwa. (Rum. 7:21-25) Nistgħu nittamaw li nirnexxu biss jekk induru lejn Ġeħova, li b’mod ġeneruż jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh bis-sinċerità. (Lq. 11:13) Dan l-ispirtu, min-naħa tiegħu, jiżviluppa fina kwalitajiet li jistħoqqilhom l-approvazzjoni t’Alla u li jgħinuna nkampaw mhux biss mat-tentazzjonijiet tal-ħajja imma wkoll mal-provi li ġġib magħha, li jistaʼ jagħti l-każ li jiżdiedu hekk kif joqrob il-jum taʼ Ġeħova.
Ħalli l-Provi Jsaħħuk
13. Meta nesperjenzaw il-provi f’ħajjitna, x’se jgħinna nistabru?
13 Waqt li qegħdin f’din is-sistema qadima, dejjem se nesperjenzaw diversi provi. Imma minflok ma taqtaʼ qalbek, għala ma tqisx il-provi bħala opportunità biex tikkonferma mħabbtek għal Alla u biex issaħħaħ il-fidi tiegħek fih u fil-Kelma tiegħu? Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Qisuh bħala ferħ mill-akbar, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi, għax bħalma tafu, meta l-fidi tagħkom tgħaddi mill-provi tipproduċi s-sabar.” (Ġak. 1:2-4) Ftakar ukoll li “Ġeħova jaf kif jeħles mill-provi lil dawk li huma devoti lejh.”—2 Pt. 2:9.
14. L-eżempju taʼ Ġużeppi lilek kif jinkuraġġik?
14 Ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġużeppi, bin Ġakobb, li ġie mibjugħ fil-jasar minn ħutu stess. (Ġen. 37:23-28; 42:21) Tilef il-fidi tiegħu Ġużeppi minħabba dan l-att taʼ krudeltà? Imtela bl-imrar għal Alla talli ħallieh iġarrab dan il-ħażen? Il-Kelma t’Alla b’mod ċar twieġeb le! Iktar minn hekk, il-provi taʼ Ġużeppi ma spiċċawx hemm. Iktar tard, ġie akkużat b’mod falz b’attentat taʼ stupru u ġie mitfugħ il-ħabs. Però, għal darb’oħra baqaʼ sod fid-devozzjoni tiegħu lejn Alla. (Ġen. 39:9-21) Ukoll, ħalla l-provi jsaħħuh, u għal dan ġie premjat bil-kbir.
15. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Nagħomi?
15 Huwa minnu li nistgħu nħossuna mdejqin jew dipressi minħabba l-provi. Forsi Ġużeppi hekk ħassu kultant. Qaddejja leali oħrajn t’Alla ċertament li hekk ħassewhom. Ikkunsidra lil Nagħomi, li tilfet kemm lil żewġha kif ukoll liż-żewġ uliedha subien. “Issejħulix Nagħomi,” qalet hi. “Sejħuli Mâra [ifisser “Morra”], għax Dak li Jistaʼ Kollox sqieni ħafna mrar.” (Rut 1:20, 21, ntt.) Ir-reazzjoni taʼ Nagħomi kienet naturali u taʼ min jifhimha. Però, bħal Ġużeppi, hi la tfixklet spiritwalment u lanqas ċediet fl-integrità tagħha. Ġeħova, min-naħa tiegħu, ippremja lil din il-mara għażiża. (Rut 4:13-17, 22) Iżjed minn hekk, fil-Ġenna tal-art li ġejja, se jneħħi l-ħsara kollha li kkaġunaw Satana u d-dinja mill-agħar tiegħu. “L-affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-qalb.”—Is. 65:17.
16. X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn it-talb, u għala?
16 Minkejja l-provi li nistgħu nesperjenzaw, l-imħabba t’Alla qiegħda hemm biex issostnina. (Aqra Rumani 8:35-39.) Għalkemm Satana mhux se jieqaf jipprova jiskuraġġina, mhux se jirnexxilu jekk nibqgħu ‘moħħna f’loku’ u ‘noqogħdu attenti u ma nittraskurawx it-talb.’ (1 Pt. 4:7) Ġesù qal: “Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Lq. 21:36) Innota li Ġesù ma qalx sempliċement itolbu, imma “itolbu bil-ħerqa.” Billi wissiena biex nitolbu bil-ħerqa, Ġesù enfasizza li dan hu ż-żmien li nieħdu bis-serjetà l-waqfa tagħna quddiemu u quddiem Missieru. Dawk biss li għandhom waqfa approvata se jkollhom il-prospett li jgħaddu ħajjin minn jum Ġeħova.
Ibqaʼ Attiv fis-Servizz taʼ Ġeħova
17. Jekk it-territorju li tipprietka fih hu taʼ sfida, kif tistaʼ tibbenefika mill-eżempju tajjeb tal-profeti tal-qedem?
17 Inħossu s-serħan meta nieħdu sehem f’attivitajiet spiritwali. Dan ifakkarna fil-kliem taʼ Pietru: “Oqogħdu attenti x’tip taʼ persuni għandkom tkunu f’dawk li huma atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla!” (2 Pt. 3:11) L-iktar importanti fost dawn l-għemejjel hu x-xandir tal-aħbar tajba. (Mt. 24:14) Veru, f’xi territorji x-xogħol tal-ippritkar jistaʼ jkun taʼ sfida, forsi minħabba l-apatija jew l-oppożizzjoni jew sempliċement għax in-nies huma preokkupati bl-affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum. Il-qaddejja taʼ Ġeħova tal-qedem kellhom jissieltu m’attitudnijiet simili. Però, qatt ma qatgħu qalbhom, imma baqgħu jmorru lura “darba wara l-oħra” bil-messaġġ tagħhom li tahom Alla. (Aqra t-2 Kronaki 36:15, 16; Ġer. 7:24-26) X’għenhom jissaportu? Qiesu l-inkarigu tagħhom mill-ħarsa taʼ Ġeħova, mhux mill-ħarsa tad-dinja. Ukoll, ikkunsidrawh l-akbar unur li jġorru l-isem t’Alla.—Ġer. 15:16.
18. Ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna se jkollu liema effett fuq it-tkabbir taʼ isem Alla fil-futur?
18 Aħna wkoll għandna l-privileġġ li nħabbru l-isem u l-iskop taʼ Ġeħova. Aħseb dwar dan: Bħala riżultat dirett tax-xogħol tal-ippritkar tagħna, l-għedewwa t’Alla mhux se jkunu jistgħu jgħidu li ma jafux meta jiġu wiċċ imb wiċċ miegħu matul il-jum il-kbir tiegħu. Tabilħaqq, bħall-Fargħun tal-qedem, se jkunu jafu li hu Ġeħova li qed jaġixxi kontrihom. (Eżo. 8:1, 20; 14:25) Fl-istess ħin, Ġeħova se jonora lill-qaddejja leali tiegħu billi jagħmilha ċara daqs il-kristall li kienu, tabilħaqq, ir-rappreżentanti tiegħu.—Aqra Eżekjel 2:5; 33:33.
19. Kif nistgħu nuru li nixtiequ nagħmlu użu tajjeb mill-paċenzja taʼ Ġeħova?
19 Lejn it-tmiem tat-tieni ittra tiegħu, Pietru kiteb lil sħabu fit-twemmin: “Il-paċenzja tal-Mulej tagħna qisuha bħala salvazzjoni.” (2 Pt. 3:15) Iva, ejja nkomplu nagħmlu użu tajjeb mill-paċenzja taʼ Ġeħova. Kif? Billi niżviluppaw kwalitajiet li jogħġbuh, billi nibqgħu “bla tebgħa u bla difett,” billi jkollna l-attitudni xierqa lejn il-provi, u billi nibqgħu beżlin fis-servizz tas-Saltna. Jekk nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nirċievu barkiet bla tmiem assoċjati mas-‘smewwiet ġodda u l-art ġdida.’—2 Pt. 3:13.
Tiftakar Int?
• Kif nistgħu nikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla?
• Kif nistgħu nibqgħu “bla tebgħa u bla difett”?
• X’nistgħu nitgħallmu minn Ġużeppi u Nagħomi?
• Għala hu privileġġ kbir li nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
X’se jgħin lilkom l-irġiel miżżewġin biex tikkultivaw kwalitajiet li jogħġbu lil Alla fikom u fil-familja tagħkom?
[Stampi f’paġna 10]
X’nistgħu nitgħallmu minn kif Ġużeppi ttratta mal-provi?