Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Tħarislek Ilsienek

Ħalli “l-Liġi tal-Qalb Tajba bl-Imħabba” Tħarislek Ilsienek

Ħalli “l-​Liġi tal-​Qalb Tajba bl-​Imħabba” Tħarislek Ilsienek

“Fetħet fommha bl-​għerf, u l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba tinsab fuq ilsienha.”—PROV. 31:26.

1, 2. (a) L-​aduraturi taʼ Ġeħova huma inkuraġġiti biex jikkultivaw liema kwalità? (b) X’se jiġi diskuss f’dan l-​artiklu?

 IL-​MESSAĠĠ qawwi li s-​Sultan Lemwel taʼ żmien il-​qedem irċieva mingħand ommu inkluda kwalifika importanti taʼ mara tajba. “Fetħet fommha bl-​għerf,” ġie informat, “u l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba tinsab fuq ilsienha.” (Prov. 31:1, 10, 26) Il-​qalb tajba bl-​imħabba hi taʼ min jixtieqha fuq ilsien mara għarfa kif ukoll fuq dawk kollha li jridu jogħġbu lil Alla Ġeħova. (Aqra Proverbji 19:22.) Il-​qalb tajba bl-​imħabba għandha tkun evidenti fil-​kliem tal-​aduraturi veri kollha.

2 X’inhi l-​qalb tajba bl-​imħabba? Lil min għandna nuruha? X’se jgħinna npoġġu “l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba” fuq ilsienna? Il-​fatt li nagħmlu dan kif se jeffettwa l-​komunikazzjoni tagħna mal-​membri tal-​familja u maʼ sħabna l-​Kristjani?

Meta l-​Qalb Tajba Hi Motivata Minn Imħabba Leali

3, 4. (a) X’inhi l-​qalb tajba bl-​imħabba? (b) Il-​qalb tajba bl-​imħabba kif inhi differenti mill-​qalb tajba ġenerali, jew il-​qalb tajba umana?

3 Bħalma l-​espressjoni nfisha tissuġġerixxi, il-​qalb tajba bl-​imħabba tinkludi l-​karatteristiki tal-​imħabba u l-​qalb tajba. Din tinvolvi l-​qalb tajba, jiġifieri, li tieħu interess persunali f’oħrajn u li turi dak l-​interess b’għemejjel t’għajnuna u bi kliem meqjus. Ladarba l-​imħabba wkoll hija fattur, li turi l-​qalb tajba bl-​imħabba jirrikjedi li turi interess fil-​benesseri t’oħrajn sforz l-​imħabba li għandek għalihom. Madankollu, il-​kelma bil-​lingwa oriġinali għall-​qalb tajba bl-​imħabba tfisser iktar minn qalb tajba li ġejja mill-​imħabba. Il-​qalb tajba bl-​imħabba hi l-​qalb tajba li minn jeddha u b’lealtà tintrabat maʼ xi ħadd sakemm l-​iskop rigward dik il-​persuna jintlaħaq.

4 Il-​qalb tajba bl-​imħabba hi differenti mill-​qalb tajba saħansitra b’mod ieħor. Il-​qalb tajba ġenerali, jew il-​qalb tajba umana, tistaʼ tintwera anki lejn xi ħadd li ma tafux. L-​appostlu Pawlu u 275 persuna oħra li kienu miegħu fin-​nawfraġju ntwerew dan it-​tip taʼ qalb tajba mill-​abitanti tal-​gżira taʼ Malta—nies li qatt ma kienu ltaqgħu magħhom. (Atti 27:37–28:2) Mill-​banda l-​oħra, il-​qalb tajba bl-​imħabba għandha x’taqsam mar-​rabta leali bejn individwi li jkunu diġà żviluppaw relazzjoni bejniethom. a Din kienet dak li wrew il-​Kenin “ma’ l-​ulied kollha taʼ Israel meta kienu telgħin mill-​Eġittu.”—1 Sam. 15:6.

Il-​Meditazzjoni u t-​Talb Huma Essenzjali

5. X’se jgħinna lliġġmu lsienna?

5 Jistaʼ jkun diffiċli li nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba fi kliemna. Billi rrefera għall-​ilsien, id-​dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ħadd mill-​bnedmin ma jistaʼ jimmansah. Dan jagħmel ħafna ħsara, ma jitrażżanx, u mimli velenu li jġib il-​mewt.” (Ġak. 3:8) X’jistaʼ jgħinna lliġġmu dan il-​membru taʼ ġisimna li hu tant diffiċli biex nikkontrollawh? Il-​kliem taʼ Ġesù lill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu jgħinna nifhmu iktar. Hu qal: “Mill-​abbundanza tal-​qalb jitkellem il-​fomm.” (Mt. 12:34) Sabiex il-​qalb tajba bl-​imħabba tħarsilna lsienna, irridu nnaqqxu din il-​kwalità f’qalbna—il-​persuna ġewwinija tagħna. Ejja naraw kif il-​meditazzjoni u t-​talb jgħinuna nagħmlu preċiż dan.

6. Għala għandna nimmeditaw b’apprezzament dwar l-​għemejjel taʼ qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova?

6 Alla Ġeħova hu “għani fil-​qalb tajba bl-​imħabba,” tgħid il-​Bibbja. (Eżo. 34:6) “Il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, O Ġeħova,” kanta s-​salmista, “imliet l-​art.” (Salm 119:64) L-​Iskrittura fiha diversi rakkonti dwar kif Ġeħova wera l-​qalb tajba bl-​imħabba mal-​aduraturi tiegħu. Il-​fatt li nieħdu l-​ħin biex nimmeditaw b’apprezzament dwar ‘l-​għemejjel taʼ Ġeħova’ jistaʼ jnaqqax fina x-​xewqa biex nikkultivaw din il-​kwalità divina.—Aqra Salm 77:12.

7, 8. (a) Liema għemil taʼ qalb tajba bl-​imħabba wettaq Ġeħova għal Lot u familtu? (b) David kif ħassu dwar il-​fatt li ntwera l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla?

7 Pereżempju, aħseb dwar kif Ġeħova ħeles lin-​neputi t’Abraham, Lot, u lil familtu meta Hu qered lil Sodoma, il-​belt fejn kienu jgħixu. Hekk kif dak iż-​żmien qorob, l-​anġli li kienu marru għand Lot ħeġġewh biex jieħu lil familtu u biex jitlaq mill-​belt malajr. “Meta baqaʼ jitnikker,” tgħid il-​Bibbja, “[l-​anġli] qabduh minn idu, lilu, lil martu u liż-​żewġt ibniet tiegħu, minħabba l-​mogħdrija taʼ Ġeħova għalih, u ħarġuh u ħallewh barra l-​belt.” Ma jmissilniex qalbna meta nirriflettu fuq dan l-​att taʼ salvazzjoni, u ma nitqanqlux biex nirrikonoxxu li kienet espressjoni tal-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla?—Ġen. 19:16, 19.

8 Ikkunsidra wkoll l-​eżempju tas-​Sultan David t’Israel tal-​qedem li kanta: “[Ġeħova] qed jaħfirlek l-​iżbalji kollha, [hu] qed ifejqek mill-​mard kollu tiegħek.” Min jaf kemm David apprezza l-​fatt li ntwera l-​maħfra għad-​dnub tiegħu maʼ Bat-​seba! Hu faħħar lil Ġeħova bil-​kbir, billi qal: “Bħalma s-​smewwiet huma ogħla mill-​art, hekk hi superjuri l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu maʼ dawk li jibżgħu minnu.” (Salm 103:3, 11) Il-​meditazzjoni fuq dawn u rakkonti Skritturali oħrajn timlielna qalbna bi gratitudni għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova, u b’hekk nitqanqlu biex infaħħruh u nirringrazzjawh. Iktar ma nkunu grati f’qalbna, iktar inkunu inklinati biex nimitaw l-​Alla l-​veru.—Efes. 5:1.

9. Liema raġuni qawwija hemm biex l-​aduraturi taʼ Ġeħova juru l-​qalb tajba bl-​imħabba fil-​ħajja tagħhom taʼ kuljum?

9 Eżempji Skritturali juru li Ġeħova juri l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu—l-​imħabba leali tiegħu—lejn dawk li diġà għandhom relazzjoni approvata miegħu. Xi ngħidu għal dawk li m’għandhomx rabta bħal din mal-​Alla l-​ħaj? Hu Ġeħova aħrax jew kattiv magħhom? Lanqas xejn. “[Alla] hu qalbu tajba maʼ l-​ingrati u l-​ħżiena,” jgħid Luqa 6:35. “Hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:45) Qabel ma tgħallimna l-​verità u aġixxejna fuqha, aħna rċivejna l-​qalb tajba, jew il-​qalb tajba ġenerali, t’Alla. Madankollu, bħala l-​aduraturi tiegħu, aħna bdejna nirċievu l-​imħabba leali tiegħu—il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu li ma titħarrikx. (Aqra Isaija 54:10.) Kemm nistgħu nkunu grati għal dan! U x’raġuni qawwija hi din biex nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba fi kliemna kif ukoll f’aspetti oħrajn tal-​ħajja tagħna taʼ kuljum!

10. It-​talb għala hu għajnuna imprezzabbli biex il-​qalb tajba bl-​imħabba nagħmluha parti mill-​personalità tagħna?

10 Għajnuna imprezzabbli biex nikkultivaw il-​qalb tajba bl-​imħabba hi l-​privileġġ tat-​talb. Dan hu għaliex l-​imħabba u l-​qalb tajba—elementi tal-​qalb tajba bl-​imħabba—huma aspetti tal-​frott tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. (Gal. 5:22) Nistgħu nnaqqxu l-​qalb tajba bl-​imħabba f’qalbna billi nħallu lilna nfusna niġu gwidati minn dan l-​ispirtu. L-​iktar mod dirett kif nirċievu l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova hu billi nitolbu għalih. (Lq. 11:13) Huwa xieraq li aħna nitolbu ripetutament għall-​ispirtu t’Alla u naċċettaw il-​gwida tiegħu. Iva, il-​meditazzjoni u t-​talb huma essenzjali jekk irridu l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba fuq ilsienna.

Fuq l-​Ilsien tal-​Imseħbin fiż-​Żwieġ

11. (a) Kif nafu li Ġeħova jistenna li l-​irġiel juru l-​qalb tajba bl-​imħabba lejn marthom? (b) Il-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba b’liema mod tgħin lil raġel iħares lil ilsienu?

11 L-​appostlu Pawlu jħeġġeġ lill-​irġiel miżżewġin: “Komplu ħobbu lin-​nisa tagħkom, bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha.” (Efes. 5:25) Pawlu fakkarhom ukoll dwar dak li Ġeħova qal lil Adam u Eva. L-​appostlu jikteb: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn isiru ġisem wieħed.” (Efes. 5:31) B’mod ċar, Ġeħova jistenna li l-​irġiel jibqgħu magħqudin lealment maʼ marthom, billi dejjem juruhom qalb tajba bl-​imħabba. Raġel li lsienu hu gwidat minn imħabba leali ma jikxifx in-​nuqqasijiet taʼ martu fil-​pubbliku jew jitkellem b’tali mod li jċekkinha. Hu ferħan li jfaħħarha. (Prov. 31:28) Jekk għal xi raġuni jew oħra jqumu l-​problemi fir-​relazzjoni, il-​qalb tajba bl-​imħabba tqanqal lir-​raġel biex jevita li jumilja lil martu bil-​mod kif jitkellem dwarha.

12. Il-​kliem taʼ mara kif jistaʼ juri li l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba tiggwida lil ilsienha?

12 Il-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba għandha wkoll tiggwida lsien il-​mara. Kliemha m’għandux ikun influwenzat mill-​ispirtu tad-​dinja. Minħabba li għandha “rispett profond lejn żewġha,” titkellem tajjeb dwaru fil-​pubbliku u żżid ir-​rispett li oħrajn għandhom mnejn diġà jkollhom għalih. (Efes. 5:33) Minħabba li ma tkunx trid tnaqqas ir-​rispett li t-​tfal għandhom għal missierhom, hi żżomm lura milli ma taqbilx miegħu jew milli tiddubita l-​opinjoni tiegħu quddiemhom. Hi tirranġa kwistjonijiet bħal dawn fil-​privat. “Il-​mara tassew għarfa bniet darha,” tgħid il-​Bibbja. (Prov. 14:1) Darha hi post pjaċevoli u komdu għall-​familja kollha kemm hi.

13. Il-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba fejn għandha taħkem b’mod partikulari, u kif tistaʼ tagħmel dan?

13 Anki fil-​privatezza taʼ darhom, l-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom ikomplu jużaw ilsienhom b’mod li juri li għandhom rispett lejn xulxin. “Qisu li twarrbuhom kollha,” kiteb Pawlu, “il-​korla, ir-​rabja, il-​ħażen, it-​tgħajjir, u l-​kliem oxxen minn fommkom.” Hu żied: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. . . . Ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:8, 12-​14) Meta t-​tfal ikunu mdorrijin jisimgħu kliem kollu mħabba u ħlewwa fid-​dar, mhux biss se jiffjorixxu imma wkoll x’aktarx li iktar se jimitaw il-​mod kif jitkellmu l-​ġenituri tagħhom.

14. Il-​kapijiet tal-​familja b’liema mod jistgħu jużaw ilsienhom biex ifarrġu lil dawk fil-​ħarsien tagħhom?

14 Is-​salmista kiteb dwar Ġeħova: “Ħa tfarraġni l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek, jekk jogħġbok.” (Salm 119:76) Mod li jispikka li bih Ġeħova jfarraġ lill-​poplu tiegħu hu billi jagħtihom twissijiet u gwida. (Salm 119:105) Il-​kapijiet tal-​familja kif jistgħu jibbenefikaw mill-​eżempju taʼ Missierna tas-​sema u jużaw ilsienhom biex ifarrġu lil dawk fil-​ħarsien tagħhom? Jistgħu jagħmlu dan billi jipprovdu d-​direzzjoni u l-​inkuraġġiment meħtiġin. X’opportunità mill-​aħjar tagħti l-​lejla tal-​Qima tal-​Familja biex niskopru teżori spiritwali!—Prov. 24:4.

Uri Mħabba Leali Lejn Sħabek fit-​Twemmin

15. L-​anzjani Kristjani u oħrajn maturi spiritwalment kif jistgħu jużaw ilsienhom biex iħarsu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni?

15 “Ħa jħarsuni l-​ħin kollu l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħek u l-​verità tiegħek,” talab is-​Sultan David. (Salm 40:11) L-​anzjani Kristjani u oħrajn maturi spiritwalment fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jimitaw lil Ġeħova f’dan ir-​rigward? Jekk nużaw ilsienna biex nidderieġu l-​attenzjoni lejn informazzjoni Skritturali ċertament ikun att taʼ qalb tajba bl-​imħabba.—Prov. 17:17.

16, 17. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru li kliemna hu gwidat mil-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba?

16 X’għandna nagħmlu jekk naraw lil xi Kristjan sejjer lejn direzzjoni li tmur kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja? Ma tqanqalniex il-​qalb tajba bl-​imħabba biex nużaw ilsienna ħalli nipprovaw nikkoreġuh? (Salm 141:5) Jekk insiru nafu b’xi dnub serju li kkommetta xi sieħeb fit-​twemmin, l-​imħabba leali tqanqalna biex ninkuraġġixxu lil dak li għamel il-​ħażen biex “isejjaħ għandu lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni” sabiex ikunu jistgħu “jitolbu għalih, jidilkuh biż-​żejt f’isem Ġeħova.” (Ġak. 5:14) Jekk dak li jkun għamel il-​ħażen ma jkellimx lill-​anzjani, il-​fatt li aħna ma nirrapportawx il-​kwistjoni la hu taʼ mħabba u lanqas taʼ qalb tajba. Xi wħud fostna forsi jħossuhom skuraġġiti, waħedhom, mifnijin b’sentimenti taʼ li ma jiswew għalxejn, jew maħkumin minn diżappunti. Mod mill-​aħjar kif nuru li l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba hi fuq ilsienna hu billi ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’—1 Tess. 5:14.

17 Kif għandna nirreaġixxu meta l-​għedewwa t’Alla jaqilgħu xnigħat dwar sħabna fit-​twemmin? Minflok ma niddubitaw l-​integrità taʼ ħutna, għandna nwarrbu kliem bħal dan mingħajr ma ngħidu xejn jew jekk l-​akkużatur hu raġunevoli nistgħu nistaqsuh jekk hux verament ċert li hemm bażi għar-​rimarki tiegħu. Jekk xi għedewwa tal-​poplu t’Alla jkunu jridu jkunu jafu fejn jinsabu ħutna l-​Kristjani sabiex jagħmlulhom il-​ħsara, l-​imħabba leali għal ħutna tqanqalna biex ma nagħtuhomx l-​informazzjoni.—Prov. 18:24.

Il-​Bniedem tal-​“Qalb Tajba bl-​Imħabba Se Jsib il-​Ħajja”

18, 19. Il-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba għala m’għandhiex titbiegħed minn ilsienna meta nittrattaw mal-​aduraturi sħabna?

18 L-​imħabba leali għandha tidher kull meta nittrattaw maʼ sħabna l-​aduraturi taʼ Ġeħova. Anki f’ċirkustanzi diffiċli, il-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba m’għandhiex titbiegħed minn ilsienna. Meta l-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ wlied Israel saret “bħan-​nida li tgħib kmieni,” Ġeħova ma ħax pjaċir. (Ħos. 6:4, 6) Mill-​banda l-​oħra, Ġeħova jieħu gost jekk għandna d-​drawwa li nuru l-​qalb tajba bl-​imħabba regolarment. Ikkunsidra kif ibierek lil dawk li jfittxu li juruha.

19 Proverbji 21:21 jgħid: “Min qed jiġri wara s-​sewwa u l-​qalb tajba bl-​imħabba se jsib il-​ħajja, is-​sewwa u l-​glorja.” Waħda mill-​barkiet li individwu bħal dan se jesperjenza hi li se jsib il-​ħajja—mhux eżistenza qasira imma ħajja mingħajr tmiem. Ġeħova jgħinu biex ‘jaqbad qabda soda mal-​ħajja vera.’ (1 Tim. 6:12, 19) Għalhekk, ejja nagħmlu l-​almu tagħna biex ‘nipprattikaw il-​qalb tajba bl-​imħabba maʼ xulxin.’—Żak. 7:9.

[Nota taʼ taħt]

a Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar kif il-​qalb tajba bl-​imħabba hi differenti mil-​lealtà, l-​imħabba, u l-​qalb tajba, ara l-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2002, paġni 12-​13, 18-​19.

Tistaʼ Tispjega?

• Kif tiddeskrivi l-​qalb tajba bl-​imħabba?

• X’se jgħinna jkollna l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba fuq ilsienna?

• L-​imseħbin fiż-​żwieġ kif jistgħu juru l-​imħabba leali fi kliemhom?

• X’juri li l-​liġi tal-​qalb tajba bl-​imħabba hi fuq ilsienna meta nittrattaw maʼ sħabna fit-​twemmin?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 23]

David faħħar bil-​kbir il-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Ġeħova

[Stampa f’paġna 24]

Għandek lejla tal-​Qima tal-​Familja regulari?