Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Għandna Nkunu Puntwali?

Għala Għandna Nkunu Puntwali?

Għala Għandna Nkunu Puntwali?

MHUWIEX dejjem faċli li nkunu puntwali, jew fil-​ħin. Fost l-​isfidi li forsi jkollna negħlbu hemm distanzi twal taʼ vvjaġġar, ħafna traffiku, u skedi mimlijin daqs bajda. Però, li nkunu fil-​ħin huwa importanti. Pereżempju, fuq il-​post tax-​xogħol, individwu puntwali ġeneralment ikun kunsidrat bħala bniedem diliġenti u taʼ min joqgħod fuqu. Mill-​banda l-​oħra, individwu li jasal tard jistaʼ jeffettwa x-​xogħol t’oħrajn u l-​kwalità taʼ prodotti u servizzi. Jekk student jasal tard jistaʼ jitlef ċerti lezzjonijiet u jfixkel il-​progress tiegħu fl-​iskola. Jekk wieħed imur tard għal appuntament għand it-​tabib jew għand id-​dentist jistaʼ jeffettwa l-​kura li jingħata.

Però, f’xi postijiet il-​puntwalità mhijiex kunsidrata bħala li hi daqstant importanti. F’ambjent bħal dan, malajr tistaʼ ssir id-​drawwa tagħna li nkunu tard. Jekk dan hu minnu, huwa vitali li nikkultivaw xewqa li nkunu fil-​ħin. Jekk nifhmu l-​importanza tal-​puntwalità żgur se niġu megħjunin biex inkunu puntwali. X’inhuma xi raġunijiet għala għandna nkunu puntwali? Kif nistgħu negħlbu l-​isfida tal-​puntwalità? U liema benefiċċji nistgħu nistennew li naħsdu jekk inkunu fil-​ħin?

Ġeħova—Alla Puntwali

L-​iktar raġuni għala għandna nkunu puntwali hi li rridu nimitaw l-​Alla li nqimu. (Efes. 5:1) Ġeħova jipprovdi eżempju eċċellenti fil-​puntwalità. Hu qatt mhu tard. Hu jżomm mal-​iskeda tiegħu b’mod strett fit-​twettiq tal-​iskopijiet tiegħu. Pereżempju, meta Ġeħova ddeċieda li jeqred lid-​dinja mill-​agħar f’dilluvju, hu qal lil Noè: “Agħmel għalik arka mill-​injam tas-​siġra tar-​raża.” Hekk kif qorob iż-​żmien tat-​tmiem, Ġeħova qal lil Noè biex jidħol fl-​arka u informah: “Sa sebat ijiem oħra se nibgħat ix-​xita fuq l-​art għal erbgħin jum u erbgħin lejl; u se neqred kull ħaġa li teżisti u li għamilt jien minn fuq wiċċ l-​art.” Imbagħad preċiż fil-​ħin, “ġara, sebat ijiem wara, li l-​ilmijiet tad-​dilluvju niżlu fuq l-​art.” (Ġen. 6:14; 7:4, 10) Immaġina x’setaʼ ġara lil Noè u lil familtu kieku ma kinux fl-​arka fil-​ħin. Bħall-​Alla li kienu jqimu, kellhom ikunu puntwali.

Xi 450 sena wara d-​Dilluvju, Ġeħova qal lill-​patrijarka Abraham li kien se jkollu iben u li minnu kellu jiġi n-​Nisel imwiegħed. (Ġen. 17:15-​17) Alla qal li Iżakk kien se jitwieled “f’dan iż-​żmien stabbilit is-​sena d-​dieħla.” Seħħ dan? L-​Iskrittura tgħidilna: “Sara ħarġet tqila u mbagħad wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-​żmien stabbilit li kien qallu Alla.”—Ġen. 17:21; 21:2.

Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji li juru l-​puntwalità t’Alla. (Ġer. 25:11-​13; Dan. 4:20-​25; 9:25) Il-​Bibbja tgħidilna biex nibqgħu nistennew il-​jum taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova li ġej fil-​futur. Anki jekk jidher li qed ‘idum’ mill-​ħarsa umana, aħna assigurati li ‘mhux se jkun tard.’—Ħab. 2:3.

Il-​Puntwalità Hija Importanti fil-​Qima

L-​irġiel Israelin kollha kellhom ikunu preżenti u fil-​ħin fil-​post magħżul għall-​“festi taʼ l-​istaġuni taʼ Ġeħova.” (Lev. 23:2, 4) Alla ddetermina wkoll iż-​żminijiet li fihom ċerti sagrifiċċji kellhom jiġu offruti. (Eżo. 29:38, 39; Lev. 23:37, 38) Ma jindikax dan li Alla jrid lill-​qaddejja tiegħu jkunu puntwali fil-​qima tagħhom?

Fl-​ewwel seklu, meta l-​appostlu Pawlu ta istruzzjonijiet lill-​Korintin dwar kif il-​laqgħat Kristjani għandhom jitmexxew, hu ħeġġiġhom: “Ħa jsir kollox bid-​deċenza u bl-​ordni.” (1 Kor. 14:40) Għalhekk, il-​laqgħat Kristjani għall-​qima kellhom jibdew f’ħin fiss. Il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-​puntwalità ma nbidlitx. (Mal. 3:6) Allura, x’nistgħu nagħmlu biex inkunu puntwali għal dawn il-​laqgħat Kristjani?

Niffaċċjaw l-​Isfida tal-​Puntwalità

Xi wħud sabu li l-​ippjanar bil-​quddiem hu t’għajnuna kbira. (Prov. 21:5) Pereżempju, jekk ikollna nivvjaġġaw ċerta distanza biex naslu f’ħin fiss, ikun għaqli jekk nitilqu f’ħin li bilkemm jagħtina ċans naslu? Ma jkunx għaqli li nitilqu ftit minuti qabel biex ma nkunux tard, anki jekk isseħħ ‘ġrajja mhix mistennija’ tul it-​triq? (Ekk. 9:11) “Xi ħaġa li tistaʼ tgħin lil kulħadd jasal fil-​ħin hi li jkollok idea tajba taʼ kemm hemm bżonn ħin għall-​ivvjaġġar,” jgħid żagħżugħ puntwali jismu José. a

Għal xi wħud, forsi jkun hemm bżonn li jagħmlu arranġamenti biex jitilqu mill-​post tax-​xogħol tagħhom kmieni biżżejjed ħalli jaslu fil-​ħin għal-​laqgħat Kristjani. Hekk għamel wieħed Xhud fl-​Etjopja meta rrealizza li kien se jasal 45 minuta tard għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni minħabba l-​bidliet fix-​xift. Hu ftiehem maʼ ħaddiem sieħbu biex imur ix-​xogħol kmieni minfloku fl-​iljieli meta kellu l-​laqgħat. Min-​naħa tiegħu, ix-​Xhud qabel li jaħdem xift żejjed taʼ sebaʼ sigħat għal sieħbu tax-​xogħol.

Jekk għandna tfal żgħar, li naslu fil-​ħin għal-​laqgħat iqajjem sfida speċjali. Ir-​responsabbiltà biex jitlestew it-​tfal ġeneralment taqaʼ fuq l-​omm, imma membri oħrajn fil-​familja jistgħu u għandhom jagħtu daqqa t’id. Omm Messikana jisimha Esperanza rabbiet tmint itfal waħedha. L-​etajiet tagħhom issa jvarjaw minn 5 snin sa 23 sena. Esperanza tispjega kif il-​familja tagħha jirnexxilha tkun puntwali: “Il-​bniet il-​kbar jgħinu biex ilestu liż-​żgħar. Dan jagħtini ċans illesti x-​xogħol tad-​dar u nipprepara lili nnifsi biex nitilqu għal-​laqgħat f’ħin fiss.” Din il-​familja għandha ħin fiss biex jitilqu mid-​dar, u kulħadd jikkoopera sabiex dan isir.

Ibbenefika Billi Tkun Puntwali fil-​Qima Tiegħek

Jekk nirriflettu fuq il-​barkiet li nirċievu meta naslu għal-​laqgħat Kristjani fil-​ħin, nistgħu nsaħħu x-​xewqa u d-​determinazzjoni tagħna biex nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu puntwali. Mara żagħżugħa jisimha Sandra, li kkultivat id-​drawwa li tasal għal-​laqgħat fil-​ħin, tikkummenta: “Dak li jogħġobni dwar li nasal kmieni hu li għandi ċans nilqaʼ lill-​aħwa, nitkellem magħhom, u nsir nafhom aħjar.” Meta naslu s-​Sala tas-​Saltna kmieni, nistgħu nibbenefikaw milli nisimgħu dwar is-​sabar u s-​servizz leali t’oħrajn li jkunu qed jattendu. Bil-​preżenza tagħna u b’konversazzjoni li tibni, jistaʼ jkollna wkoll effett tajjeb fuq ħutna, billi ‘nqanqluhom għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin.’—Ebr. 10:24, 25.

L-​għanja u t-​talba li jiftħu kull laqgħa Kristjana huma parti essenzjali mill-​qima tagħna. (Salm 149:1) L-​għanjiet tagħna jfaħħru lil Ġeħova, ifakkruna fil-​kwalitajiet li għandna nikkultivaw, u jinkuraġġuna biex nieħdu sehem fil-​ministeru bil-​ferħ. U xi ngħidu għat-​talba tal-​ftuħ? Fi żminijiet tal-​qedem, Ġeħova sejjaħ lit-​tempju ‘d-​dar tiegħu tat-​talb.’ (Is. 56:7) Illum, aħna ninġabru biex noffru talb lil Alla fil-​laqgħat tagħna. It-​talba tal-​ftuħ mhux biss titlob għall-​gwida u l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, imma wkoll tħejji lil moħħna u qalbna biex jirċievu l-​informazzjoni li tkun se tiġi kunsidrata. Għandna nkunu determinati li naslu għal-​laqgħat tagħna fil-​ħin għall-​għanja u t-​talba tal-​ftuħ.

Hi u titkellem dwar ir-​raġuni għala tasal kmieni għal-​laqgħat, Helen, li għandha 23 sena, tgħid: “Naħseb li huwa mod kif nuri mħabbti għal Ġeħova, ladarba hu jipprovdi l-​informazzjoni kollha li hi preżentata, inkluż l-​għanjiet u t-​talba tal-​ftuħ.” M’għandniex aħna nqisu l-​kwistjoni bl-​istess mod? Iva, għandna. Għalhekk, ejja nistinkaw biex nikkultivaw id-​drawwa tal-​puntwalità fl-​attivitajiet kollha tagħna, speċjalment f’dawk li għandhom x’jaqsmu mal-​qima tagħna lill-​Alla l-​veru.

[Nota taʼ taħt]

a L-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 26]

Ipprepara sew bil-​quddiem

[Stampa f’paġna 26]

Ħalli l-​ħin għal “ġrajjiet mhux mistennijin”

[Stampa f’paġna 26]

Aħsad il-​barkiet taʼ li tasal kmieni għal-​laqgħat