Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Irreżisti l-Pressjoni tal-Opinjoni Pubblika

Irreżisti l-Pressjoni tal-Opinjoni Pubblika

Irreżisti l-​Pressjoni tal-​Opinjoni Pubblika

IDEAT dwar dak li hu xieraq jew mhux aċċettabbli u dwar dak li hu taʼ min ifaħħru jew taʼ min imaqdru jvarjaw minn post għal ieħor. Jinbidlu wkoll matul iż-​żmien. Għalhekk, meta nkunu qed naqraw rakkonti Skritturali taʼ ġrajjiet li seħħew fil-​passat imbiegħed, irridu nikkunsidraw l-​opinjoni popolari u l-​valuri taʼ żminijiet Bibliċi minflok ma nimponu l-​livelli tagħna stess fuq dak li naqraw.

Pereżempju, ikkunsidra żewġ ideat imsemmijin darba wara l-​oħra fl-​Iskrittura Griega Kristjana—l-​unur u l-​għajb. Sabiex niksbu fehma aħjar tas-​siltiet li jitkellmu dwar l-​unur u l-​għajb, għandna nirriflettu fuq kif kienu jitqiesu min-​nies li kienu jgħixu lura dak iż-​żmien.

Il-​Valuri tal-​Ewwel Seklu

“Il-​Griegi, ir-​Rumani, u l-​Lhud ilkoll qiesu l-​unur u l-​għajb bħala li kienu valuri importanti ħafna fil-​kulturi tagħhom,” jgħid wieħed studjuż. “Xi rġiel għexu u mietu sabiex jiksbu l-​unur, ir-​reputazzjoni, il-​fama, l-​approvazzjoni, u r-​rispett.” Minħabba valuri bħal dawn kien faċli li jiġu effettwati mill-​opinjonijiet t’oħrajn.

L-​istat, il-​pożizzjoni, u l-​unur kienu kollox f’soċjetà li kienet karatterizzata mill-​enfasi kbira li poġġiet fuq il-​klassi soċjali, li kienet tvarja minn nobbiltà għal jasar. L-​unur kien il-​valur taʼ bniedem mhux biss f’għajnejh stess imma f’għajnejn ħaddieħor ukoll. Bniedem kien jiġi onorat billi jiġi rikonoxxut pubblikament bħala li aġixxa b’mod li kien mistenni minnu. Li wieħed jingħata unur kien ifisser ukoll li ħaddieħor juri li hu impressjonat mill-​ġid, il-​pożizzjoni, jew in-​nobbiltà tiegħu, u għalhekk jagħtih l-​attenzjoni li jistħoqqlu. L-​unur setaʼ jinkiseb billi wieħed jagħmel għemejjel virtużi jew billi jispikka fuq oħrajn. B’kuntrast, l-​għajb, jew id-​diżunur, kien iġib miegħu umiljazzjoni pubblika jew twaqqigħ għaċ-​ċajt. Iktar minn sentiment persunali jew tingiż tal-​kuxjenza taʼ dak li jkun, kien ir-​riżultat taʼ kundanna mis-​soċjetà.

Meta Ġesù tkellem dwar li persuna tingħata “l-​iktar post prominenti” jew “l-​aħħar post” f’festa, kienet kwistjoni t’unur jew għajb skont il-​kultura taʼ dak iż-​żmien. (Lq. 14:8-​10) Minn tal-​inqas f’żewġ okkażjonijiet, id-​dixxipli taʼ Ġesù ġġieldu dwar “min minnhom kien jidher li hu l-​akbar.” (Lq. 9:46; 22:24) Kienu qed juru tħassib kbir tas-​soċjetà li kienu jgħixu fiha. Sadanittant, mexxejja reliġjużi Lhud li kienu kburin u kompetittivi raw l-​ippritkar taʼ Ġesù bħala sfida għall-​unur u l-​awtorità tagħhom. Madankollu, l-​isforzi tagħhom biex juru li kienu superjuri għalih f’dibattiti pubbliċi quddiem il-​folol dejjem irriżultaw f’falliment.—Lq. 13:11-​17.

Idea oħra komuni fil-​ħsieb tal-​Lhud, tal-​Griegi, u tar-​Rumani tal-​ewwel seklu kienet l-​għajb li wieħed jiġi “maħtuf u akkużat pubblikament b’xi għemil ħażin.” Li persuna tiġi marbuta jew mitfugħa l-​ħabs kien meqjus bħala xi ħaġa degradanti. Trattament bħal dan kien jinsulta lil individwu quddiem il-​ħbieb, il-​familja, u l-​komunità ġenerali—kemm jekk kien jiġi dikjarat ħati taʼ delitt u kemm jekk le. L-​istigma li mbagħad kienet tkun marbuta mar-​reputazzjoni tiegħu setgħet iġġiegħlu jitlef ir-​rispett lejh innifsu u tagħmel ħsara lir-​relazzjoni tiegħu m’oħrajn. Xi ħaġa li kienet iktar t’għajb milli wieħed jiġi marbut kienet l-​umiljazzjoni li jiġi mneżżaʼ jew flaġellat. Trattament bħal dan kien iqanqal tmaqdir u twaqqigħ għaċ-​ċajt, u l-​individwu kien jitlef l-​unur tiegħu.

Qtil fuq zokk tat-​tortura ssuġġetta lill-​vittma għall-​agħar diżunur possibbli. Qtil bħal dan kien “il-​piena għall-​ilsiera,” jgħid l-​istudjuż Martin Hengel. “B’hekk, kien simbolu t’umiljazzjoni, għajb, u tortura estrema.” Il-​familja u l-​ħbieb taʼ bniedem li kien jiġi diżonorat b’dan il-​mod kienet issirilhom pressjoni mis-​soċjetà biex jirrinunzjawh. Ladarba Kristu miet b’dan il-​mod, dawk kollha li riedu jkunu Kristjani fl-​ewwel seklu E.K. kellhom jiffaċċjaw l-​isfida tat-​twaqqigħ għaċ-​ċajt fil-​pubbliku. Il-​biċċa l-​kbira min-​nies x’aktarx li kkunsidrawh bluha li xi ħadd jidentifika ruħu bħala segwaċi taʼ raġel li ġie msammar maʼ zokk. “Aħna nippridkaw lil Kristu msammar maʼ zokk,” kiteb l-​appostlu Pawlu, “tfixkil għal-​Lhud imma bluha għall-​ġnus.” (1 Kor. 1:23) Il-​Kristjani tal-​bidu kif iffaċċjaw din l-​isfida?

Valuri Differenti

Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu obdew il-​liġi u stinkaw biex jevitaw l-​għajb li kien jirriżulta minn kondotta ħażina. “Ħalli ħadd minnkom ma jsofri bħala qattiel jew ħalliel jew raġel ħażin jew wieħed li jindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor,” kiteb l-​appostlu Pietru. (1 Pt. 4:15) Madankollu, Ġesù bassar li s-​segwaċi tiegħu kienu se jsofru l-​persekuzzjoni minħabba f’ismu. (Ġw. 15:20) “Imma jekk [individwu] jsofri bħala Kristjan,” kiteb Pietru, “ħa ma jistħix, imma jkompli jigglorifika lil Alla.” (1 Pt. 4:16) Biex wieħed ma jistħix hu u jsofri bħala segwaċi taʼ Kristu kien ifisser li kellu jiċħad id-​drawwiet soċjali taʼ dak iż-​żmien.

Il-​Kristjani ma setgħux iħallu l-​livelli taʼ nies oħrajn jiddettaw il-​kondotta tagħhom. Messija msammar maʼ zokk kien bluha għas-​soċjetà tal-​ewwel seklu. Din il-​ħarsa setgħet għamlet pressjoni fuq il-​Kristjani biex jaqblu mal-​mod taʼ ħsieb li kien aċċettat. Madankollu, il-​fidi tagħhom li Ġesù kien il-​Messija kienet tirrikjedi li jsegwuh, anki jekk kienu jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt. Ġesù stqarr: “Kulmin jistħi minħabba fija u minħabba kliemi f’din il-​ġenerazzjoni adultera u midinba, Bin il-​bniedem ukoll jistħi minħabba fih meta jasal fil-​glorja taʼ Missieru maʼ l-​anġli mqaddsa.”—Mk. 8:38.

Illum, għandna mnejn niffaċċjaw pressjonijiet li l-​mira tagħhom hi li jġegħluna nabbandunaw il-​Kristjanità. Dawn jistgħu jiġu minn ħbieb tal-​iskola, ġirien, jew nies li naħdmu magħhom li jipprovaw jinvolvuna f’attivitajiet immorali, diżonesti, jew dubjużi b’xi mod ieħor. Individwi bħal dawn forsi jipprovaw iġegħluna nistħu minħabba l-​waqfa tagħna għal prinċipji ġusti. Kif għandna nirreaġixxu?

Imita lil Dawk li Ma Qisux l-​Għajb

Sabiex iżomm l-​integrità tiegħu lejn Ġeħova, Ġesù għadda mill-​iktar qtil diżonorabbli possibbli. “Issaporta z-​zokk tat-​tortura, u ma qiesx l-​għajb.” (Ebr. 12:2) L-​għedewwa taʼ Ġesù tawh bil-​ħarta, beżqulu, neżżgħuh, ifflaġellawh, sammruh maʼ zokk, u żebilħuh. (Mk. 14:65; 15:29-​32) Però, Ġesù ma qiesx l-​għajb li pprovaw jitfgħu fuqu. Kif? Billi rrifjuta li jċedi għal trattament bħal dan. Ġesù kien jaf li ma tilef ebda dinjità f’għajnejn Ġeħova, u ċertament ma fittex ebda glorja mill-​bnedmin. Avolja Ġesù miet mewta taʼ lsir, Ġeħova tah id-​dinjità billi rxoxtah u tah l-​iktar post onorabbli Ħdejh. F’Filippin 2:8-​11, naqraw: “[Kristu Ġesù] umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura. Kien ukoll għalhekk li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri u b’qalb tajba tah l-​isem li hu fuq kull isem ieħor, sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-​sema, fuq l-​art, u taħt l-​art, u kull ilsien jistqarr quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej għall-​glorja t’Alla l-​Missier.”

Ġesù ma kienx insensittiv għas-​sentimenti t’għajb li ġew mal-​qtil tiegħu. Il-​possibbiltà li Missieru jiġi diżonorat minħabba li Ġesù ġie kundannat bħala midgħi kienet xi ħaġa li inkwetat lil Bin Alla. Ġesù staqsa lil Ġeħova biex jeħilsu minn dan in-​nuqqas taʼ dinjità. “Warrab minni dan il-​kies,” hu talab. Imma Ġesù ssottometta ruħu għar-​rieda t’Alla. (Mk. 14:36) Xorta waħda, Ġesù ssaporta l-​pressjonijiet li nġiebu fuqu u ma qiesx l-​għajb. Wara kollox, għajb bħal dan kien se jinħass biss minn dawk li aċċettaw bis-​sħiħ il-​valuri komuni taʼ żmienu. Jidher ċar li Ġesù m’aċċettax dawk il-​valuri.

Id-​dixxipli taʼ Ġesù wkoll ġew arrestati u msawtin. Trattament bħal dan ġabilhom diżunur f’għajnejn ħafna. Kienu jiġu mkasbrin u mżebilħin. Madankollu, ma qatgħux qalbhom. Id-​dixxipli veri rreżistew il-​pressjoni tal-​opinjoni pubblika u ma qisux l-​għajb. (Mt. 10:17; Atti 5:40; 2 Kor. 11:23-​25) Kienu jafu li kellhom ‘jerfgħu z-​zokk tat-​tortura tagħhom u jsegwu lil Ġesù jum wara l-​ieħor.’—Lq. 9:23, 26.

Xi ngħidu għalina llum? Affarijiet li d-​dinja tikkunsidrahom bħala li huma taʼ bluha, dgħajfin, u bla ġieħ, Alla jqishom bħala li huma għaqlin, setgħanin, u t’unur. (1 Kor. 1:25-​28) Ma nkunux boloh u nkunu qed naraw biss sa mneħirna jekk niġu influwenzati għalkollox mill-​opinjoni pubblika?

Kull min jixxennaq għall-​unur irid jikkunsidra dak li d-​dinja taħseb dwaru. Mill-​banda l-​oħra, bħal Ġesù u s-​segwaċi tiegħu tal-​ewwel seklu, aħna nixxennqu biex Ġeħova jkun il-​Ħabib tagħna. Għalhekk, se nonoraw dak li hu t’unur f’għajnejh u nqisu t’għajb dak li hu jqis t’għajb.

[Stampa f’paġna 4]

Ġesù ma ġiex influwenzat mill-​mod kif id-​dinja kienet tqis l-​għajb