Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Ġesù Jigglorifika l-Ġustizzja t’Alla

Kif Ġesù Jigglorifika l-Ġustizzja t’Alla

Kif Ġesù Jigglorifika l-​Ġustizzja t’Alla

“Alla [ta lil Ġesù] bħala offerta propizjatorja permezz tal-​fidi f’demmu. Dan kien sabiex juri l-​ġustizzja tiegħu.”—RUM. 3:25.

1, 2. (a) Il-​Bibbja x’tgħallimna dwar il-​kundizzjoni tal-​umanità? (b) F’dan l-​artiklu liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

 IR-​RAKKONT Bibliku dwar ir-​ribelljoni fil-​ġnien tal-​Għeden hu magħruf sew. Ilkoll kemm aħna nħossu l-​effetti tad-​dnub t’Adam bħalma hu spjegat f’dan il-​kliem: “Permezz taʼ bniedem wieħed id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u b’hekk il-​mewt infirxet fuq il-​bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rum. 5:12) Nipprovaw kemm nipprovaw nagħmlu dak li hu sewwa, aħna niżbaljaw, u għalhekk għandna bżonn il-​maħfra t’Alla. Anki l-​appostlu Pawlu lmenta: “Ma nagħmilx it-​tajjeb li nixtieq, imma nipprattika l-​ħażin li ma nixtieqx. Bniedem miżerabbli li jien!”—Rum. 7:19, 24.

2 Ladarba lkoll kemm aħna nitwieldu midinbin, huwa raġunevoli li nistaqsu dawn il-​mistoqsijiet importanti: Kif kien possibbli li Ġesù taʼ Nazaret jitwieled ħieles mid-​dnub li jintiret, u għala tgħammed? Il-​ħajja taʼ Ġesù kif igglorifikat il-​ġustizzja taʼ Ġeħova? Fuq kollox, il-​mewt taʼ Kristu x’wettqet?

Il-​Ġustizzja t’Alla Sfidata

3. Satana kif qarraq b’Eva?

3 L-​ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, bi bluha ċaħdu s-​sovranità t’Alla favur it-​tmexxija tas-​“serp oriġinali, dak li hu msejjaħ Xitan u Satana.” (Riv. 12:9) Ikkunsidra kif ġara dan. Satana sfida l-​mod ġust kif Alla Ġeħova jaħkem. Hu għamel dan billi staqsa lil Eva: “Veru li Alla qalilkom li ma tistgħux tieklu minn kull siġra tal-​ġnien?” Eva rripetiet il-​kmand ċar t’Alla li ma kellhomx imissu siġra speċifika waħda, għax inkella jmutu. Imbagħad Satana akkuża lil Alla li kien qed jigdeb. “Żgur li ma tmutux,” qal ix-​Xitan. Hu kompla jqarraq b’Eva billi ġegħelha temmen li Alla kien qed iċaħħadha minn xi ħaġa tajba u li jekk tiekol il-​frotta kienet se ssir bħal Alla, billi jkollha indipendenza morali.—Ġen. 3:1-​5.

4. L-​umanità kif ġiet taħt is-​sovranità rivali taʼ Satana?

4 Bażikament, Satana insinwa li l-​umanità se tkun iktar ferħana jekk tkun indipendenti minn Alla. Minflok m’appoġġa l-​ġustizzja t’Alla bħala sovran, Adam semaʼ minn martu u ngħaqad magħha f’li jiekol il-​frotta projbita. B’hekk, Adam tilef il-​waqfa perfetta tiegħu quddiem Ġeħova u ġabna taħt il-​madmad kiefer tad-​dnub u l-​mewt. Fl-​istess ħin, l-​umanità ġiet taħt is-​sovranità rivali taʼ Satana, “l-​alla taʼ din id-​dinja.”—2 Kor. 4:4, Għaqda Biblika Maltija; Rum. 7:14.

5. (a) Ġeħova kif wera li żamm kelmtu? (b) Alla liema tama ta lid-​dixxendenti t’Adam u Eva?

5 Fi qbil mal-​kelma infallibbli tiegħu, Ġeħova ta s-​sentenza tal-​mewt lil Adam u Eva. (Ġen. 3:16-​19) Imma dan ma fissirx li l-​iskop t’Alla kien falla. ’Il bogħod minn hekk! Meta kkundanna lil Adam u Eva, Ġeħova ta lid-​dixxendenti futuri tagħhom raġuni meraviljuża għal tama. Hu għamel dan billi ħabbar l-​iskop tiegħu li jqajjem ‘nisel’ li Satana kien se jisħaqlu għarqubu. Madankollu, dan in-​Nisel imwiegħed kien se jirkupra mill-​ġerħa fl-​għarqub u kien se ‘jisħaq [lil Satana] f’rasu.’ (Ġen. 3:15) Il-​Bibbja tagħti iktar dettalji dwar din it-​tema billi tgħid dan li ġej rigward Ġesù Kristu: “Għalhekk intwera l-​Iben t’Alla, jiġifieri, biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġw. 3:8) Imma l-​imġiba u l-​mewt taʼ Ġesù kif igglorifikaw il-​ġustizzja t’Alla?

It-​Tifsira tal-​Magħmudija taʼ Ġesù

6. Kif nafu li Ġesù ma wiritx id-​dnub minn Adam?

6 Bħala raġel adult, Ġesù kien se jkun ekwivalenti b’mod eżatt għal Adam, li xi darba kien perfett. (Rum. 5:14; 1 Kor. 15:45) Dan ifisser li Ġesù kellu jitwieled perfett. Dan kif kien possibbli? L-​anġlu Gabrijel ta din l-​ispjegazzjoni ċara lil Marija omm Ġesù: “L-​ispirtu qaddis jiġi fuqek, u l-​qawwa mingħand l-​Iktar Għoli tgħattik bid-​dell tagħha. Għal din ir-​raġuni wkoll dak li jitwieled jissejjaħ qaddis, Bin Alla.” (Lq. 1:35) Kmieni fil-​ħajja taʼ Ġesù, milli jidher Marija qalet lil Ġesù ċerti fatti dwar it-​twelid tiegħu. B’hekk, darba minnhom meta Marija u Ġużeppi, il-​missier adottiv taʼ Ġesù, sabu lil Ġesù fit-​tempju t’Alla, it-​tfajjel staqsa: “Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” (Lq. 2:49) Evidentement, minn età żgħira Ġesù kien jaf li kien Bin Alla. Għalhekk, kien importanti ħafna għalih li jigglorifika l-​ġustizzja t’Alla.

7. Ġesù liema affarijiet prezzjużi kellu?

7 Ġesù wera l-​interess kbir li kellu fl-​affarijiet spiritwali billi kien jattendi regolarment il-​laqgħat għall-​qima. Bil-​moħħ perfett tiegħu, hu żgur li tgħallem u fehem kull ħaġa li semaʼ u qara fl-​Iskrittura Ebrajka. (Lq. 4:16) Hu kellu wkoll xi ħaġa oħra prezzjuża—ġisem uman perfett li setaʼ jiġi sagrifikat għan-​nom tal-​umanità. Meta tgħammed, Ġesù kien qed jitlob u għandu mnejn kien qed jaħseb fil-​kliem profetiku taʼ Salm 40:6-​8.—Lq. 3:21; aqra Ebrej 10:5-​10. a

8. Ġwanni l-​Għammied għala ma riedx iħalli lil Ġesù jitgħammed?

8 Ġwanni l-​Għammied għall-​ewwel ma riedx iħalli lil Ġesù jitgħammed. Għala? Għax Ġwanni kien qed jgħammed lil-​Lhud b’simbolu tal-​indiema tagħhom mid-​dnub kontra l-​Liġi. Bħala qarib tiegħu, Ġwanni żgur kien jaf li Ġesù kien raġel ġust, u għalhekk ma kellux bżonn jindem. Ġesù assigura lil Ġwanni li kien xieraq Għalih li jitgħammed. “B’dan il-​mod,” spjega Ġesù, “hu xieraq biex nagħmlu kulma hu sewwa.”—Mt. 3:15.

9. Il-​magħmudija taʼ Ġesù xi ssimbolizzat?

9 Bħala bniedem perfett, Ġesù setaʼ rraġuna li hu, bħal Adam, kellu l-​potenzjal li jnissel razza perfetta. Madankollu, Ġesù qatt ma xtaq futur bħal dan għax ma kinitx ir-​rieda taʼ Ġeħova għalih. Alla bagħat lil Ġesù fuq l-​art biex iwettaq l-​irwol tan-​Nisel, jew Messija, imwiegħed. Dan kien jinkludi li Ġesù jissagrifika l-​ħajja umana perfetta tiegħu. (Aqra Isaija 53:5, 6, 12.) Naturalment, il-​magħmudija taʼ Ġesù ma kellhiex l-​istess tifsira bħalma għandha tagħna. Ma kinitx tinvolvi dedikazzjoni lil Ġeħova, ladarba Ġesù kien diġà parti mill-​ġens dedikat taʼ Israel. Minflok, il-​magħmudija taʼ Ġesù ssimbolizzat il-​preżentazzjoni tiegħu nnifsu biex jagħmel ir-​rieda t’Alla bħalma hi spjegata fl-​Iskrittura għall-​Messija.

10. Ir-​rieda t’Alla għall-​Messija x’kienet tinkludi, u Ġesù kif ħassu dwar dan?

10 Ir-​rieda taʼ Ġeħova għal Ġesù inkludiet li jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, jagħmel dixxipli, u jippreparahom għax-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli fil-​futur. Il-​preżentazzjoni li Ġesù għamel tiegħu nnifsu inkludiet ukoll il-​fatt li kien lest jissaporti persekuzzjoni u mewta krudila biex jappoġġa s-​sovranità ġusta t’Alla Ġeħova. Minħabba li Ġesù verament kien iħobb lil Missieru tas-​sema, hu tgħaxxaq jagħmel ir-​rieda t’Alla u kien taʼ sodisfazzjon kbir għalih li jippreżenta lil ġismu bħala sagrifiċċju. (Ġw. 14:31) Kien ferħan ukoll għax kien jaf li l-​valur tal-​ħajja perfetta tiegħu setaʼ jiġi offrut lil Alla bħala fidwa biex jixtrina lura mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Approva Alla l-​preżentazzjoni li Ġesù għamel tiegħu nnifsu biex jerfaʼ dawn ir-​responsabbiltajiet kbar? Iva, tabilħaqq!

11. Ġeħova kif wera li approva lil Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed, jew Kristu?

11 L-​erbaʼ kittieba tal-​Evanġelju kollha jixhdu għall-​espressjoni ċara t’approvazzjoni t’Alla Ġeħova hekk kif Ġesù telaʼ mill-​ilmijiet tax-​Xmara Ġordan. “Jien rajt l-​ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-​sema,” jixhed Ġwanni l-​Għammied, “u jibqaʼ [fuq Ġesù] . . . U jien rajtu dan, u xhedt li dan hu l-​Iben t’Alla.” (Ġw. 1:32-​34) Iktar minn hekk, f’din l-​okkażjoni Ġeħova ddikjara: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.”—Mt. 3:17; Mk. 1:11; Lq. 3:22.

Leali sal-​Mewt

12. Ġesù x’għamel fit-​tliet snin u nofs wara l-​magħmudija tiegħu?

12 Għat-​tliet snin u nofs taʼ wara, Ġesù ntefaʼ b’ruħu u b’ġismu jgħallem lin-​nies dwar Missieru u dwar is-​sewwa tas-​sovranità t’Alla. Peress li kien jivvjaġġa mal-​Art Imwiegħda kollha bil-​mixi kien iħossu għajjien, imma xejn ma setaʼ jwaqqfu milli jagħti xhieda bir-​reqqa dwar il-​verità. (Ġw. 4:6, 34; 18:37) Ġesù għallem lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. Billi b’mod mirakoluż fejjaq lill-​morda, temaʼ lill-​folol bil-​ġuħ, u saħansitra rxoxta lill-​mejtin, hu wera x’se twettaq is-​Saltna għall-​umanità.—Mt. 11:4, 5.

13. Ġesù x’għallem rigward it-​talb?

13 Minflok ma ħa personalment il-​krettu għat-​tagħlim u x-​xogħlijiet taʼ fejqan tiegħu, Ġesù ħalla eżempju li jispikka billi b’umiltà dderieġa t-​tifħir kollu lejn Ġeħova. (Ġw. 5:19; 11:41-​44) Ġesù għamel magħruf ukoll l-​iktar affarijiet importanti li dwarhom għandna nitolbu. Fit-​talb tagħna għandna nitolbu biex l-​isem t’Alla, Ġeħova, “jitqaddes” u biex is-​sovranità ġusta t’Alla tieħu post il-​ħakma mill-​agħar taʼ Satana sabiex ‘ikun li jrid Hu, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.’ (Mt. 6:9, 10) Ġesù ħeġġiġna wkoll biex naġixxu fi qbil maʼ talb bħal dan billi ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​saltna u s-​sewwa’ t’Alla.—Mt. 6:33.

14. Għalkemm Ġesù kien perfett, għala kien jeħtieġ sforz min-​naħa tiegħu biex iwettaq l-​irwol li kellu fl-​iskop t’Alla?

14 Hekk kif iż-​żmien għall-​mewta tiegħu bħala sagrifiċċju kien qed joqrob, Ġesù sar iktar konxju tar-​responsabbiltà kbira li kien qed iġorr. L-​iskop u r-​reputazzjoni taʼ Missieru kienu jiddependu mill-​fatt li Ġesù kellu jissaporti ġuri inġust u mewta krudila. Ħamest ijiem qabel mewtu, Ġesù talab: “Issa ruħi mnikkta, u x’naqbad ngħid? Missier, salvani minn din is-​siegħa. Madankollu, għalhekk wasalt għal din is-​siegħa.” Wara li esprima dawn is-​sentimenti umani naturali, Ġesù mingħajr egoiżmu beda jiffoka fuq il-​kwistjoni tal-​akbar importanza u talab: “Missier, igglorifika lil ismek.” Ġeħova mill-​ewwel wieġeb: “Jien igglorifikajtu u nerġaʼ nigglorifikah.” (Ġw. 12:27, 28) Iva, Ġesù kien lest li jgħaddi mill-​akbar prova taʼ integrità li ebda bniedem qatt kellu jiffaċċja. Imma nistgħu nkunu ċerti li dan il-​kliem li semaʼ mingħand Missieru tas-​sema ta lil Ġesù fiduċja qawwija li kien se jkollu suċċess f’li jigglorifika u jivvendika s-​sovranità taʼ Ġeħova. U tabilħaqq kellu suċċess!

Dak li Wettqet il-​Mewt taʼ Ġesù

15. Eżatt qabel ma miet, Ġesù għala qal: “Twettaq”?

15 Hekk kif Ġesù kien qed jieħu l-​aħħar nifs agonizzanti tiegħu waqt li kien imdendel fuq iz-​zokk tat-​tortura, hu qal: “Twettaq!” (Ġw. 19:30) Kemm irnexxielu jwettaq affarijiet kbar Ġesù bl-​għajnuna t’Alla matul it-​tliet snin u nofs mill-​magħmudija tiegħu sa mewtu! Meta Ġesù miet, kien hemm terremot qawwi, u l-​uffiċjal tal-​armata Rumana li kien inkarigat mill-​esekuzzjoni ġie mqanqal jgħid: “Żgur li dan kien Bin Alla.” (Mt. 27:54) L-​uffiċjal milli jidher ra lil Ġesù jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt minħabba li sostna li hu Bin Alla. Minkejja dak kollu li sofra, Ġesù żamm l-​integrità tiegħu u wera li Satana hu giddieb mill-​agħar. Rigward dawk kollha li jappoġġaw is-​sovranità t’Alla, Satana għamel din l-​isfida: “Il-​bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4, Għaqda Biblika Maltija) Bil-​lealtà tiegħu, Ġesù wera li Adam u Eva setgħu baqgħu leali waqt il-​prova tagħhom li kienet ħafna iktar faċli. Fuq kollox, il-​ħajja u l-​mewt taʼ Ġesù kkonfermaw u gglorifikaw is-​sewwa tas-​sovranità taʼ Ġeħova. (Aqra Proverbji 27:11.) Wettqet xi ħaġa oħra l-​mewt taʼ Ġesù? Iva, tabilħaqq!

16, 17. (a) Ix-​xhieda taʼ Ġeħova taʼ qabel il-​Kristjanità għala setaʼ jkollhom waqfa ġusta miegħu? (b) Ġeħova kif ippremja l-​lealtà taʼ Ibnu, u l-​Mulej Ġesù Kristu xi jkompli jagħmel?

16 Ħafna qaddejja taʼ Ġeħova għexu qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art. Huma gawdew waqfa ġusta m’Alla u ngħataw tama taʼ rxoxt. (Is. 25:8; Dan. 12:13) Imma fuq liema bażi legali setaʼ l-​Alla l-​qaddis, Ġeħova, ibierek lill-​bnedmin midinbin b’mod daqstant tal-​għaġeb? Il-​Bibbja tispjega: “Alla tah [lil Ġesù Kristu] bħala offerta propizjatorja permezz tal-​fidi f’demmu. Dan kien sabiex juri l-​ġustizzja tiegħu, għax kien qed jaħfer id-​dnubiet li seħħew fil-​passat waqt li Alla kien qed jeżerċita t-​tolleranza; sabiex juri l-​ġustizzja tiegħu f’dan iż-​żmien stabbilit, biex ikun ġust anki meta jiddikjara ġust lill-​bniedem li jkollu fidi f’Ġesù.”—Rum. 3:25, 26. b

17 Ġeħova ppremja lil Ġesù billi rxoxtah għal pożizzjoni superjuri għal dik li kellu qabel ma ġie fuq l-​art. Issa Ġesù jgawdi l-​immortalità bħala ħliqa spirtu glorjuża. (Ebr. 1:3) Bħala Qassis il-​Kbir u Sultan, il-​Mulej Ġesù Kristu jkompli jgħin lis-​segwaċi tiegħu jigglorifikaw il-​ġustizzja t’Alla. U kemm aħna grati li Missierna tas-​sema, Ġeħova, jippremja lil dawk kollha li jagħmlu dan u jaqduh b’lealtà bħalma għamel Ibnu!—Aqra Salm 34:3; Ebrej 11:6.

18. L-​artiklu li jmiss fuqiex se jiffoka?

18 Bnedmin leali sa minn żmien Abel gawdew relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova għax eżerċitaw fidi u kellhom fiduċja fin-​Nisel imwiegħed. Ġeħova kien jaf li Ibnu kien se jżomm l-​integrità u li l-​mewt tiegħu kienet se tipprovdi tpattija perfetta għad-​“dnub tad-​dinja.” (Ġw. 1:29) Il-​mewt taʼ Ġesù hi taʼ benefiċċju wkoll għan-​nies li qed jgħixu llum. (Rum. 3:26) Allura, liema barkiet tistaʼ tgawdi permezz tal-​fidwa taʼ Kristu? Dan se jkun is-​suġġett tal-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Hawnhekk l-​appostlu Pawlu jikkwota minn Salm 40:6-​8 skont it-​traduzzjoni tas-​Settanta Griega, li tinkludi l-​kliem “ħejjejt ġisem għalija.” Din il-​frażi ma tinstabx fil-​manuskritti li huma disponibbli tal-​Iskrittura Ebrajka tal-​qedem.

b Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’paġni 6 u 7.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​ġustizzja t’Alla kif ġiet sfidata?

• Il-​magħmudija taʼ Ġesù xi ssimbolizzat?

• Il-​mewt taʼ Ġesù x’wettqet?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Taf x’kienet tissimbolizza l-​magħmudija taʼ Ġesù?