Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif il-Fidwa Ssalvana

Kif il-Fidwa Ssalvana

Kif il-​Fidwa Ssalvana

“Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.”—ĠW. 3:36.

1, 2. X’kienet raġuni waħda għala r-​rivista Zion’s Watch Tower ġiet pubblikata oriġinarjament?

 “L-​EBDA student attent tal-​Bibbja ma jistaʼ jonqos milli jkun impressjonat bl-​importanza li titpoġġa fuq il-​mewt taʼ Kristu,” qalet ir-​rabaʼ ħarġa taʼ din ir-​rivista lura f’Ottubru tal-​1879. Dan l-​artiklu kkonkluda b’dan il-​ħsieb serju: “Ejja noqogħdu attenti għal kwalunkwe ħaġa li ċċekken, jew li twarrab il-​mewt taʼ Kristu, bħala l-​offerta u t-​tpattija għad-​dnub.”—Aqra l-1 Ġwanni 2:1, 2.

2 Waħda mir-​raġunijiet għala r-​rivista Zion’s Watch Tower ġiet pubblikata f’Lulju tal-​1879 kienet biex tiddefendi t-​tagħlim tal-​Bibbja dwar il-​fidwa. Il-​paġni tagħha pprovdew “ikel fiż-​żmien xieraq,” għax lejn l-​aħħar tas-​seklu 19, għadd li dejjem jikber taʼ wħud li sostnew li huma Kristjani bdew iqajmu dubji dwar kif il-​mewt taʼ Ġesù tistaʼ tkun fidwa għal dnubietna. (Mt. 24:45) F’dak iż-​żmien, ħafna bdew jemmnu fit-​teorija tal-​evoluzzjoni, idea li tmur kontra l-​fatt li l-​bniedem ma baqax fi stat perfett. L-​evoluzzjonisti jgħallmu li l-​bniedem jitjieb b’mod naturali u li m’għandux bżonn taʼ fidwa. Għalhekk, hu speċjalment xieraq il-​parir tal-​appostlu Pawlu lil Timotju: “Għasses dak li ġejt fdat bih u tbiegħed mid-​diskors vojt li jipprofana dak li hu qaddis u mill-​kontradizzjonijiet taʼ dak li b’mod falz jissejjaħ ‘għarfien.’ Minħabba li għamlu wirja b’dan l-​għarfien xi wħud tbiegħdu mill-​fidi.”—1 Tim. 6:20, 21.

3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

3 Ċertament li int determinat li ma ‘titbigħedx mill-​fidi.’ Sabiex iżżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha ikun tajjeb li tikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet: Għala għandi bżonn il-​fidwa? Xi switilhom lil Ġeħova u lil Ġesù? Kif nistaʼ nibbenefika minn dan il-​provvediment prezzjuż li jistaʼ jsalvani mill-​korla t’Alla?

Salvati mill-​Korla t’Alla

4, 5. X’juri li l-​korla t’Alla tibqaʼ fuq din is-​sistema mill-​agħar?

4 Il-​Bibbja u l-​istorja tal-​umanità juru li minn mindu Adam dineb, il-​korla t’Alla ‘baqgħet fuq’ ir-​razza umana. (Ġw. 3:36) Dan jidher mill-​fatt li kull bniedem eventwalment miet. Is-​sovranità rivali taʼ Satana xejn ma kienet kapaċi tipproteġi lill-​umanità mill-​gwajijiet kontinwi, u l-​ebda gvern uman ma kien kapaċi jissodisfa l-​bżonnijiet bażiċi taċ-​ċittadini kollha tiegħu. (1 Ġw. 5:19) Għalhekk, l-​umanità tkompli tiġi mifnija bil-​gwerra, bil-​vjolenza, u bil-​faqar.

5 Mela, b’mod ċar il-​barka taʼ Ġeħova mhijiex fuq din is-​sistema mill-​agħar. Pawlu qal li “l-​korla t’Alla qed tiġi rivelata mis-​sema kontra kull nuqqas taʼ devozzjoni.” (Rum. 1:18-​20) Għalhekk, dawk li mingħajr ma jindmu jgħixu ħajja bla devozzjoni lejn Alla mhux se jaħarbu mill-​konsegwenzi tal-​kondotta tagħhom. Illum, il-​korla t’Alla qed issir magħrufa permezz tal-​messaġġi taʼ ġudizzju li qed jiġu mferrgħin bħal kastigi fuq id-​dinja taʼ Satana, u informazzjoni bħal din tidher f’ħafna mill-​pubblikazzjonijiet tagħna li huma bbażati fuq il-​Bibbja.—Riv. 16:1.

6, 7. Il-​Kristjani midlukin f’liema xogħol qed jieħdu t-​tmexxija, u liema opportunità għadha miftuħa għal individwi li huma parti mid-​dinja taʼ Satana?

6 Ifisser dan li hu tard wisq għal individwi biex jinħelsu mill-​ħakma taʼ Satana u jirċievu l-​favur t’Alla? Le, għax il-​bieb biex jerġgħu jitħabbu maʼ Ġeħova għadu miftuħ beraħ. Il-​Kristjani midlukin, li huma “ambaxxaturi li jissostitwixxu lil Kristu,” qed jieħdu t-​tmexxija f’ministeru pubbliku li permezz tiegħu nies mill-​ġnus kollha qed jingħataw din l-​istedina: “Erġgħu tħabbu m’Alla.”—2 Kor. 5:20, 21.

7 L-​appostlu Pawlu qal li Ġesù “jeħlisna mill-​korla li ġejja.” (1 Tess. 1:10) Din l-​espressjoni aħħarija tar-​rabja taʼ Ġeħova se tirriżulta fil-​qerda dejjiema tal-​midinbin li ma jindmux. (2 Tess. 1:6-​9) Min se jinħeles? Il-​Bibbja tgħid: “Min jeżerċita l-​fidi fl-​Iben għandu l-​ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-​Iben ma jarax il-​ħajja, imma l-​korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġw. 3:36) Iva, dawk kollha li huma ħajjin u li jkunu qed jeżerċitaw il-​fidi f’Ġesù u fil-​fidwa meta din is-​sistema tasal fi tmiemha se jinħelsu mill-​konsegwenzi tal-​jum finali tal-​korla t’Alla.

Kif Taħdem il-​Fidwa

8. (a) Adam u Eva liema prospett grandjuż kellhom quddiemhom? (b) Ġeħova kif wera li hu Alla taʼ ġustizzja perfetta?

8 Adam u Eva ġew maħluqin perfetti. Li kieku baqgħu ubbidjenti lejn Alla, l-​art issa kieku hi mimlija bin-​nisel hieni tagħhom li jgħix flimkien magħhom f’Ġenna tal-​art. Madankollu, b’dispjaċir l-​ewwel ġenituri tagħna, għax riedu, m’obdewx il-​kmand t’Alla. Minħabba f’hekk, huma ġew kundannati għal mewt eterna u ġew imkeċċijin mill-​Ġenna tal-​art oriġinali. Sakemm Adam u Eva kellhom it-​tfal, id-​dnub kien effettwa lir-​razza umana, u l-​ewwel raġel u mara eventwalment xjaħu u mietu. Dan juri li Ġeħova jżomm kelmtu. Iktar minn hekk, hu Alla taʼ ġustizzja perfetta. Ġeħova kien wissa lil Adam li jekk jiekol mill-​frott projbit kien se jmut—u hekk ġara.

9, 10. (a) Id-​dixxendenti t’Adam għala jmutu? (b) Kif nistgħu ninħelsu mill-​mewt eterna?

9 Bħala d-​dixxendenti t’Adam, aħna writna ġisem imperfett li hu suġġettat għad-​dnub u eventwalment għall-​mewt. Meta Adam dineb, aħna wkoll sirna midinbin, avolja konna għadna ma twilidniex bħala d-​dixxendenti tiegħu. Għalhekk, il-​kundanna tal-​mewt inkludiet lilna. Kieku Ġeħova kellu jelimina l-​proċess tax-​xjuħija u l-​mewt mingħajr il-​ħlas taʼ fidwa, kieku ma jkunx żamm kelmtu. Fil-​fatt, Pawlu tkellem għalina lkoll meta qal: “Aħna nafu li l-​Liġi hi spiritwali; imma jien tal-​laħam, mibjugħ lid-​dnub. Bniedem miżerabbli li jien! Min jeħlisni mill-​ġisem li qed iġarrab din il-​mewt?”—Rum. 7:14, 24.

10 Alla Ġeħova biss setaʼ jipprovdi l-​bażi legali li biha setaʼ b’mod ġust jaħfrilna dnubietna u jeħlisna mill-​piena taʼ mewt eterna. Dan għamlu billi mis-​sema bagħat lil Ibnu l-​maħbub biex jitwieled bħala bniedem perfett, li setaʼ jagħti ħajtu bħala fidwa għalina. Għall-​kuntrarju t’Adam, Ġesù baqaʼ perfett. Tabilħaqq, “hu m’għamel ebda dnub.” (1 Pt. 2:22) B’hekk, Ġesù kellu l-​potenzjal li jnissel razza umana perfetta. Madankollu, minflok hu ħalla l-​għedewwa t’Alla joqtluh sabiex ikun jistaʼ jadotta d-​dixxendenti midinbin t’Adam u jagħmilha possibbli għal dawk li jeżerċitaw il-​fidi fih biex jirċievu ħajja taʼ dejjem. L-​Iskrittura tispjega: “Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-​bnedmin, Kristu Ġesù, bniedem li ta lilu nnifsu għal kulħadd bħala fidwa ekwivalenti.”—1 Tim. 2:5, 6.

11. (a) Il-​benefiċċji tal-​fidwa maʼ xiex jistgħu jiġu mxebbhin? (b) Kemm huma estensivi l-​benefiċċji tal-​fidwa?

11 Il-​mod kif taħdem il-​fidwa jistaʼ jiġi mxebbah mas-​sitwazzjoni taʼ nies li nsterqilhom dak kollu li kellhom imfaddal minn bank korrott, u b’hekk spiċċaw bid-​dejn. Is-​sidien tal-​bank b’mod ġust jiġu kundannati għal xi snin il-​ħabs. Imma xi ngħidu għall-​vittmi innoċenti? Minħabba li spiċċaw foqra, huma m’għandhom ebda soluzzjoni għaċ-​ċirkustanzi tagħhom sakemm ma jkunx hemm xi raġel qalbu tajba u sinjur li jieħu kontroll tal-​bank u jagħti lura lill-​vittmi l-​flus tagħhom kollha, u jeħlishom mid-​dejn. B’mod simili, Alla Ġeħova u Ibnu l-​maħbub xtraw in-​nisel t’Adam u ħassru d-​dejn tagħhom tad-​dnub fuq il-​bażi tad-​demm imxerred taʼ Ġesù. Dan hu għala Ġwanni l-​Għammied setaʼ jgħid dan dwar Ġesù: “Ara, il-​Ħaruf t’Alla li jneħħi d-​dnub tad-​dinja!” (Ġw. 1:29) Id-​dinja tal-​umanità li d-​dnubiet tagħha jitneħħew tinkludi mhux biss il-​ħajjin imma anki l-​mejtin.

Dak li Swiet il-​Fidwa

12, 13. X’nistgħu nitgħallmu mill-​fatt li Abraham kien lest li jissagrifika lil Iżakk?

12 Huwa impossibbli għalina li nifhmu eżattament kemm il-​fidwa switilhom lil Missierna tas-​sema u lil Ibnu l-​maħbub. Imma l-​Bibbja fiha esperjenzi li jistgħu jgħinuna nimmeditaw fuq din il-​kwistjoni. Pereżempju, immaġina kif setaʼ ħassu Abraham hekk kif għamel vjaġġ taʼ tlett ijiem lejn Morija biex jobdi l-​kmand t’Alla: “Jekk jogħġbok, ħu lil ibnek Iżakk, l-​uniku iben tiegħek li tant tħobb, u vvjaġġa lejn l-​art taʼ Morija u hemmhekk offrih bħala offerta tal-​ħruq fuq waħda mill-​muntanji li ngħidlek jien.”—Ġen. 22:2-​4.

13 Abraham fl-​aħħar wasal fil-​post magħżul. Aħseb dwar kemm kien taʼ qsim il-​qalb għalih li jorbot idejn u saqajn Iżakk u jqiegħdu mimdud fuq l-​artal li Abraham stess kien bena. Min jaf kemm kien taʼ wġigħ għal Abraham li jgħolli s-​sikkina li biha kien se joqtol lil ibnu! Immaġina kif ħassu Iżakk hekk kif hu kien mimdud fuq l-​artal jistenna l-​uġigħ hekk kif jiġi minfud b’sikkina li taqtaʼ u li kienet se twassal għal mewtu. L-​anġlu taʼ Ġeħova waqqaf lil Abraham eżatt fil-​waqt. Dak li għamlu Abraham u Iżakk f’din l-​okkażjoni jgħinna nifhmu kemm swietlu lil Ġeħova li jħalli l-​aġenti taʼ Satana joqtlu lil Ibnu. Il-​kooperazzjoni t’Iżakk m’Abraham turi sew kemm Ġesù kien lest li jsofri u jmut għalina.—Ebr. 11:17-​19.

14. Liema inċident fil-​ħajja taʼ Ġakobb jgħinna napprezzaw kemm swiet il-​fidwa?

14 Kemm swiet il-​fidwa jistaʼ jidher ukoll minn inċident fil-​ħajja taʼ Ġakobb. Minn uliedu kollha, Ġakobb kien iħobb lil Ġużeppi l-​iktar. B’sogħba, ħut Ġużeppi kienu jgħiru għalih u jobogħduh. Madankollu, Ġużeppi kien lest li jintbagħat minn missieru biex jara kif kienu ħutu li kienu qed jirgħu l-​merħla taʼ Ġakobb xi 100 kilometru mid-​dar tagħhom f’Ħebron, li kienet fit-​Tramuntana. Immaġina kif ħassu Ġakobb meta wliedu rritornaw bil-​libsa taʼ Ġużeppi mimlija demm! “Din hi l-​libsa taʼ ibni!” esklama hu. “Bilfors li kilitu bhima salvaġġa feroċi! Ġużeppi żgur li hu mqattaʼ bċejjeċ!” Dan kollu kellu impatt kbir fuq Ġakobb li baqaʼ mnikket għal ħafna jiem minħabba Ġużeppi. (Ġen. 37:33, 34) Ġeħova ma jirreaġixxix għas-​sitwazzjonijiet eżattament kif jagħmlu l-​bnedmin imperfetti. Madankollu, jekk nimmeditaw fuq dan l-​inċident fil-​ħajja taʼ Ġakobb jistaʼ jgħinna nifhmu, sa ċertu punt, kif ħassu Alla meta Ibnu l-​maħbub ġie maltrattat u b’kefrija nqatel bħala bniedem fuq l-​art.

Nibbenefikaw mill-​Fidwa

15, 16. (a) Ġeħova kif wera li aċċetta l-​fidwa? (b) Int kif ibbenefikajt mill-​fidwa?

15 Alla Ġeħova rxoxta lill-​Iben leali tiegħu b’ġisem spirtu glorjuż. (1 Pt. 3:18) Għal 40 jum, Ġesù rxoxtat deher lid-​dixxipli tiegħu biex isaħħilhom il-​fidi u jippreparahom għal xogħol kbir t’evanġelizzar li kellhom quddiemhom. Imbagħad telaʼ s-​sema. Hemmhekk offra l-​valur tad-​demm imxerred tiegħu lil Alla biex jintuża għan-​nom tas-​segwaċi veri tiegħu, li jeżerċitaw il-​fidi fil-​valur tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa tiegħu. Alla Ġeħova wera li aċċetta l-​fidwa taʼ Kristu billi inkariga lil Ġesù biex iferraʼ l-​ispirtu qaddis fuq id-​dixxipli tiegħu li kienu miġburin flimkien f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K.—Atti 2:33.

16 Dawn is-​segwaċi midlukin taʼ Kristu mill-​ewwel bdew iħeġġu lil sħabhom il-​bnedmin biex jinħelsu mill-​korla t’Alla billi jitgħammdu f’isem Ġesù Kristu ħalli jinħafrulhom dnubiethom. (Aqra Atti 2:38-​40.) Minn dak il-​jum storiku sal-​lum, miljuni taʼ nies mill-​ġnus kollha daħlu f’relazzjoni m’Alla fuq il-​bażi taʼ fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa. (Ġw. 6:44) F’dan il-​punt tad-​diskussjoni, għandna bżonn nikkunsidraw żewġ mistoqsijiet oħrajn: Hemm xi ħadd minna li ngħata t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem minħabba x-​xogħlijiet tajbin li għamel? Ladarba rċivejna din it-​tama tal-​għaġeb, nistgħu nitilfuha?

17. Kif għandek tqis il-​barka meraviljuża li tkun ħabib t’Alla?

17 Il-​fidwa xejn mhi mistħoqqa. Imma billi jeżerċitaw il-​fidi fiha, miljuni llum saru ħbieb t’Alla u għandhom it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’art magħmula ġenna. Madankollu, li nkunu ħbieb taʼ Ġeħova mhijiex assiguranza li se nibqgħu f’relazzjoni bħal din miegħu. Biex insalvaw mill-​jum tal-​korla t’Alla fil-​futur, irridu nibqgħu nuru l-​apprezzament kbir tagħna għall-​“fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.”—Rum. 3:24; aqra Filippin 2:12.

Ibqaʼ Eżerċita l-​Fidi fil-​Fidwa

18. L-​eżerċitar tal-​fidi fil-​fidwa x’jinkludi?

18 It-​tema Skritturali taʼ dan l-​artiklu, Ġwanni 3:36, turi li l-​eżerċitar tal-​fidi fil-​Mulej Ġesù Kristu jinkludi ubbidjenza lejh. Apprezzament għall-​fidwa għandu jqanqalna ngħixu fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù, inkluż dak li għallem dwar il-​morali. (Mk. 7:21-​23) “Ġejja l-​korla t’Alla” fuq dawk kollha li mingħajr ma jindmu jieħdu sehem fi prattiki bħaż-​żína, ġesti oxxeni, u “nuqqas taʼ ndafa taʼ kull xorta,” fosthom li dak li jkun jibqaʼ jara l-​pornografija.—Efes. 5:3-​6.

19. B’liema modi pożittivi nistgħu nuru l-​fidi tagħna fil-​fidwa?

19 L-​apprezzament tagħna għall-​fidwa għandu jżommna beżlin f’“għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” (2 Pt. 3:11) Ejja nwarrbu biżżejjed ħin għal talb regulari u bil-​ħrara, studju tal-​Bibbja persunali, attendenza għal-​laqgħat, qima tal-​familja, u sehem żeluż fl-​attività tal-​ippritkar tas-​Saltna. U jalla ‘ma ninsewx nagħmlu l-​ġid u naqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.’—Ebr. 13:15, 16.

20. Dawk kollha li jibqgħu jeżerċitaw il-​fidi fil-​fidwa, liema barka jistgħu jistennew fil-​futur?

20 Meta tfaqqaʼ l-​korla taʼ Ġeħova fuq din is-​sistema mill-​agħar, kemm se nkunu ferħanin li eżerċitajna l-​fidi fil-​fidwa u wrejna apprezzament kontinwu għaliha! U fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda minn Alla, se nkunu grati għal dejjem għal dan il-​provvediment meraviljuż li salvana mill-​korla t’Alla.—Aqra Ġwanni 3:16; Rivelazzjoni 7:9, 10, 13, 14.

Int Kif Twieġeb?

• Għala għandna bżonn il-​fidwa?

• Kemm swiet il-​fidwa?

• Liema benefiċċji jiġu mill-​fidwa?

• Kif neżerċitaw il-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Il-​bieb biex nerġgħu nitħabbu maʼ Ġeħova hu miftuħ beraħ

[Stampa f’paġna 15]

Il-​meditazzjoni fuq dawn il-​ġrajjiet li jinvolvu lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb tistaʼ tgħinna napprezzaw kemm swiet il-​fidwa