Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-Għajnuna?
Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-Għajnuna?
“O Alla, għallem lis-sultan id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħek . . . Għax hu se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna.”—SALM 72:1, 12.
1. Fil-każ taʼ David, x’nitgħallmu dwar il-ħniena t’Alla?
KEMM hu inkuraġġanti dan il-kliem, li milli jidher inkiteb mis-Sultan David t’Israel tal-qedem! Snin qabel ma kitbu, hu ħass rimors wara li kkommetta l-adulterju maʼ Bat-seba. Dak iż-żmien, David talab bil-ħrara lil Alla: “Skond l-abbundanza tal-ħniniet tiegħek ħassar għalkollox in-nuqqasijiet tiegħi. . . . Dnubi quddiemi l-ħin kollu. . . . Ara! Fl-iżball jien twilidt bl-uġigħ tal-ħlas, u ommi nisslitni bid-dnub.” (Salm 51:1-5) Bi ħniena, Ġeħova jikkunsidra l-kundizzjoni midinba tagħna li writna.
2. Salm 72 kif jistaʼ jgħinna?
2 Ġeħova jifhem is-sitwazzjoni tal-biki tagħna. Madankollu, bħalma kien imbassar, is-Sultan midluk t’Alla “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u lill-magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu. Se jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir, u jsalva ħajjet il-foqra.” (Salm 72:12, 13) Kif se jiġi provdut is-serħan? Salm 72 jgħidilna. Din l-għanja, miktuba rigward il-ħakma taʼ Salamun bin David, tipprovdi dehra bil-quddiem taʼ kif il-ħakma taʼ Bin Alla, Ġesù Kristu, se teħles lill-umanità mill-hemm.
Stampa bil-Quddiem tal-Ħakma taʼ Kristu
3. Salamun għal xiex talab, u Alla x’tah?
3 Wara li qal li Salamun għandu jsir sultan, David li kien imdaħħal fiż-żmien tah istruzzjonijiet speċifiċi li Salamun wettaqhom bil-lealtà. (1 Slat. 1:32-35; 2:1-3) Ġeħova iktar tard deher lil Salamun f’ħolma u qal: “Itlobni xi tridni nagħtik.” Salamun talab għal ħaġa waħda biss: “Agħti lill-qaddej tiegħek qalb ubbidjenti biex jiġġudika lill-poplu tiegħek, biex jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin.” Minħabba t-talba umli taʼ Salamun, Alla tah dak li talab u iktar minn dan.—1 Slat. 3:5, 9-13.
4. Il-ħakma taʼ Salamun kif ġiet deskritta minn waħda ħakkiema fi żmienu?
4 Bil-barka taʼ Ġeħova, il-ħakma taʼ Salamun irriżultat fl-iktar perijodu rimarkevoli taʼ paċi u prosperità li qatt kien hawn taħt kwalunkwe gvern fuq l-art. (1 Slat. 4:25) Fost dawk li marru jaraw kif kienet il-ħakma taʼ Salamun kien hemm is-Sultana taʼ Xeba, flimkien maʼ grupp kbir li kien magħha. Hi qalet lil Salamun: “Il-kliem li smajt f’pajjiżi dwarek . . . huwa minnu. . . . Lanqas in-nofs ma kienu qaluli. L-għerf u l-ġid tiegħek jisbqu l-affarijiet li smajt.” (1 Slat. 10:1, 6, 7) Però, Ġesù wera ħafna iktar għerf, u b’mod xieraq setaʼ jgħid dwaru nnifsu: “Ara, xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—Mt. 12:42.
Serħan Taħt il-Ħakma taʼ Salamun Akbar
5. Salm 72 x’jirrivela, u liema stampa bil-quddiem jipprovdi?
5 Issa ejja neżaminaw xi aspetti taʼ Salm 72 bil-mira li nitgħallmu dwar il-barkiet taħt il-ħakma taʼ Ġesù Kristu, Salamun Akbar. (Aqra Salm 72:1-4.) Dan is-salm jirrivela kif iħossu Ġeħova dwar “il-ħakma taʼ prinċep” taʼ Ibnu, il-“Prinċep tal-Paċi,” Ġesù Kristu. (Is. 9:6, 7) Taħt id-direzzjoni t’Alla, Salamun Akbar se ‘jiddefendi l-kawża tal-magħkusin u jsalva lil ulied il-fqir.’ Il-ħakma tiegħu se tkun waħda taʼ paċi u sewwa. Waqt li kien fuq l-art, Ġesù ta stampa bil-quddiem taʼ dak li se jwettaq ir-Renju taʼ Elf Sena tiegħu li riesaq.—Riv. 20:4.
6. Ġesù liema lemħa ta tal-barkiet taħt il-ħakma tas-Saltna?
6 Ikkunsidra ftit mill-attivitajiet taʼ Ġesù Kristu li jagħtuna lemħa taʼ dak li se jagħmel għall-umanità biex iwettaq Salm 72. Għandna għal xiex inkunu impressjonati bil-mogħdrija kbira tiegħu għal dawk li kienu qed ibatu. (Mt. 9:35, 36; 15:29-31) Pereżempju, raġel mifni bil-ġdiem resaq lejn Ġesù u bil-ħniena talab: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù wieġbu: “Irrid. Indaf.” U r-raġel fieq! (Mk. 1:40-42) Iktar tard, Ġesù ltaqaʼ maʼ armla li l-uniku tifel tagħha kien miet. Ġesù “ħassu mqanqal u tħassarha,” u qal, “Qum!” u binha hekk għamel. Reġaʼ ħa l-ħajja!—Lq. 7:11-15.
7, 8. Liema kienu xi turijiet tal-qawwa li tfejjaq taʼ Ġesù?
7 Ġeħova ta l-qawwa lil Ġesù biex jagħmel il-mirakli. Dan intwera fil-każ taʼ “mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bi tnixxija taʼ demm.” Għalkemm “kienet batiet ferm taħt ħafna tobba u nefqet kulma kellha,” pjuttost marret għall-agħar. Il-mara daħlet f’nofs folla u messet lil Ġesù—dan kien ksur tal-liġi għal waħda li jkollha ‘tisfija kontinwa taʼ demm.’ (Lev. 15:19, 25) Ġesù ntebaħ li kienet ħarġet qawwa minnu, u għalhekk staqsa min kien messu. “Tirtogħod bil-biżaʼ,” il-mara “nxteħtet quddiemu u qaltlu l-verità kollha.” Billi rrealizza li Ġeħova kien fejjaq lill-mara, Ġesù ttrattaha b’qalb tajba u qal: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kiefra tiegħek.”—Mk. 5:25-27, 30, 33, 34.
8 Il-qawwiet taʼ fejqan li Ġesù ngħata minn Alla fejqu lill-morda imma żgur wkoll li kellhom effett qawwi fuq dawk li osservawh. Pereżempju, ħafna bla dubju baqgħu impressjonati meta raw lil Ġesù jfejjaq lin-nies qabel il-Prietka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. (Lq. 6:17-19) Meta Ġwanni l-Battista bagħat żewġ messaġġiera biex jikkonfermaw li Ġesù kien il-Messija, sabu lil Ġesù ‘jfejjaq lil ħafna li kienu morda jew magħdurin jew maħkumin minn spirti mill-agħar, u lil ħafna għomja wriehom ħniena u ġabhom jaraw.’ Ġesù mbagħad qal liż-żewġt irġiel: “Morru u għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: l-għomja qed jingħataw id-dawl, iz-zopop qed jimxu, l-imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-torox qed jisimgħu, il-mejtin qed jitqajmu, il-foqra qed tintqalilhom l-aħbar tajba.” (Lq. 7:19-22) Min jaf kemm dan il-messaġġ inkuraġġixxa lil Ġwanni!
9. Il-mirakli taʼ Ġesù taʼ xiex kienu dehra bil-quddiem?
9 Huwa minnu li s-serħan mit-tbatija li pprovda Ġesù matul il-ministeru tiegħu fuq l-art kien biss temporanju. Dawk in-nies li fejjaq jew irxoxta maż-żmien mietu. Però, il-mirakli li Ġesù għamel waqt li kien fuq l-art kienu dehra bil-quddiem tas-serħan dejjiemi li l-umanità se tgawdi taħt il-ħakma Messjanika tiegħu.
Dalwaqt Ikun Hawn Ġenna tal-Art mad-Dinja Kollha!
10, 11. (a) Il-barkiet tas-Saltna kemm se jdumu, u l-ħakma taʼ Ġesù kif se tkun? (b) Min se jkun maʼ Kristu fil-Ġenna, u kif se jkun jistaʼ jgħix għal dejjem?
10 Ipprova immaġina kif se tkun il-ħajja f’Ġenna fuq l-art. (Aqra Salm 72:5-9.) L-aduraturi tal-uniku Alla veru se jkunu jistgħu jgawdu l-ħajja f’Ġenna tal-art daqskemm idumu jeżistu x-xemx u l-qamar—iva, għal dejjem! Il-ħakma tas-Sultan Ġesù Kristu żgur se tkun rifreskanti, ‘bħax-xita fuq il-ħaxix maħsud u ħalbiet spissi li jxarrbu l-art.’
11 Hekk kif iġġib quddiem għajnejk it-twettiq taʼ dan is-salm, ma titqanqalx qalbek bit-tama li tgħix għal dejjem f’Ġenna tal-art? Ċertament li r-raġel ħażin li ġie msammar maʼ zokk tgħaxxaq meta Ġesù qallu: “Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Lq. 23:43) Matul ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù, dan ir-raġel se jerġaʼ jingħata l-ħajja. Jekk jissottometti ruħu għall-ħakma taʼ Kristu se jkun jistaʼ jgħix fuq l-art għal dejjem f’saħħa perfetta u ferħan.
12. Matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu, liema opportunità se tkun miftuħa għal dawk li mhumiex sewwa li jiġu rxoxtati?
12 Taħt il-ħakma taʼ Salamun Akbar, Ġesù Kristu, “il-ġust jinbet,” jiġifieri, se jiffjorixxi jew joktor. (Salm 72:7) L-imħabba u l-ħarsien teneru taʼ Kristu mbagħad se jkunu abbundanti, sewwasew bħalma kienu meta kien fuq l-art. Fid-dinja l-ġdida mwiegħda t’Alla, anki “dawk li m’humiex sewwa” li jiġu rxoxtati se jingħataw opportunità kollha mħabba biex iġibu ħajjithom fi qbil mal-livelli taʼ Ġeħova u jgħixu. (Atti 24:15) M’għandniex xi ngħidu, dawk li jirrifjutaw li jaġixxu fi qbil mal-ħtiġijiet t’Alla mhux se jitħallew jibqgħu jgħixu u jħassru l-paċi u t-trankwillità tad-dinja l-ġdida.
13. Il-ħakma tas-Saltna kemm se tkun estensiva, u l-paċi tagħha għala qatt ma se tiġi mfixkla?
13 Il-fatt li l-ħakma taʼ Salamun Akbar se tkopri l-art kollha hu indikat b’dan il-kliem: “Ikollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-Xmara [Ewfrat] sa truf l-art. Quddiemu jmilu l-abitanti tar-reġjuni bla ilma, u l-għedewwa tiegħu jilagħqu t-trab.” (Salm 72:8, 9) Iva, Ġesù Kristu se jaħkem fuq l-art kollha kemm hi. (Żak. 9:9, 10) Dawk li japprezzaw il-ħakma tiegħu u l-barkiet tagħha minn jeddhom se “jmilu” b’sottomissjoni. Mill-banda l-oħra, midinbin mhux niedma se jitqaċċtu ’l barra, biex ngħidu hekk, taʼ “mitt sena.” (Is. 65:20) Huma se “jilagħqu t-trab.”
Ġesù Għandu Interess Kollu Mogħdrija Fina
14, 15. Kif nafu li Ġesù jifhem is-sentimenti tal-bnedmin u li “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna”?
14 L-umanità midinba tinsab f’kundizzjoni tal-biki u għandha bżonn l-għajnuna b’mod iddisprat. Imma hemm tama għalina. (Aqra Salm 72:12-14.) Ġesù, Salamun Akbar, jagħdirna għax jifhem il-kundizzjoni imperfetta tagħna. Iżjed minn hekk, Ġesù sofra minħabba s-sewwa, u Alla ħallieh jiffaċċja l-provi waħdu. Ġesù tant sofra niket emozzjonali li “l-għaraq tiegħu beda nieżel fl-art bħal qtar tad-demm”! (Lq. 22:44) Iktar tard, fuq iz-zokk tat-tortura, hu għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” (Mt. 27:45, 46) Minkejja dak kollu li bata, u għalkemm Satana għamel sforz kbir biex ibiegħdu minn Ġeħova, Ġesù baqaʼ leali lejn Alla Ġeħova.
15 Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jara l-uġigħ tagħna u “se jeħles lill-fqir li jgħajjatlu għall-għajnuna, u lill-magħkus u lil kulmin m’għandux min jgħinu.” B’interess kollu mħabba bħal dak taʼ Missieru, Ġesù se “jismaʼ lill-foqra” u se ‘jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma u jinfaxxalhom il-ġrieħi li juġgħuhom.’ (Salm 69:33; 147:3) Ġesù jistaʼ “jagħder id-dgħjufijiet tagħna,” għax hu “ġie provat fl-aspetti kollha bħalna.” (Ebr. 4:15) Kemm hu tajjeb li nkunu nafu li s-Sultan Ġesù Kristu issa qed jaħkem fis-sema u hu ħerqan li jġib serħan għall-bnedmin li qed ibatu!
16. Salamun għala kien kapaċi jagħder is-sudditi tiegħu?
16 Minħabba li kellu l-għerf u d-dehen, Salamun bla dubju ‘ddispjaċieh għall-batut.’ Wara kollox, il-ħajja tiegħu kienet mimlija ġrajjiet taʼ niket u trawmatiċi. Ħuh Amnon stupra lil oħtu Tamar, u Absalom, ħu Salamun, qatel lil Amnon għal dan l-att kriminali. (2 Sam. 13:1, 14, 28, 29) Absalom ħataf it-tron taʼ David, imma r-ribelljoni tiegħu falliet, u nqatel minn Ġowab. (2 Sam. 15:10, 14; 18:9, 14) Iktar tard, Adonija, ħu Salamun, ipprova jagħmel lilu nnifsu sultan. Kieku rnexxielu, bla dubju dan kien ifisser mewt għal Salamun. (1 Slat. 1:5) Il-fatt li Salamun fehem it-tbatija umana jidher f’dak li qal f’talba fl-inawgurazzjoni tat-tempju taʼ Ġeħova. Rigward is-sudditi tiegħu, is-sultan talab: “Kull wieħed jaf il-kastig tiegħu u l-uġigħ tiegħu . . . [Ġeħova] aħfer u agħti lil kull wieħed skond triqatu kollha.”—2 Kron. 6:29, 30.
17, 18. Xi wħud mill-qaddejja t’Alla kellhom ikampaw maʼ liema wġigħ, u x’għenhom jagħmlu dan?
17 ‘L-uġigħ tagħna’ jistaʼ jiġi mill-effetti taʼ ċerti esperjenzi fil-ħajja tal-passat. Mary, a Xhud taʼ Ġeħova li għandha fuq it-30 sena tikteb: “Għandi kull raġun biex inkun ferħana, imma spiss il-passat tiegħi jqanqal fija sentimenti taʼ mistħija u għajb. Dan jirriżulta f’niket profond, u spiss nibki, bħallikieku kollox seħħ il-bieraħ. Memorji mnaqqxin f’moħħi għadhom jipproduċu sentimenti qawwijin taʼ ħtija u taʼ li ma niswa għalxejn.”
18 Ħafna mill-qaddejja t’Alla jistgħu jifhmu dawn is-sentimenti, imma x’jistaʼ jgħinhom jiksbu s-saħħa li għandhom bżonn sabiex jissaportu? “Ħbieb ġenwini u familja spiritwali issa jagħmluni ferħana,” tgħid Mary. “Ukoll nipprova niffoka fuq dak li jwiegħed Ġeħova għall-futur, u għandi fiduċja li l-għajta tiegħi għall-għajnuna se tinbidel f’għajta taʼ ferħ.” (Salm 126:5) Irridu npoġġu t-tama tagħna fil-provvediment t’Alla, dak taʼ Ibnu, il-Ħakkiem maħtur tiegħu. Dwaru ġie mbassar: “Se jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir, u jsalva ħajjet il-foqra. Mill-moħqrija u mill-vjolenza se jifdilhom ruħhom, u demmhom ikun prezzjuż f’għajnejh.” (Salm 72:13, 14) Kemm hu rassiguranti dan!
Dinja Ġdida t’Abbundanza Qed Tistenniena
19, 20. (a) Bħalma hu indikat f’Salm 72, liema problema se tiġi solvuta mill-ħakma tas-Saltna? (b) Il-krettu għall-ħakma taʼ Kristu lil min għandu jingħata primarjament, u kif tħossok dwar dak li se twettaq?
19 Erġaʼ pprova immaġina l-futur taʼ bnedmin retti fid-dinja l-ġdida t’Alla taħt il-ħakma taʼ Salamun Akbar. “Se jkun hemm ħafna qmuħ fuq l-art,” niġu mwegħdin. “Fuq il-qċaċet tal-muntanji jkun hemm iżżejjed.” (Salm 72:16) Ladarba l-qmuħ ġeneralment ma jikbrux fuq il-qċaċet tal-muntanji, dan il-kliem jenfasizza kemm l-art se ssir produttiva. Se tipproduċi ‘daqs il-Libanu,’ reġjun li pproduċa bl-abbundanza fi żmien il-ħakma taʼ Salamun. Aħseb ftit! Ma jkunx hemm iktar nuqqas taʼ ikel, ħadd ma se jkun mingħajr ikel sustanzjuż, ħadd ma se jkun mejjet bil-ġuħ! Imbagħad kulħadd se jgawdi “ikla kbira bi platti mħawrin sew biż-żejt.”—Is. 25:6-8; 35:1, 2.
20 Lil min se jingħata l-krettu għal dawn il-barkiet kollha? Primarjament lis-Sultan Etern u l-Ħakkiem Universali, Alla Ġeħova. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna mbagħad se ningħaqdu b’leħen wieħed fl-aħħar parti taʼ din l-għanja sabiħa u li tqawwi l-qalb: “Ħa jibqaʼ ismu [dak tas-Sultan Ġesù Kristu] għal dejjem; ħa jdum ismu sakemm iddum ix-xemx, u permezz tas-sultan ħa jbierku lilhom infushom; ħa jiddikjarawh hieni l-ġnus kollha. Ikun imbierek Alla Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li hu waħdu qed jagħmel għemejjel taʼ l-għaġeb. Ikun imbierek l-isem glorjuż tiegħu għal dejjem, u ħa timtela l-art kollha bil-glorja tiegħu. Amen u Amen.”—Salm 72:17-19.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
Int Kif Twieġeb?
• Salm 72 b’mod profetiku taʼ xiex ta stampa bil-quddiem?
• Min hu Salamun Akbar, u l-ħakma tiegħu kemm se tkun estensiva?
• Int personalment x’jogħġbok dwar il-barkiet imbassrin f’Salm 72?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
Il-prosperità li kien hemm matul il-ħakma taʼ Salamun xi ffigurat bil-quddiem?
[Stampa f’paġna 32]
Hu mistħoqq kull sforz li nagħmlu biex niksbu l-ħajja f’Ġenna tal-art taħt il-ħakma taʼ Salamun Akbar