Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Ġesù għala setaʼ jgħid lil mara li kienet magħrufa bħala midinba li dnubietha kienu maħfurin?—Lq. 7:37, 48.

Hekk kif Ġesù kien mal-​mejda għall-​ikel fid-​dar taʼ Fariżew li kien jismu Xmun, mara ‘qagħdet wara Ġesù ħdejn saqajh.’ Xarrbitlu saqajh bid-​dmugħ tagħha u xxottathomlu b’xagħarha. Imbagħad b’tenerezza bisitlu saqajh u dilkithomlu b’żejt ifuħ. Il-​mara “fil-​belt kienet magħrufa bħala midinba,” jgħid ir-​rakkont tal-​Evanġelju. Huwa minnu li kull bniedem imperfett huwa midneb, imma l-​Iskrittura s-​soltu tuża dan it-​terminu biex tiddeskrivi individwu li d-​dnubiet tiegħu huma magħrufin sew jew li għandu reputazzjoni li jidneb. X’aktarx li l-​mara kienet prostituta. Kien lil persuna bħal din li Ġesù qal: “Dnubietek maħfurin.” (Lq. 7:36-​38, 48) X’ried ifisser Ġesù b’dan? Ladarba s-​sagrifiċċju tal-​fidwa kien għadu ma ġiex offrut, kif kienet possibbli din il-​maħfra?

Wara li l-​mara ħaslet u dilket saqajn Ġesù imma qabel ma ħafrilha, Ġesù uża tixbiha biex jispjega punt importanti lil Xmun, dak li stiednu. Billi xebbah id-​dnub maʼ dejn li hu kbir wisq biex jitħallas lura, Ġesù qal lil Xmun: “Żewġt irġiel kellhom id-​dejn maʼ wieħed li jislef il-​flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-​ieħor ħamsin. Meta ma kellhomx biex iħallsuh, qabad u ħafrilhom kollox. Għalhekk, min minnhom se jħobbu l-​iktar?” Bi tweġiba Xmun qal: “Nimmaġina li dak li nħafirlu l-​iktar.” Ġesù wieġbu: “Iġġudikajt sew.” (Lq. 7:41-​43) Ilkoll kemm aħna obbligati li nobdu lil Alla, allura meta ma nobduhx u nidinbu, nonqsu milli nħallsu lil Alla dak li hu dovut lilu. B’hekk nakkumulaw id-​dejn. Però, Ġeħova huwa bħal wieħed li jislef u li hu lest li jaħfer id-​djun. Għal dan il-​fatt, Ġesù inkuraġġixxa lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu lil Alla u jistaqsu: “Aħfrilna d-​djun tagħna, bħalma aħna wkoll ħfirna lil min kellu d-​dejn magħna.” (Mt. 6:12) Luqa 11:4 jidentifika dawn id-​djun bħala dnubiet.

Fil-​passat, Alla fuq liema kundizzjonijiet ħafer id-​dnubiet? Il-​ġustizzja perfetta tiegħu tirrikjedi l-​piena tal-​mewt għad-​dnub. Għalhekk, Adam ħallas b’ħajtu għal dnubu. Però, taħt il-​Liġi li Alla ta lill-​ġens t’Israel, id-​dnubiet taʼ wieħed ħati setgħu jiġu maħfurin billi jissagrifika annimal lil Ġeħova. L-​appostlu Pawlu qal: “Kważi kollox jitnaddaf bid-​demm skond il-​Liġi, u jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” (Ebr. 9:22) Il-​Lhud ma kinux jafu b’mod ieħor kif il-​maħfra setgħet tinkiseb mingħand Alla. Allura mhux sorprendenti li osservaturi fi żmien Ġesù oġġezzjonaw għal dak li qal lil din il-​mara. Dawk li kienu mal-​mejda maʼ Ġesù qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Min hu dan ir-​raġel li saħansitra jaħfer id-​dnubiet?” (Lq. 7:49) Allura fuq liema bażi l-​ħtijiet taʼ din il-​mara mimlija dnubiet setgħu jiġu maħfurin?

L-​ewwel profezija, li tlissnet wara li l-​ewwel koppja umana rribellat, iddikjarat l-​iskop taʼ Ġeħova biex iqajjem ‘nisel’ li kien se jinsaħaq fl-​għarqub minn Satana u ‘nislu.’ (Ġen. 3:15) Dan it-​tisħiq seħħ meta Ġesù ġie maqtul mill-​għedewwa t’Alla. (Gal 3:13, 16) Id-​demm imxerred taʼ Kristu jservi bħala l-​fidwa li teħles lill-​umanità mid-​dnub u l-​mewt. Minħabba li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova milli jwettaq l-​iskop tiegħu, hekk kif intqal il-​kliem miktub f’Ġenesi 3:15, Alla qies il-​fidwa bħallikieku kienet diġà tħallset. Issa hu setaʼ jaħfer lil dawk li eżerċitaw fidi fil-​wegħdi tiegħu.

Matul iż-​żmien taʼ qabel il-​Kristjanità, Ġeħova qies lil diversi wħud bħala ġusti. Fosthom kien hemm Enok, Noè, Abraham, Raħab, u Ġob. Bil-​fidi huma ħarsu ’l quddiem għat-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla. “Abraham poġġa l-​fidi f’Ġeħova,” kiteb id-​dixxiplu Ġakbu, “u dan ngħaddlu bħala ġustizzja.” Rigward Raħab, Ġakbu qal: “Bl-​istess mod ma kinitx ukoll Raħab il-​prostituta dikjarata ġusta bl-​għemejjel?”—Ġak. 2:21-​25.

Is-​Sultan David t’Israel tal-​qedem għamel diversi dnubiet serji, imma kellu fidi soda fl-​Alla l-​veru u wera ndiema ġenwina kull darba. Iktar minn hekk, l-​Iskrittura tgħid: “Alla [ta lil Ġesù] bħala offerta propizjatorja permezz tal-​fidi f’demmu. Dan kien sabiex juri l-​ġustizzja tiegħu, għax kien qed jaħfer id-​dnubiet li seħħew fil-​passat waqt li Alla kien qed jeżerċita t-​tolleranza; sabiex juri l-​ġustizzja tiegħu f’dan iż-​żmien stabbilit, biex ikun ġust anki meta jiddikjara ġust lill-​bniedem li jkollu fidi f’Ġesù.” (Rum. 3:25, 26) Fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù li kellu jkun provdut fil-​futur, Ġeħova setaʼ jaħfer il-​ħtijiet taʼ David mingħajr ma jmur kontra l-​ħtiġijiet Tiegħu stess għall-​ġustizzja.

Evidentement, is-​sitwazzjoni tal-​mara li dilket saqajn Ġesù kienet simili. Kienet għexet ħajja immorali, imma kienet nidmet. Hi għarfet il-​bżonn li tiġi mifdija mid-​dnub u bl-​azzjonijiet tagħha wriet li verament kienet tapprezza lill-​individwu li permezz tiegħu Ġeħova pprovda din il-​fidwa. Għalkemm kien għadu se jseħħ, dan is-​sagrifiċċju tant kien ċert li l-​valur tiegħu setaʼ jiġi applikat minn qabel lil individwi bħalha. Għalhekk, Ġesù qalilha: “Dnubietek maħfurin.”

Bħalma juri b’mod ċar dan ir-​rakkont, Ġesù m’evitax lill-​midinbin. Għamel it-​tajjeb magħhom. Iktar minn hekk, Ġeħova huwa lest li jaħfer lill-​midinbin li jindmu. X’assiguranza mill-​isbaħ u inkuraġġanti hu dan għalina l-​bnedmin imperfetti!

[Stampa f’paġna 7]

Ngħaddilhom bħala ġustizzja