Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!

Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!

Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!

STEDINA miftuħa għal xiex? Biex iżżur wieħed mill-​uffiċċji tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, li ġeneralment nirreferu għalihom bħala Betel. Hemm 118 minn dawn iċ-​ċentri f’diversi pajjiżi. Il-​viżitaturi spiss jesprimu l-​apprezzament tagħhom mill-​qalb għal dak li jaraw iseħħ f’Betel.

Wara li ra ħafna ħaddiema beżlin jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ fl-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Messiku, student tal-​Bibbja żagħżugħ tant baqaʼ impressjonat li staqsa: “Xi rrid nagħmel biex nibqaʼ hawn?” Wiġbuh: “L-​ewwel trid titgħammed. Imbagħad ikun tajjeb li taqdi bħala pijunier—proklamatur tas-​Saltna full-​time.” Iż-​żagħżugħ segwa s-​suġġerimenti, u sentejn wara ġie mistieden biex jaqdi fil-​Betel tal-​Messiku, fejn ilu jaqdi għal dawn l-​aħħar 20 sena.

X’Inhi Betel?

Fil-​lingwa Ebrajka, “Betel” tfisser “Dar t’Alla.” (Ġen. 28:19, ntt.) Il-​faċilitajiet taʼ diversi uffiċċji tal-​fergħa jintużaw biex jistampaw u jqassmu Bibbji u letteratura Biblika u biex jipprovdu għajnuna spiritwali lil iktar minn 100,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja. Kważi 20,000 ħaddiem f’Betel—irġiel u nisa minn ħafna sfondi soċjali u kulturali differenti—bla egoiżmu jaqdu lil Ġeħova u lil ħuthom spiritwali full-​time. Dawk li qattgħu ħafna snin f’dan ix-​xogħol Kristjan jaqdu spalla maʼ spalla maʼ żgħażagħ enerġetiċi. Filgħaxijiet u fi tmiem il-​ġimgħa, membri taʼ familji Betel jieħdu gost jassoċjaw maʼ kongregazzjonijiet fil-​qrib tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​laqgħat u fil-​ministeru Kristjan. Ukoll, jużaw il-​ħin liberu tagħhom għall-​istudju tal-​Bibbja, ir-​rikreazzjoni, u biex jieħdu ħsieb affarijiet persunali.

Membri tal-​familja Betel jirċievu xi ħaġa żgħira tal-​flus kull xahar. Huma jgawdu ikliet bnien u sustanzjużi u jgħixu fi kmamar nodfa u komdi. Id-​djar taʼ Betel mhumiex disinjati biex ikunu lussużi. Madankollu, huma prattiki. Il-​viżitaturi mhumiex biss impressjonati bil-​bini u l-​ambjent tal-​madwar li jinżammu f’kundizzjoni tajba u b’kif kollox jimxi ħarir, imma wkoll bl-​ispirtu taʼ qalb tajba u kooperazzjoni li jispikka f’Betel. Kulħadd jaħdem b’mod diliġenti, però ħadd m’għandu wisq x’jagħmel biex ma jkunx dħuli. F’Betel la hemm distinzjonijiet soċjali u lanqas sentimenti taʼ superjorità minħabba l-​inkarigu taʼ dak li jkun. Kull inkarigu hu importanti, kemm jekk hu tindif, ġardinaġġ, tisjir, kif ukoll jekk hu xogħol fi stamperija jew f’uffiċċju. Il-​Beteliti, bħalma huma magħrufin dawk li jaqdu f’Betel, jaħdmu flimkien bħala tim biex jappoġġaw il-​ministeru tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.—Kol. 3:23.

Ejja Niltaqgħu maʼ Xi Wħud mill-​Beteliti

Ejja nsiru nafu ftit iktar lil dawk li jifformaw din il-​familja internazzjonali. X’qanqalhom ikunu jridu jaqdu f’Betel? Ikkunsidra l-​każ taʼ Mario. Meta sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, Mario kellu xogħol li jrendi ħafna maʼ kumpanija Ġermaniża prestiġjuża tal-​vetturi u kellu opportunità biex javanza. Ftit wara l-​magħmudija tiegħu, hu offra biex iqattaʼ ġimgħa jaħdem fil-​Betel taʼ pajjiżu. Bagħtuh jgħin fl-​istamperija. Mario setaʼ jara l-​kuntrast kbir bejn sħabu tax-​xogħol f’Betel u dawk tax-​xogħol sekulari tiegħu. Għalhekk, applika biex jaqdi full-​time f’Betel. Għalkemm ħafna mill-​qraba u l-​kollegi sabuha diffiċli biex jifhmu d-​deċiżjoni tiegħu, Mario issa qed jaqdi bil-​ferħ fil-​Betel tal-​Ġermanja.

Ħafna jidħlu fis-​servizz taʼ Betel mingħajr ebda abbiltà jew edukazzjoni speċjali. Dan kien minnu fil-​każ taʼ Abel, li ilu jaqdi fil-​Betel tal-​Messiku għal 15-​il sena. “Betel kienet skola taʼ vera għalija,” jgħid hu. “Tgħallimt inħaddem stamperiji sofistikati ħafna. Naf li b’dan l-​għarfien kieku nistaʼ naqlaʼ ħafna flus barra minn Betel, imma kieku ma jkollix dak li ngawdi hawnhekk—ħajja trankwilla u sodisfaċenti mingħajr l-​inkwiet u l-​kompetizzjoni li hemm f’ħafna mill-​postijiet tax-​xogħol kummerċjali. Inħoss li ngħatajt l-​aqwa edukazzjoni possibbli, waħda li għenitni niżviluppa kemm spiritwalment kif ukoll intellettwalment. Lanqas fl-​aqwa università ma kont nirċievi benefiċċji spiritwali bħal dawn.”

Żjara Tistaʼ Tkun Inkuraġġanti

Anki sempliċi żjara f’Betel jistaʼ jkollha effett pożittiv fuq l-​ispiritwalità taʼ dak li jkun. Dan kien minnu fil-​każ taʼ Omar, fil-​Messiku. Ommu għallmitu l-​veritajiet tal-​Bibbja. Imma fl-​età taʼ 17-​il sena, Omar waqaf jattendi l-​laqgħat Kristjani u ma baqax jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku. Eventwalment involva ruħu f’vizzji u f’ħajja materjalistika. Iktar tard, meta kien qed jaħdem għal kumpanija tal-​komunikazzjonijiet, Omar kien parti minn grupp li żaru l-​Betel fil-​Messiku biex juru xi apparat. Omar jikkummenta: “Wara t-​turija tagħna, dawk li stidnuna dawruna mal-​faċilitajiet. Dak li rajt u l-​mod dħuli kif ittrattawni qanqluni nirrifletti fuq il-​ħajja li kont qed ngħix imbiegħda minn Ġeħova. Mill-​ewwel erġajt bdejt nattendi l-​laqgħat u nistudja l-​Bibbja. Sitt xhur wara ż-​żjara tiegħi f’Betel tgħammidt. Nirringrazzja lil Ġeħova għall-​motivazzjoni li rċivejt permezz taʼ dik iż-​żjara f’Betel.”

Masahiko, fil-​Ġappun, ukoll trabba f’familja tax-​Xhieda. Madankollu, beda jħares lejn il-​ħajja Kristjana bħala li hi restrittiva żżejjed. Hu beda jkollu sehem kbir fl-​attivitajiet tal-​iskola u ma baqax jattendi l-​laqgħat u jipparteċipa fix-​xogħol tal-​ippritkar. Masahiko jirrakkonta: “Ġurnata minnhom il-​familja tiegħi u ftit ħbieb Kristjani ddeċidew li jżuru l-​Betel. Peress li l-​familja tiegħi insistew, jien mort magħhom. Jien u ndur Betel ħassejtni inkuraġġit bħal qatt qabel. Is-​sodisfazzjon li ksibt mis-​sħubija maʼ Kristjani oħrajn waqt il-​vjaġġ kien xi ħaġa li qatt ma kont esperjenzajt maʼ sħabi li ma kinux Xhieda. Ix-​xewqa li ngħix il-​mod taʼ ħajja Kristjana kibret fija, u ddeċidejt li nistaqsi għal studju tal-​Bibbja.” Masahiko issa jaqdi bħala ministru full-​time fil-​kongregazzjoni tiegħu.

Xhud minn Franza marret toqgħod Moska biex taħdem. Hemmhekk tilfet il-​kuntatt mal-​poplu taʼ Ġeħova u ddgħajfet spiritwalment. Involviet ruħha fil-​ħażen u eventwalment iżżewġet raġel li ma kienx Xhud. Imbagħad oħt spiritwali minn Franza marret taraha u flimkien ivvjaġġaw lejn San Pietruburgu, ir-​Russja, biex iżuru d-​dar taʼ Betel hemmhekk. Hi tikteb: “F’Betel ngħatajna merħba mill-​qalb, u dan messli qalbi. Kien hemm il-​paċi. Ħassejt l-​ispirtu taʼ Ġeħova. Kif stajt għamilt l-​iżball li nitbiegħed mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Wara ż-​żjara tiegħi f’Betel tlabt għall-​għajnuna taʼ Ġeħova u bdejt ngħallem lil uliedi l-​Bibbja b’determinazzjoni mġedda.” Minbarra għajnuna spiritwali oħra li din ix-​Xhud, li dak iż-​żmien kienet batuta spiritwalment, setgħet irċiviet, issaħħet bil-​kbir miż-​żjara tagħha f’Betel u minn dakinhar ’il quddiem għamlet progress ġmielu.

Xi ngħidu għall-​impressjoni li żjara f’Betel tistaʼ tħalli fuq dawk li mhumiex familjari max-​Xhieda taʼ Ġeħova? Fl-​1988, Alberto, li kien involut ħafna fil-​politika, żar il-​Betel fil-​Brażil. L-​indafa, l-​ordni, u partikolarment is-​sinċerità li biha sar ix-​xogħol impressjonawh ħafna. Ftit qabel ma żar il-​Betel, Alberto kien żar is-​seminarju fejn ħu martu kien jaqdi bħala qassis. Alberto nnota l-​kuntrast. “Fis-​seminarju kollox kien isir bil-​moħbi,” jgħid Alberto. Ftit wara ż-​żjara tiegħu f’Betel, hu aċċetta studju tal-​Bibbja, abbanduna l-​politika, u issa jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni.

Ejja Żur Betel!

Ħafna għamlu sforz straordinarju biex iżuru l-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiżhom. Pereżempju, fil-​Brażil, Paulo u Eugenia damu erbaʼ snin ifaddlu sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-​vjaġġ taʼ 3,000 kilometru, li jdum jumejn b’tal-​linja, biex jaraw il-​faċilitajiet taʼ Betel f’dak il-​pajjiż. Huma jgħidu: “Verament kien jistħoqqlu l-​isforz kollu li għamilna. Issa għandna ħarsa ħafna iktar kompleta tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Meta nispjegaw ix-​xogħol li jsir f’Betel lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna, kultant jistaqsu, ‘Ġieli mortu hemm?’ Issa nistgħu ngħidu iva.”

Hemm uffiċċju tal-​fergħa u dar taʼ Betel f’pajjiżek jew f’pajjiż fil-​qrib? Aħna nistidnuk biex iżżur il-​faċilitajiet. Żgur li se tirċievi merħba mill-​qalb u se tikseb benefiċċju spiritwali kbir jekk iżżur Betel.

[Stampa f’paġna 18]

Mario

[Stampa f’paġna 18]

Abel

[Stampa f’paġna 18]

Ġermanja

[Stampa f’paġna 18]

Ġappun

[Stampa f’paġna 18]

Brażil