Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fittex bil-Ħeġġa l-Barka taʼ Ġeħova

Fittex bil-Ħeġġa l-Barka taʼ Ġeħova

Fittex bil-​Ħeġġa l-​Barka taʼ Ġeħova

“[Alla] jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—EBR. 11:6.

1, 2. (a) Ħafna nies kif ifittxu l-​barka t’Alla? (b) Għala għandna nkunu interessati b’mod partikulari li niksbu l-​barka taʼ Ġeħova?

 F’XI pajjiżi, huwa komuni li meta xi ħadd jagħtas, in-​nies jixtiqulu l-​barka t’Alla. Ġieli tara membri tal-​kleru taʼ diversi reliġjonijiet ibierku lin-​nies, l-​annimali, u xi oġġetti bla ħajja. Xi nies jistgħu jitħajru jżuru xi postijiet reliġjużi bit-​tama li jirċievu xi barka. Il-​politikanti spiss jitolbu għall-​barka t’Alla fuq pajjiżhom. Taħseb li dan kollu huwa xieraq? Huwa effettiv? Min tassew jirċievi l-​barka t’Alla, u għala?

2 Ġeħova bassar li fl-​aħħar jiem se jkollu poplu nadif u li jġib il-​paċi. Dan il-​poplu, li hu minn kull ġens, kellu jipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna sa truf l-​art minkejja l-​mibegħda u l-​oppożizzjoni. (Is. 2:2-​4; Mt. 24:14; Riv. 7:9, 14) Dawk minna li aċċettajna r-​responsabbiltà li nkunu parti minn dan il-​poplu, irridu—u neħtieġu—l-​barka t’Alla, għax mingħajrha huwa impossibbli li nirnexxu. (Salm 127:1) Imma kif nistgħu niksbu l-​barka t’Alla?

L-​Uħud Ubbidjenti Jilħquhom il-​Barkiet

3. X’kien ikun ir-​riżultat kieku l-​Iżraelin kienu ubbidjenti?

3 Aqra Proverbji 10:6, 7. Eżatt qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Ġeħova qalilhom li jekk jisimgħu minnu kien se jkollhom prosperità u protezzjoni li jispikkaw. (Dt. 28:1, 2) Il-​barkiet taʼ Ġeħova kellhom jiġu, b’ċertezza assoluta, fuq l-​uħud ubbidjenti.

4. L-​ubbidjenza ġenwina x’tinvolvi?

4 L-​Iżraelin b’liema attitudni kellhom ikunu ubbidjenti? Il-​Liġi t’Alla kienet tgħid li hu ma kienx se jieħu pjaċir jekk il-​poplu tiegħu jonqos li jaqdih ‘bl-​hena u bil-​ferħ taʼ qalbu.’ (Aqra Dewteronomju 28:45-​47.) Ġeħova jixraqlu iktar minn ubbidjenza taʼ bilfors għal ordnijiet speċifiċi—anki l-​annimali u d-​demonji jagħmlu dan. (Mk. 1:27; Ġak. 3:3) Ubbidjenza ġenwina lejn Alla hi espressjoni taʼ mħabba. Din tintwera b’ferħ li jiġi mill-​fidi li l-​kmandamenti taʼ Ġeħova mhumiex tqal u li hu “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.”—Ebr. 11:6; 1 Ġw. 5:3.

5. Il-​fidi fil-​wegħda taʼ Ġeħova kif kienet tgħin lin-​nies jobdu l-​liġi li nsibu f’Dewteronomju 15:7, 8?

5 Ikkunsidra kif din l-​ubbidjenza b’fiduċja setgħet intweriet billi tiġi obduta l-​liġi li nsibu f’Dewteronomju 15:7, 8. (Aqra.) Jistaʼ jkun li għall-​ewwel l-​ubbidjenza kontra qalbhom għal din il-​liġi ġabet xi ftit serħan lill-​foqra. Imma kienet din se tnissel relazzjonijiet tajbin u atmosfera taʼ mħabba fost il-​poplu t’Alla? Iktar importanti minn hekk, kienet din l-​ubbidjenza se tkun turija taʼ fidi li Ġeħova għandu l-​abbiltà li jipprovdi għall-​qaddejja tiegħu? Kienet se tkun turija taʼ gratitudni għall-​opportunità li jimitaw il-​ġenerożità tiegħu? Ma tantx! Alla kien jinnota l-​kundizzjoni tal-​qalb taʼ nies verament ġenerużi u jwegħedhom li jberikhom f’kull għemil tagħhom u f’kull xogħol li jagħmlu. (Dt. 15:10) Il-​fidi f’din il-​wegħda kienet se tqanqalhom jaġixxu, u b’hekk jiksbu ħafna barkiet kbar.—Prov. 28:20.

6. Ebrej 11:6 dwar xiex għandu jiżgurana?

6 Minbarra l-​fidi f’Ġeħova bħala Dak li jippremja, Ebrej 11: 6 jenfasizza kwalità oħra li neħtieġu sabiex nirċievu l-​barka t’Alla. Innota li Ġeħova jippremja lil dawk li “jfittxuh bil-​ħeġġa.” Il-​kelma fil-​lingwa oriġinali użata hawn timplika intensità u sforz aħħari. Kemm għandna għalfejn inkunu żguri mit-​twettiq taʼ din il-​barka! Is-​sors tagħha hu l-​uniku Alla veru “li ma jistax jigdeb.” (Titu 1:2) Tul il-​millenji hu wera li dak li jwiegħed huwa taʼ min joqgħod fuqu mija fil-​mija. Kliemu qatt ma jfalli; dejjem jitwettaq. (Is. 55:11) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi għalkollox li jekk nuru fidi vera, se juri li hu Dak li jippremja fil-​każ tagħna wkoll.

7. Kif nistgħu nibqgħu ċerti li se nitbierku permezz tan-​“nisel” t’Abraham?

7 Ġesù Kristu wera li kien il-​parti primarja tan-​“nisel” t’Abraham. Il-​Kristjani midlukin jifformaw il-​parti sekondarja taʼ dan in-​“nisel” imbassar. Huma ġew inkarigati ‘jxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti taʼ dak li sejħilhom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.’ (Gal. 3:7-​9, 14, 16, 26-​29; 1 Pt. 2:9) Ma nistgħux nistennew li jkollna relazzjoni tajba maʼ Ġeħova jekk ma nagħtux kas dawk li Ġesù ħatar fuq kulma għandu. Mingħajr l-​għajnuna tal “ilsir leali u għaqli,” la nkunu nistgħu nifhmu kompletament l-​importanza taʼ dak li naqraw fil-​Kelma t’Alla, u lanqas kif napplikawh. (Mt. 24:45-​47) Jekk napplikaw l-​affarijiet li qed nitgħallmu mill-​Iskrittura, nistgħu nibqgħu ċerti mill-​barka t’Alla.

Nibqgħu Ffokati fuq ir-​Rieda t’Alla

8, 9. Il-​patrijarka Ġakobb kif stinka fi qbil mat-​talb tiegħu?

8 L-​idea li tagħmel sforz ħabrieki sabiex tikseb il-​barka t’Alla għandha mnejn tfakkrek fil-​patrijarka Ġakobb. Hu ma kienx jaf kif kienet se titwettaq il-​wegħda li Alla għamel lil Abraham, imma kien jemmen li Ġeħova kien se jkattar bil-​kbir in-​nisel taʼ nannuh, li d-​dixxendenti tiegħu kellhom isiru ġens kbir. Għalhekk, fl-​1781 Q.E.K., Ġakobb ivvjaġġa lejn Ħaran biex isib mara. Hu ma kienx biss interessat f’li jsib mara li kellha tkun sieħba li togħġbu; minflok, hu fittex mara spiritwali li kienet tqim lil Ġeħova u li kellha tkun omm tajba għal uliedu.

9 Aħna nafu li Ġakobb iltaqaʼ mal-​qariba tiegħu, Rakele. Hu sar iħobb lil Rakele u aċċetta li jaħdem sebaʼ snin għal missierha, Laban, sabiex ikun jistaʼ jiħodha b’martu. Din ma kinitx sempliċement xi storja taʼ mħabba li tibqaʼ tiftakarha. Ġakobb żgur kien jaf bil-​wegħda li Alla li Jistaʼ Kollox kien għamel lil nannuh Abraham, u li kien tennieha lil missieru, Iżakk. (Ġen. 18:18; 22:17, 18; 26:3-​5, 24, 25) Min-​naħa tiegħu, Iżakk qal lil ibnu Ġakobb: “Alla li Jistaʼ Kollox ibierkek u jġiegħlek tnissel u jkattrek, u int żgur li ssir ġemgħa taʼ popli. U jagħtik il-​barka t’Abraham, lilek u lil nislek miegħek, sabiex tieħu f’idejk l-​art li qed tgħix fiha bħala barrani u li Alla ta lil Abraham.” (Ġen. 28:3, 4) Għalhekk, l-​isforz li għamel Ġakobb sabiex isib mara adattata u jibni familja wera l-​fiduċja li kellu f’dak li qal Ġeħova.

10. Ġeħova għala kien ferħan li jbierek lil Ġakobb?

10 Ġakobb ma kienx qed ifittex il-​ġid materjali biex jogħġob lill-​familja tiegħu. Moħħu kien iffokat fuq it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġeħova rigward id-​dixxendenti tiegħu. Ġakobb kien determinat li jagħmel dak kollu li setaʼ biex jikseb il-​barka taʼ Ġeħova minkejja l-​ostakli. Hu żamm din l-​attitudni sakemm xjaħ, u Ġeħova bierku taʼ dan.—Aqra Ġenesi 32:24-​29.

11. Liema sforz għandna nagħmlu fi qbil mar-​rieda rivelata t’Alla?

11 Bħal Ġakobb, aħna ma nafux id-​dettalji kollha tat-​twettiq tal-​iskop taʼ Ġeħova. Madankollu, meta nistudjaw il-​Kelma t’Alla se nifhmu, bejn wieħed u ieħor, x’għandna nistennew b’konnessjoni mal-​“jum taʼ Ġeħova.” (2 Pt. 3:10, 17) Pereżempju, ma nafux eżattament meta ġej dan il-​jum, iżda nafu li hu fil-​qrib. Aħna nemmnu l-​Kelma t’Alla meta tgħid li jekk nagħtu xhieda bir-​reqqa fil-​ftit żmien li fadal, se nsalvaw kemm lilna nfusna u kemm lil dawk li jisimgħuna.—1 Tim. 4:16.

12. Minn xiex nistgħu nibqgħu ċerti?

12 Aħna nafu li t-​tmiem jistaʼ jasal minn ħin għall-​ieħor; Ġeħova m’għandux għalfejn jistenna sakemm kull individwu fuq l-​art ikun ngħata xhieda personalment. (Mt. 10:23) Iktar minn hekk, aħna nirċievu direzzjoni tajba dwar kif inwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar tagħna b’mod effettiv. B’fidi, aħna nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol bl-​aħjar mod li nistgħu billi nużaw ir-​riżorsi li jistaʼ jkollna disponibbli. It-​territorju li nippritkaw fih dejjem se jkun produttiv? Kif se nkunu nafu bil-​quddiem? (Aqra Ekkleżjasti 11:5, 6.) Xogħolna hu li nippritkaw, fiduċjużi li Ġeħova se jagħtina l-​barka tiegħu. (1 Kor. 3:6, 7) Nistgħu nibqgħu ċerti li hu jara l-​isforzi ħabrieka li nagħmlu, u permezz tal-​ispirtu tiegħu, hu se jipprovdilna kwalunkwe direzzjoni speċifika li jkollna bżonn.—Salm 32:8.

Infittxu l-​Ispirtu Qaddis

13, 14. Il-​qawwa li għandu l-​ispirtu qaddis t’Alla biex jgħin lill-​qaddejja tiegħu jkunu kwalifikati, kif ġiet murija?

13 Xi ngħidu jekk ma nħossuniex kwalifikati biżżejjed biex inwettqu xi inkarigu jew biex nieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar? Għandna nitolbu lil Ġeħova sabiex jagħtina l-​ispirtu qaddis tiegħu biex intejbu kwalunkwe abbiltà li għandna fis-​servizz tiegħu. (Aqra Luqa 11:13.) L-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħin lin-​nies ikunu kwalifikati biex iwettqu xi xogħol jew xi privileġġ taʼ servizz, kienu x’kienu ċ-​ċirkustanzi u l-​esperjenzi li kellhom qabel. Pereżempju, eżatt wara l-​Eżodu mill-​Eġittu, l-​ispirtu t’Alla għen lir-​rgħajja u lill-​ilsiera biex, minkejja n-​nuqqas taʼ esperjenza li kellhom fil-​gwerra, jeqirdu lill-​għedewwa tagħhom fil-​battalja. (Eżo. 17:8-​13) Ftit wara, dan l-​istess spirtu ħejja lil Besalel u lil Oħolijab biex ifasslu l-​pjanti tat-​tabernaklu li kienu mill-​isbaħ u mnebbħin minn Alla.—Eżo. 31:2-​6; 35:30-​35.

14 Dan l-​ispirtu setgħan ħejja lill-​qaddejja t’Alla fi żmienna biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​organizzazzjoni meta nħass il-​bżonn li jingħata bidu għax-​xogħol tal-​istampar tagħhom stess. Ħuna R. J. Martin, l-​indokratur tal-​istamperija taʼ dak iż-​żmien, kiteb ittra u spjega dak li kien twettaq sal-​1927. “Il-​Mulej fetaħ bieb fil-​ħin u fil-​waqt, u b’hekk akkwistajna l-​magna tal-​istampar, avolja ma konna nafu xejn dwar kif inhi mibnija u kif taħdem. Imma l-​Mulej jaf kif jgħin lil dawk li jiddedikaw kulma għandhom lilu. . . . Fi ftit ġimgħat biss, konna kapaċi nħaddmu din il-​magna u għadha għaddejja sa llum. Qed tagħmel xogħol li saħansitra lanqas dawk li bnewha ma kienu jafu li setgħet tagħmel.” Ġeħova għadu jbierek sforzi ħabrieka bħal dawn sal-​ġurnata tal-​lum.

15. Il-​kliem f’Rumani 8:11 kif jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment għal dawk li qed jiffaċċjaw xi tentazzjoni?

15 L-​ispirtu taʼ Ġeħova jaħdem b’diversi modi. Dan l-​ispirtu hu disponibbli għall-​qaddejja t’Alla kollha u jgħinhom jegħlbu ostakli kbar ħafna. Xi ngħidu jekk inħossuna mtaqqlin minħabba xi tentazzjoni? Il-​kliem taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 7:21, 25 u 8:11 jistaʼ jsaħħaħna. Tabilħaqq, “l-​ispirtu taʼ dak li qajjem lil Ġesù mill-​imwiet” jistaʼ jaħdem għan-​nom tagħna, billi jsaħħaħna sabiex negħlbu l-​ġlieda kontra x-​xewqat tal-​laħam. Dawn il-​versi kienu miktubin għall-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu, iżda l-​prinċipju li nsibu fihom japplika għall-​qaddejja kollha t’Alla. Ilkoll kemm aħna niksbu l-​ħajja billi neżerċitaw il-​fidi fi Kristu, nistinkaw biex immewtu x-​xewqat ħżiena, u billi ngħixu fi qbil mad-​direzzjoni tal-​ispirtu.

16. Xi rridu nagħmlu sabiex nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla?

16 Nistgħu aħna nistennew li Alla jagħtina l-​forza attiva tiegħu mingħajr ma nagħmlu ebda sforz min-​naħa tagħna? Le. Minbarra li nitolbu għal dan l-​ispirtu, jeħtieġ inħabirku biex nieklu ikel spiritwali mill-​Kelma mnebbħa minn Alla. (Prov. 2:1-​6) Iktar minn hekk, l-​ispirtu t’Alla jinsab fuq il-​kongregazzjoni Kristjana. L-​attendenza regulari tagħna għal-​laqgħat turi x-​xewqa li għandna biex ‘nisimgħu dak li jgħid l-​ispirtu lill-​kongregazzjonijiet.’ (Riv. 3:6) Barra minn hekk, irridu naġixxu b’umiltà fuq dak li nitgħallmu. Proverbji 1:23 jagħtina l-​parir: “Duru lura għat-​twiddib tiegħi. Imbagħad inġiegħel l-​ispirtu tiegħi jgelgel lejkom.” Tabilħaqq, Alla jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu “lil dawk li jobduh bħala ħakkiem.”—Atti 5:32.

17. Ma’ xiex nistgħu nqabblu l-​effett tal-​barka t’Alla fuq l-​isforzi tagħna?

17 Filwaqt li jeħtieġ sforz ħabrieki biex nirċievu l-​barka t’Alla, irridu niftakru li mhuwiex biss minħabba x-​xogħol iebes li Ġeħova jagħti abbundanza t’affarijiet tajbin lill-​poplu tiegħu. L-​effett tal-​barka tiegħu fuq l-​isforzi tagħna jistaʼ jitqabbel mal-​mod kif ġisimna jibbenefika minn ikel sustanzjuż. Alla sawwar il-​ġisem tagħna b’tali mod li aħna nieħdu gost bl-​ikel u nieħdu s-​sustanzi vitali minnu. Barra minn hekk, hu jipprovdi l-​ikel. Ma nafux eżattament kif l-​ikel jikseb is-​sustanzi tiegħu, u ħafna minna ma nistgħux nispjegaw kif ġisimna jipproduċi l-​enerġija mill-​ikel li nieklu. Nafu biss li dan il-​proċess jaħdem, u meta nieklu nkunu qed nikkooperaw maʼ dan il-​proċess. Jekk nagħżlu li nieklu ikel sustanzjuż, ir-​riżultati jkunu saħansitra aħjar. Bl-​istess mod, Ġeħova jistabbilixxi l-​ħtiġijiet għall-​ħajja taʼ dejjem u jagħtina l-​għajnuna li neħtieġu biex nilħqu dawn il-​ħtiġijiet. B’mod ċar, hu jgħinna ferm u jixraqlu t-​tifħir. Xorta waħda, sabiex nirċievu l-​barka t’Alla rridu nikkooperaw miegħu billi naġixxu fi qbil mar-​rieda tiegħu.—Ħag. 2:18, 19.

18. X’inhi d-​determinazzjoni tiegħek, u għala?

18 Għalhekk, agħmel sforz sinċier sabiex twettaq kull inkarigu bl-​aħjar mod li tistaʼ. Dejjem dur lejn Ġeħova biex tirnexxi. (Mk. 11:23, 24) Hekk kif tagħmel dan, ibqaʼ ċert li “kulmin ifittex isib.” (Mt. 7:8) Uħud midlukin bl-​ispirtu se jiġu mberkin bil-​“kuruna tal-​ħajja” fis-​smewwiet. (Ġak. 1:12) In-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Kristu li qed jistinkaw biex huma stess jirċievu barka permezz tan-​nisel t’Abraham, se jitgħaxxqu jisimgħu lil Kristu jgħid: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-​saltna mħejjija għalikom mit-​tisjis tad-​dinja.” (Ġw. 10:16; Mt. 25:34) Tabilħaqq, “dawk li jitbierku [minn Alla] se jirtu l-​art, . . . u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:22, 29.

Tistaʼ Tispjega?

• L-​ubbidjenza ġenwina x’tinvolvi?

• X’inhu meħtieġ biex tikseb il-​barka t’Alla?

• Kif nistgħu nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla, u dan kif jistaʼ jaħdem għan-​nom tagħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Ġakobb issara m’anġlu sabiex jikseb il-​barka taʼ Ġeħova.

Tagħmel int l-​istess sforz ħabrieki?

[Stampa f’paġna 10]

L-​ispirtu qaddis t’Alla ħejja lil Besalel u lil Oħolijab biex jirnexxu