Il-Mexxej Attiv Tagħna Llum
Il-Mexxej Attiv Tagħna Llum
“Ħareġ jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu.”—RIV. 6:2.
1, 2. (a) L-attività taʼ Kristu bħala sultan sa mill-1914 kif inhi deskritta fil-Bibbja? (b) Liema azzjonijiet ħa Kristu mindu ngħata t-tron?
KRISTU ngħata t-tron bħala Sultan tas-Saltna Messjanika taʼ Ġeħova fl-1914. Meta nġibuh quddiem għajnejna, kif nimmaġinawh? Bħala xi sultan bilqiegħda fuq it-tron tiegħu medhi fi ħsibijietu u kultant jitfaʼ ħarstu ’l isfel lejn l-art biex jara kif inhi sejra l-kongregazzjoni tiegħu? Jekk iva, għandna nbiddlu l-opinjoni tagħna. Is-Salmi u l-ktieb tar-Rivelazzjoni jiddeskrivuh bħala sultan mimli enerġija riekeb fuq żiemel biex “jirbaħ u jtemm ir-rebħa tiegħu,” sakemm ‘jirnexxi’ għalkollox.—Riv. 6:2; Salm 2:6-9; 45:1-4.
2 L-ewwel azzjoni li ħa Kristu bħala sultan wara li ngħata t-tron kienet ir-rebħa tiegħu fuq “id-dragun u l-anġli tiegħu.” Kristu, bħala l-arkanġlu Mikiel u kmandant tal-anġli tiegħu, waddab lil Satana u lid-demonji tiegħu ’l barra mis-smewwiet sagri u llimitahom għall-viċinanzi tal-art. (Riv. 12:7-9) Imbagħad, fl-irwol tiegħu bħala “l-messaġġier tal-patt” taʼ Ġeħova, Ġesù ġie maʼ Missieru biex iwettaq spezzjoni tat-tempju spiritwali. (Mal. 3:1) Hu għamel ġudizzju fuq il-Kristjaneżmu, l-iktar parti mill-agħar taʼ “Babilonja l-Kbira,” u sabha ħatja taʼ tixrid taʼ demm u adulterju spiritwali mas-sistema politika taʼ din id-dinja.—Riv. 18:2, 3, 24.
Kristu Naddaf l-Ilsir Tiegħu Fuq l-Art
3, 4. (a) Kristu liema xogħol wettaq bħala “l-messaġġier” taʼ Ġeħova? (b) L-ispezzjoni tat-tempju xi rrivelat, u bħala l-Kap tal-kongregazzjoni, Ġesù liema ħatra għamel?
3 L-ispezzjoni minn Ġeħova u “l-messaġġier” tiegħu rrivelat ukoll li fil-bitħa tal-art taʼ dan it-tempju spiritwali kien hemm grupp taʼ Kristjani veri, li ma kinux parti mill-knejjes tal-Kristjaneżmu. Madankollu, anki dawn il-Kristjani midlukin, jew “ulied Levi,” kellhom bżonn jiġu mnaddfin. Kien bħalma kien bassar il-profeta Malakija: “[Ġeħova] jrid joqgħod bil-qiegħda bħala raffinatur u wieħed li jnaddaf il-fidda u jnaddaf lil ulied Levi; u jrid isaffihom bħad-deheb u bħall-fidda, u jsiru għal Ġeħova nies li qed jippreżentaw offerta bħala għotja bis-sewwa.” (Mal. 3:3) Ġeħova uża “l-messaġġier tal-patt” tiegħu, Kristu Ġesù, sabiex inaddaf lil dawn l-Iżraelin spiritwali.
4 Xorta waħda, Kristu sab lil dawn il-Kristjani midlukin leali jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu ikel spiritwali f’waqtu għan-nies taʼ dar il-fidi. Mill-1879 ’l hawn, sew jekk f’ċirkustanzi favorevoli u sew jekk le, huma ilhom jippubblikaw veritajiet Bibliċi dwar is-Saltna t’Alla fil-paġni taʼ din ir-rivista. Ġesù kien ipprofetizza li “meta jasal” biex jispezzjona lil dawk taʼ daru matul il-“konklużjoni tas-sistema,” hu kellu jsib ilsir jipprovdilhom “l-ikel fiż-żmien xieraq.” Hu kellu jiddikjara lil dan l-ilsir bħala hieni u kellu “jaħtru fuq kulma għandu” fuq l-art. (Mt. 24:3, 45-47) Bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, Kristu uża lil dan “l-ilsir leali u għaqli” biex jieħu ħsieb l-interessi tas-Saltna Tiegħu fuq l-art. Hu pprovda direzzjoni għall-midlukin “taʼ daru” u sħabhom in-“nagħaġ oħrajn” permezz taʼ Ġemgħa li Tiggverna.—Ġw. 10:16.
Il-Ħsad fuq l-Art
5. L-appostlu Ġwanni liema attività taʼ sultan ra f’viżjoni?
5 L-appostlu Ġwanni kellu viżjoni taʼ xi ħaġa oħra li kellu jagħmel is-Sultan Messjaniku “f’jum il-Mulej” wara li Hu ngħata t-tron bħala sultan fl-1914. Ġwanni kiteb: “Rajt, u, ara, sħaba bajda, u fuq is-sħaba xi ħadd bil-qiegħda bħal bin il-bniedem, b’kuruna tad-deheb fuq rasu u minġel misnun f’idu.” (Riv. 1:10; 14:14) Ġwanni semaʼ anġlu taʼ Ġeħova jgħid lill-Ħassad biex imidd il-minġel tiegħu għax “il-prodott taʼ l-art misjur għalkollox.”—Riv. 14:15, 16.
6. Ġesù x’qal li kellu jiżviluppa maż-żmien?
6 Dan il-ħsad tal-“prodott taʼ l-art” ifakkarna fil-parabbola taʼ Ġesù tal-qamħ u s-sikrana. Ġesù xebbah lilu nnifsu maʼ raġel li żeraʼ l-għalqa tiegħu biż-żrieragħ tal-qamħ bl-għan li jaħsad prodott taʼ qamħ mill-aqwa, li jirrappreżenta lil “ulied is-saltna,” il-Kristjani veri midlukin biex jissieħbu miegħu fis-Saltna tiegħu. Iżda matul il-lejl, l-għadu, “ix-Xitan,” żeraʼ s-sikrana fl-għalqa, “ulied il-Ħażin.” Dak li żeraʼ ż-żerriegħa qal lill-ħaddiema tiegħu biex iħallu l-qamħ u s-sikrana jikbru flimkien sa ma jasal żmien il-ħsad, fil-“konklużjoni tas-sistema.” F’dan iż-żmien, hu kellu jibgħat lill-anġli tiegħu biex jifirdu l-qamħ mis-sikrana.—Mt. 13:24-30, 36-41.
7. Kristu kif qed iwettaq il-ħsad tal-“prodott taʼ l-art”?
7 Bi twettiq tal-viżjoni li ngħata Ġwanni, Ġesù għadu jidderieġi x-xogħol tal-ħsad mad-dinja kollha. Il-ħsad tal-“prodott taʼ l-art” beda bil-ġbir tal-fdal tal-144,000 “ulied is-saltna,” jiġifieri, “il-qamħ” tal-parabbola taʼ Ġesù. Id-differenza bejn il-Kristjani veri u l-Kristjani tal-isem saret ċara iktar minn qatt qabel wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, tant li kkontribwiet għat-tieni parti tal-ħsad tal-“prodott taʼ l-art”—il-ġbir tan-nagħaġ oħrajn. Dawn mhumiex “ulied is-saltna” iżda, pjuttost, huma “folla kbira” taʼ wħud li lesti jkunu sudditi taʼ din is-Saltna. Dawn jinġabru minn fost “il-popli, il-ġnus, u l-lingwi” kollha. Huma jissottomettu ruħhom lejn is-Saltna Messjanika magħmula minn Kristu Ġesù u l-144,000 “qaddisin” li se jkunu mseħbin miegħu f’dan il-gvern tas-sema.—Riv. 7:9, 10; Dan. 7:13, 14, 18.
It-Tmexxija tal-Kongregazzjonijiet
8, 9. (a) X’juri li Kristu ma josservax biss il-kondotta tal-kongregazzjoni kollha iżda josserva wkoll il-mod taʼ ħajja tal-membri individwali tagħha? (b) Bħalma jidher f’paġna 26, liema “affarijiet profondi taʼ Satana” għandna nevitaw?
8 Fl-artiklu taʼ qabel rajna kemm Kristu osserva mill-qrib il-kundizzjoni spiritwali tal-kongregazzjonijiet individwali fl-ewwel seklu E.K. Fi żmienna, bħala Sultan renjanti li ngħata “kull awtorità fis-sema u fuq l-art,” Kristu l-Mexxej tagħna huwa l-kap attiv tal-kongregazzjonijiet mad-dinja kollha u tal-indokraturi tagħhom. (Mt. 28:18; Kol. 1:18) Ġeħova “għamlu kap fuq kollox għall-kongregazzjoni” taʼ wħud midlukin. (Efes. 1:22) Bħala tali, xejn ma jaħrablu minn dak li qed jiġri f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni individwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova.
9 Lill-kongregazzjoni tal-qedem taʼ Tjatira, Ġesù bagħtilha dan il-messaġġ: “Dan jgħid l-Iben t’Alla, li għandu għajnejh bħal fjamma nar, . . . ‘Naf l-għemejjel tiegħek.’” (Riv. 2:18, 19) Hu ċanfar lill-membri taʼ din il-kongregazzjoni għall-ħajja immorali laxka li kienu qed jgħixu, billi qalilhom: “Jien hu dak li jgħarbel il-kliewi u l-qlub, u nagħti lil kull wieħed skond għemilu.” (Riv. 2:23) Din l-istqarrija tindika li Kristu ma josservax biss il-kondotta inġenerali taʼ kull kongregazzjoni iżda wkoll il-mod taʼ ħajja tal-membri individwali tagħha. Ġesù faħħar lil dawk il-Kristjani fi Tjatira “li ma sarux jafu l-‘affarijiet profondi taʼ Satana.’” (Riv. 2:24) Illum, hu bl-istess mod japprova lil dawk, kemm żgħar u kemm kbar, li joqogħdu lura milli jħaffru fil-fond fl-“affarijiet profondi taʼ Satana” permezz tal-Internet jew tal-logħob vjolenti bil-kompjuter jew billi jieħdu gost bi rraġunar uman permissiv. Hi l-għaxqa tiegħu josserva l-isforzi u s-sagrifiċċji taʼ ħafna Kristjani llum li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex isegwu t-tmexxija tiegħu fl-aspetti kollha taʼ ħajjithom!
10. Il-mod kif Kristu jidderieġi lill-anzjani tal-kongregazzjoni kif inhu deskritt, iżda dawn liema arranġament jeħtieġ jirrikonoxxu?
10 Kristu bi mħabba jindokra l-kongregazzjonijiet tiegħu fuq l-art permezz tal-anzjani maħturin. (Efes. 4:8, 11, 12) Fl-ewwel seklu, l-indokraturi kollha kienu mnisslin bl-ispirtu. Dawn kienu deskritti f’Rivelazzjoni bħala kwiekeb fl-id il-leminija taʼ Kristu. (Riv. 1:16, 20) Illum, ħafna mill-anzjani tal-kongregazzjoni huma min-nagħaġ oħrajn. Huma jinħatru wara li jkun sar it-talb u taħt it-tmexxija tal-ispirtu qaddis, u għalhekk, anki huma jistgħu jitqiesu bħala li qegħdin taħt id-direzzjoni, jew il-gwida taʼ Kristu. (Atti 20:28) Madankollu, huma jirrikonoxxu li Kristu qed juża grupp żgħir taʼ rġiel Kristjani midlukin bħala Ġemgħa li Tiggverna biex imexxi u jidderieġi lid-dixxipli tiegħu fuq l-art.—Aqra Atti 15:6, 28-30.
“Ejja, Mulej Ġesù”
11. Għala ninsabu ħerqanin li naraw lill-Mexxej tagħna jiġi malajr?
11 Fir-rivelazzjoni li ngħata l-appostlu Ġwanni, Ġesù ħafna drabi qal li kien ġej malajr. (Riv. 2:16; 3:11; 22:7, 20) Bla dubju, hu kien qed jirreferi għall-miġja tiegħu biex jagħmel ġudizzju fuq Babilonja l-Kbira u l-bqija tas-sistema mill-agħar taʼ Satana. (2 Tess. 1:7, 8) Ħerqan biex jara t-twettiq tal-ġrajjiet meraviljużi kollha li kienu mbassrin, ix-xwejjaħ appostlu Ġwanni qal: “Amen! Ejja, Mulej Ġesù.” Anki aħna li qed ngħixu fiż-żmien tat-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar ninsabu ħerqanin li naraw lill-Mexxej u s-Sultan tagħna jiġi bil-qawwa tas-Saltna biex iqaddes isem Missieru u jivvindika s-sovranità Tiegħu.
12. Kristu liema xogħol se jlesti qabel l-irjieħ tal-qerda jitħallew jonfħu?
12 Qabel ma jiġi Ġesù biex jeqred l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Satana, il-fdal tal-144,000, membri taʼ Iżrael spiritwali, se jirċievu l-immarkar finali bis-siġill. Il-Bibbja tgħid ċar u tond li l-irjieħ tal-qerda fuq is-sistema taʼ Satana mhumiex se jitħallew jonfħu qabel jitlesta dan l-issiġillar tal-144,000.—Riv. 7:1-4.
13. Kristu kif se juri l-preżenza tiegħu matul l-ewwel fażi tat-“tribulazzjoni kbira”?
13 Il-“preżenza” taʼ Kristu li bdiet fl-1914 ma ġietx notata mill-maġġuranza tal-abitanti fuq l-art. (2 Pt. 3:3, 4) Madankollu, hu dalwaqt se juri l-preżenza tiegħu billi jesegwixxi l-ġudizzji taʼ Ġeħova fuq id-diversi elementi tas-sistema taʼ Satana. Il-qerda tal-“bniedem bla liġi,” il-kleru tal-Kristjaneżmu, se tkun bla dubju taʼ xejn “manifestazzjoni tal-preżenza tiegħu.” (Aqra t-2 Tessalonikin 2:3, 8.) Din se tagħti prova konkreta li Kristu beda jaġixxi bħala l-Imħallef maħtur taʼ Ġeħova. (Aqra t-2 Timotju 4:1.) Il-qerda tal-iktar parti mill-agħar taʼ Babilonja l-Kbira se sservi taʼ preludju għall-qerda totali taʼ dan l-imperu dinji mill-agħar taʼ reliġjon falza. Ġeħova se jpoġġi fil-qlub tal-mexxejja politiċi r-rieda li jeqirdu lil din il-prostituta. (Riv. 17:15-18) Din se tkun l-ewwel parti tat-“tribulazzjoni kbira.”—Mt. 24:21.
14. (a) L-ewwel parti tat-tribulazzjoni kbira għala se titqassar? (b) “Is-sinjal taʼ Bin il-bniedem” x’se jkun ifisser għall-poplu taʼ Ġeħova?
14 Ġesù stqarr li l-jiem taʼ din it-tribulazzjoni se jitqassru “minħabba l-magħżulin,” il-fdal tal-Kristjani midlukin li jkunu għadhom fuq l-art. (Mt. 24:22) Ġeħova mhux se jippermetti li dan l-attakk qerried fuq ir-reliġjon falza jeqred għalkollox lill-Kristjani midlukin u lil sħabhom in-nagħaġ oħrajn. Ġesù żied jgħid li “wara t-tribulazzjoni taʼ dawk il-jiem,” se jkun hemm sinjali fix-xemx, fil-qamar, u fil-kwiekeb, u “mbagħad jidher fis-sema s-sinjal taʼ Bin il-bniedem.” Dan se jġiegħel lill-ġnus tal-art “jibku u jħabbtu fuq sidirhom.” Dan mhux se jkun minnu fil-każ tal-midlukin li għandhom tama għas-sema, u taʼ sħabhom li għandhom tama għall-art. Dawn se ‘jqumu dritti u jgħollu rashom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħhom.’—Mt. 24:29, 30; Lq. 21:25-28.
15. Kristu liema xogħol se jagħmel meta jiġi?
15 Qabel ma jtemm ir-rebħa tiegħu, Bin il-bniedem jiġi saħansitra b’mod ieħor. Hu pprofetizza: “Meta Bin il-bniedem jasal fil-glorja tiegħu, u l-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu. U l-ġnus kollha jinġabru quddiemu, u hu jifred lin-nies, wieħed mill-ieħor, bħalma ragħaj jifred lin-nagħaġ mill-mogħoż. U jpoġġi lin-nagħaġ fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.” (Mt. 25:31-33) Dan jirreferi għall-miġja taʼ Kristu bħala Mħallef biex jifred lin-nies tal-“ġnus kollha” f’żewġ kategoriji: “in-nagħaġ,” dawk li jkunu appoġġaw b’mod attiv lil ħutu spiritwali (l-Kristjani midlukin fuq l-art) u l-“mogħoż,” dawk “li ma jobdux l-aħbar tajba dwar il-Mulej tagħna Ġesù.” (2 Tess. 1:7, 8) In-nagħaġ, deskritti bħala “nies sewwa,” se jirċievu “l-ħajja taʼ dejjem” fuq l-art, iżda l-mogħoż “imorru fil-qtugħ taʼ dejjem,” jew qerda.—Mt. 25:34, 40, 41, 45, 46.
Ġesù Jtemm ir-Rebħa Tiegħu
16. Kristu l-Mexxej tagħna kif se jtemm ir-rebħa tiegħu?
16 Bin-numru totali taʼ sħabu s-slaten u l-qassisin siġillat u bin-nagħaġ identifikati u mpoġġijin fuq l-id il-leminija tiegħu għas-salvazzjoni, Kristu jistaʼ jibqaʼ għaddej biex “itemm ir-rebħa tiegħu.” (Riv. 5:9, 10; 6:2) Bħala l-kap taʼ armata taʼ anġli setgħanin u, bla dubju, ħutu rxoxtati, hu se jeqred is-sistema politika, militari, u kummerċjali kollha kemm hi taʼ Satana fuq l-art. (Riv. 2:26, 27; 19:11-21) Ir-rebħa taʼ Kristu se tkun kompluta meta hu jeqred is-sistema mill-agħar taʼ Satana. Imbagħad, se jitfaʼ lil Satana u lid-demonji tiegħu fl-abbiss għal elf sena.—Riv. 20:1-3.
17. Kristu lejn xiex se jmexxi lin-nagħaġ oħrajn tiegħu matul ir-Renju taʼ Elf Sena, u x’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
17 Meta tkellem dwar il-“folla kbira” taʼ nagħaġ oħrajn, li se jibqgħu ħajjin fit-tribulazzjoni kbira, l-appostlu Ġwanni pprofetizza li “l-Ħaruf, li qiegħed ħdejn it-tron, jirgħahom, u jiggwidahom lejn għejun taʼ l-ilmijiet tal-ħajja.” (Riv. 7:9, 17) Tabilħaqq, matul ir-Renju taʼ Elf Sena tiegħu, Kristu se jkompli jmexxi lin-nagħaġ oħrajn, li tassew jisimgħu minn leħnu, u jiggwidahom lejn ħajja taʼ dejjem. (Aqra Ġwanni 10:16, 26-28.) Jalla nsegwu fedelment lill-Mexxej irjali tagħna—issa u fid-dinja l-ġdida li wiegħed Ġeħova!
Bħala Reviżjoni
• Kristu liema azzjoni ħa wara li ngħata t-tron?
• Kristu liema għodod viżibbli qed juża biex imexxi lill-kongregazzjonijiet?
• Kristu l-Mexxej tagħna b’liema modi għad irid jiġi?
• Kristu kif se jkompli jmexxina fid-dinja l-ġdida?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 29]
Permezz tal-qerda tas-sistema mill-agħar taʼ Satana se tintwera l-preżenza taʼ Kristu