Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qima Vera Tintgħaraf mill-Unità

Il-Qima Vera Tintgħaraf mill-Unità

Il-​Qima Vera Tintgħaraf mill-​Unità

“Inqegħedhom flimkien, bħal merħla fil-​maqjel.”—MIK. 2:12.

1. L-​għerf t’Alla kif jidher fil-​ħolqien?

 SALMISTA qal: “Kemm huma kotrana xogħlijietek, O Ġeħova! Kollha bl-​għerf għamilthom. L-​art mimlija b’dak li pproduċejt.” (Salm 104:24) L-​għerf t’Alla jidher mill-​mod kif il-​miljuni taʼ varjetajiet taʼ pjanti, insetti, annimali, u batterji li jinsabu fin-​nisġa meraviljuża u komplessa tal-​ħajja fuq l-​art tagħna, ilkoll jiddependu minn xulxin. Barra minn hekk, eluf taʼ mekkaniżmi differenti f’ġismek, minn organi kbar sa molekuli ċkejknin fiċ-​ċelluli tiegħek, jaħdmu lkoll flimkien biex jagħmluk persuna kompleta u f’saħħtek.

2. Bħalma jintwera f’paġna 13, l-​unità fost il-​Kristjani għala dehret bħala xi ħaġa mirakoluża?

2 Ġeħova ħalaq lill-​bnedmin biex jiddependu minn xulxin. Fir-​razza umana nsibu varjetà kbira taʼ wċuħ, personalitajiet, u abbiltajiet. Barra minn hekk, hu żejjen lill-​ewwel bnedmin bi kwalitajiet li jixbhu lil dawk t’Alla. Dawn kienu se jgħinuhom jikkooperaw flimkien u jiddependu minn xulxin. (Ġen. 1:27; 2:18) Minkejja dan, l-​umanità inġenerali issa tinsab ’il bogħod minn Alla u qatt ma rnexxielha tkun kollha kemm hi f’unità. (1 Ġw. 5:19) Il-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu kienet magħmula minn nies differenti ħafna minn xulxin; kien hemm ilsiera Efesin, nisa Griegi prominenti, irġiel Lhud taʼ skola, u nies li qabel kienu jqimu l-​idoli. Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li l-​unità tagħhom dehret bħala xi ħaġa mirakoluża.—Atti 13:1; 17:4; 1 Tess. 1:9; 1 Tim. 6:1.

3. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi l-​unità fost il-​Kristjani, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​istudju?

3 Il-​qima vera tgħin lin-​nies jikkooperaw f’armonija bħalma jikkooperaw il-​membri taʼ ġisimna stess. (Aqra l-1 Korintin 12:12, 13.) Xi aspetti li se neżaminaw f’dan l-​artiklu huma: Il-​qima vera kif tgħaqqad lin-​nies? Ġeħova għala hu l-​uniku wieħed li jistaʼ jgħaqqad lil miljuni taʼ nies mill-​ġnus kollha? Ġeħova jgħinna negħlbu liema ostakli li jfixklu l-​unità? Il-​Kristjanità vera kif inhi differenti mill-​Kristjaneżmu fejn tidħol l-​unità?

Il-​Qima Vera Kif Tgħaqqad lin-​Nies?

4. Il-​qima vera kif tgħaqqad lin-​nies?

4 Nies li jipprattikaw il-​qima vera jirrikonoxxu li Ġeħova bi dritt hu s-​Sovran tal-​univers, għax hu ħalaq l-​affarijiet kollha. (Riv. 4:11) Mela, għalkemm il-​Kristjani ġenwini jgħixu f’diversi soċjetajiet u għandhom ċirkustanzi differenti, ilkoll jobdu l-​istess liġijiet t’Alla u jgħixu skont l-​istess prinċipji Bibliċi. L-​aduraturi veri kollha jindirizzaw lil Ġeħova bħala ‘Missier,’ kif inhu xieraq. (Is. 64:8; Mt. 6:9) B’hekk, huma lkoll aħwa spiritwali u jistgħu jgawdu l-​unità mill-​isbaħ li hi deskritta mis-​salmista: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!”—Salm 133:1.

5. Liema kwalità tgħin biex ikun hemm l-​unità fost l-​aduraturi veri?

5 Għalkemm il-​Kristjani veri huma imperfetti, huma jqimu flimkien fʼunità għax tgħallmu jħobbu lil xulxin. Ħadd ma jistaʼ jgħallimhom kif iħobbu daqskemm jistaʼ jgħallimhom Ġeħova. (Aqra l-1 Ġwanni 4:7, 8.) Il-​Kelma tiegħu tgħid: “Ilbsu sentimenti profondi taʼ mogħdrija, u qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u sabar fit-​tul. Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll. Imma, minbarra dawn l-​affarijiet kollha, ilbsu l-​imħabba, għax hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:12-​14) Din ir-​rabta perfetta li tgħaqqad—l-​imħabba—hija l-​kwalità li prinċipalment jintgħarfu minnha l-​Kristjani veri. Mill-​esperjenza tiegħek stess, rajt int li din l-​unità hija karatteristika li tiddistingwi l-​qima vera?—Ġw. 13:35.

6. It-​tama tas-​Saltna kif tgħinna biex ikollna l-​unità?

6 L-​aduraturi veri huma magħqudin ukoll għax iqisu s-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama għall-​umanità. Huma jafu li s-​Saltna t’Alla dalwaqt se tieħu post il-​gvernijiet tad-​dinja u se tbierek lill-​bnedmin ubbidjenti bi sliem ġenwin u dejjiemi. (Is. 11:4-​9; Dan. 2:44) B’hekk, il-​Kristjani jagħtu kas dak li qal Ġesù dwar is-​segwaċi tiegħu: “M’humiex parti mid-​dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-​dinja.” (Ġw. 17:16) Il-​Kristjani veri jibqgħu newtrali fil-​konflitti tad-​dinja; b’hekk jistaʼ jkollhom l-​unità saħansitra meta dawk taʼ madwarhom ikunu qed jiggwerraw.

L-​Uniku Sors taʼ Tagħlim Spiritwali

7, 8. It-​tagħlim tal-​Bibbja b’liema mod jgħin biex ikun hemm l-​unità fostna?

7 Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu kellhom l-​unità għax ilkoll irċivew l-​inkuraġġiment mill-​istess sors. Huma rrikonoxxew li Ġesù kien qed jgħallem u jmexxi lill-​kongregazzjoni permezz taʼ ġemgħa li tiggverna magħmula mill-​appostli u mill-​anzjani f’Ġerusalemm. Dawn l-​irġiel devoti kienu jibbażaw id-​deċiżjonijiet tagħhom fuq il-​Kelma t’Alla u kienu jwasslu l-​istruzzjonijiet tagħhom lill-​kongregazzjonijiet f’ħafna pajjiżi billi jibagħtu indokraturi li jivvjaġġaw. Dwar xi wħud minn dawn l-​indokraturi, il-​Bibbja tgħid: “Fil-​bliet li kienu jgħaddu minnhom kienu jagħtu lil dawk t’hemmhekk id-​digrieti li kienu ġew deċiżi mill-​appostli u l-​anzjani f’Ġerusalemm biex josservawhom.”—Atti 15:6, 19-​22; 16:4.

8 B’mod simili llum, Ġemgħa li Tiggverna magħmula minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu tgħin biex ikun hemm l-​unità fil-​kongregazzjonijiet madwar id-​dinja. Il-​Ġemgħa li Tiggverna tippubblika letteratura inkuraġġanti spiritwalment b’ħafna lingwi. Dan l-​ikel spiritwali hu bbażat fuq il-​Kelma t’Alla. B’hekk, dak li jiġi mgħallem ma jiġix mill-​bniedem imma minn Ġeħova.—Is. 54:13.

9. Ix-​xogħol li tana Alla kif jgħinna nkunu magħqudin?

9 L-​indokraturi Kristjani wkoll jippromwovu l-​unità billi jkunu minn taʼ quddiem fl-​ippritkar. Ir-​relazzjoni mill-​qrib bejn dawk li jaħdmu flimkien fis-​servizz t’Alla hi bil-​wisq iktar b’saħħitha mir-​relazzjoni taʼ nies oħrajn fid-​dinja li sempliċement jiltaqgħu flimkien biex jissoċjalizzaw. Il-​kongregazzjoni Kristjana ma kinitx stabbilita biex isservi bħala każin jew għaqda, imma biex tonora lil Ġeħova u biex jitwettaq xogħol—ix-​xogħol tal-​ippritkar tal-​aħbar tajba, taʼ li nagħmlu dixxipli, u x-​xogħol biex tissaħħaħ il-​kongregazzjoni. (Rum. 1:11, 12; 1 Tess. 5:11; Ebr. 10:24, 25) B’hekk, l-​appostlu Pawlu setaʼ jgħid hekk dwar il-​Kristjani: “Qed iżżommu sod fi spirtu wieħed, u . . . b’ruħ waħda qed tistinkaw spalla maʼ spalla għall-​fidi taʼ l-​aħbar tajba.”—Flp. 1:27.

10. Bħala l-​poplu t’Alla, b’liema modi aħna magħqudin?

10 Għalhekk, bħala l-​poplu taʼ Ġeħova aħna magħqudin għax naċċettaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, inħobbu lil ħutna, nittamaw fis-​Saltna t’Alla, u nirrispettaw lil dawk li juża Alla biex jieħdu t-​tmexxija fostna. Ġeħova jgħinna negħlbu ċerti attitudnijiet li minħabba l-​imperfezzjoni tagħna għandhom mnejn jheddu l-​unità fostna.—Rum. 12:2.

Kif Negħlbu l-​Kburija u l-​Għira

11. Il-​kburija għala tifred lin-​nies, u Ġeħova kif jgħinna negħlbuha?

11 Il-​kburija tifred lin-​nies. Bniedem kburi jħobb iqis lilu nnifsu aqwa minn ħaddieħor, u ġeneralment b’egoiżmu jieħu pjaċir jiftaħar b’rixu. Imma dan spiss ifixkel l-​unità għax min jismaʼ l-​ftaħir għandu mnejn jibda jgħir. Id-​dixxiplu Ġakbu jgħidilna ċar u tond: “Din il-​kburija kollha hi tassew ħażina.” (Ġak. 4:16) Ma tkunx qed turi mħabba jekk tittratta lil oħrajn bħala inferjuri. Ġeħova hu eżempju li jispikka taʼ umiltà bil-​mod kif jittratta lin-​nies imperfetti bħalna. David kiteb: “Hi l-​umiltà tiegħek [t’Alla] li tagħmilni kbir.” (2 Sam. 22:36) Il-​Kelma t’Alla tgħinna negħlbu l-​kburija għax tgħallimna nirraġunaw kif jixraq. Pawlu ġie mnebbaħ biex jistaqsi: “Min jagħmlek biex tkun differenti minn ħaddieħor? Tabilħaqq, x’għandek li ma rċivejtx? Issa, jekk int tabilħaqq irċivejtu, għala tiftaħar bħallikieku ma rċivejtux?”—1 Kor. 4:7.

12, 13. (a) Għala hu faċli li nibdew ngħiru? (b) Liema riżultati jkun hemm jekk inqisu lil oħrajn kif iqishom Ġeħova?

12 L-​għira hija ostaklu komuni ieħor li jfixkel l-​unità. Minħabba li writna l-​imperfezzjoni, ilkoll għandna “tendenza għall-​għira,” u anki dawk li ilhom Kristjani għal żmien twil għandhom mnejn kultant jgħiru għaċ-​ċirkustanzi, għall-​ġid materjali, għall-​privileġġi, u għall-​abbiltajiet t’oħrajn. (Ġak. 4:5) Pereżempju, ħu miżżewweġ li għandu t-​tfal forsi jgħir xi ftit għall-​privileġġi li jkollu ħu li jaqdi fis-​servizz full-​time, mingħajr ma jirrealizza li l-​ħu li jaqdi fis-​servizz full-​time forsi jgħir xi ftit għal dan il-​ħu miżżewweġ li għandu t-​tfal. Kif nistgħu nevitaw li għira bħal din tħarbat l-​unità tagħna?

13 Biex niġu megħjunin nevitaw l-​għira, irridu niftakru li l-​Bibbja tqabbel lill-​membri midlukin tal-​kongregazzjoni Kristjana maʼ partijiet mill-​ġisem uman. (Aqra l-1 Korintin 12:14-​18.) Pereżempju, għalkemm l-​għajn tidher u l-​qalb le, mhux it-​tnejn prezzjużi għalik? Bl-​istess mod, Ġeħova jqis lill-​membri kollha tal-​kongregazzjoni bħala prezzjużi, avolja għal xi żmien xi wħud għandhom mnejn ikunu jidhru li qed jaħdmu iktar minn oħrajn. Għalhekk, ejja nqisu lil ħutna bl-​istess mod kif iqishom Ġeħova. Minflok ma ngħiru għal oħrajn, aħna nistgħu nuru li jimpurtana minnhom u nuru interess persunali fihom. Jekk nagħmlu dan, inkunu qed ngħinu biex nuru li hemm differenza bejn il-​Kristjani veri u l-​membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu.

Il-​Kristjaneżmu Jintgħaraf mill-​Firda

14, 15. Il-​Kristjanità apostata kif ma baqgħetx fʼunità?

14 Hemm kuntrast kbir bejn l-​unità li jgawdu l-​Kristjani veri u l-​ġlied li jeżisti fost il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Sar-​rabaʼ seklu, il-​Kristjanità apostata tant kienet infirxet li imperatur pagan taʼ Ruma ħadha taħt idejh. Minħabba f’hekk, il-​Kristjaneżmu beda jikber. Imbagħad, b’firda wara l-​oħra, ħafna saltniet ma baqgħux jagħmlu parti minn Ruma u fformaw knejjes tal-​Istat għalihom infushom.

15 Ħafna minn dawn is-​saltniet iggwerraw kontra xulxin għal sekli sħaħ. Matul is-​seklu 17 u s-​seklu 18, in-​nies fil-​Britannja, fi Franza, u fl-​Istati Uniti, kienu jippromwovu d-​devozzjoni lejn l-​Istat tagħhom, tant li n-​nazzjonaliżmu sar, biex ngħidu hekk, bħal reliġjon. Matul is-​seklu 19 u s-​seklu 20, in-​nazzjonaliżmu beda jiddomina l-​ħsieb tal-​biċċa l-​kbira min-​nies. Maż-​żmien, il-​knejjes tal-​Kristjaneżmu nqasmu f’għadd kbir taʼ setet li ħafna minnhom jittolleraw in-​nazzjonaliżmu. In-​nies li kienu jmorru l-​knisja saħansitra ggwerraw kontra nies minn ġens ieħor li kellhom l-​istess twemmin tagħhom. Illum, fil-​Kristjaneżmu hemm il-​firda kemm minħabba t-​twemmin settarju u kemm minħabba n-​nazzjonaliżmu.

16. Liema xorta taʼ kwistjonijiet jifirdu lin-​nies fil-​Kristjaneżmu?

16 Fis-​seklu 20, ftit mill-​mijiet taʼ setet tal-​Kristjaneżmu taw bidu għall-​moviment ekumeniku fi sforz biex jippromwovu l-​unità. Minkejja l-​ħafna għaxriet taʼ snin taʼ sforz biex isir dan, ftit huma l-​knejjes li ngħaqdu flimkien, u n-​nies li jmorru l-​knisja għadhom ma jaqblux dwar kwistjonijiet bħall-​evoluzzjoni, l-​abort, l-​omosesswalità, u l-​ordinazzjoni tan-​nisa. F’ċerti reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu, il-​mexxejja tal-​knejjes jipprovaw jgħaqqdu lin-​nies minn setet differenti billi jnaqqsu l-​importanza tad-​duttrini li qabel kienu jifirduhom. Madankollu, minħabba li jnaqqsu l-​importanza tad-​duttrini l-​fidi tan-​nies tiddgħajjef, u dan żgur ma jgħaqqadx ir-​reliġjonijiet mifrudin tal-​Kristjaneżmu.

Il-​Qima Vera Tisboq in-​Nazzjonaliżmu

17. Kif ġie mbassar li l-​qima vera kellha tgħaqqad lin-​nies fl-​“aħħar parti tal-​jiem”?

17 Għalkemm issa, iktar minn qatt qabel, l-​umanità tinsab mifruda bl-​ikrah, l-​aduraturi veri għadhom jintgħarfu mill-​unità. Mikea, il-​profeta t’Alla, bassar: “Inqegħedhom flimkien, bħal merħla fil-​maqjel.” (Mik. 2:12) Mikea bassar li l-​qima vera kellha titgħolla ’l fuq minn kull tip ieħor taʼ qima, sew jekk din tkun lejn l-​allat foloz u sew jekk tkun lejn l-​Istat bħala alla. Hu kiteb: “Irid iseħħ li fl-​aħħar parti tal-​jiem il-​muntanja tad-​dar taʼ Ġeħova ssir stabbilita fis-​sod ’il fuq mill-​quċċata tal-​muntanji, u titgħolla ’l fuq mill-​għoljiet; u lejha jiġru l-​popli. Għax il-​popli kollha, min-​naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu; imma aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna.”—Mik. 4:1, 5.

18. Il-​qima vera liema bidliet għenitna nagħmlu?

18 Mikea ddeskriva wkoll kif il-​qima vera kellha tgħaqqad lil dawk li qabel kienu għedewwa. “[Nies minn] ħafna ġnus imorru jgħidu: ‘Ejjew, ħa nitilgħu lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova u lejn id-​dar taʼ l-​Alla taʼ Ġakobb; u hu jgħallimna dwar triqatu, u aħna nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’ . . . U jkollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-​moħriet u l-​lanez tagħhom fi skieken taż-​żabra. Ma jerfgħux is-​sejf, ġens kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-​gwerra.” (Mik. 4: 2, 3) Dawk li jabbandunaw il-​qima tal-​allat magħmulin mill-​bniedem jew il-​qima tan-​nazzjon sabiex iħaddnu l-​qima taʼ Ġeħova, igawdu unità madwar id-​dinja. Alla jgħallimhom il-​mogħdijiet tal-​imħabba.

19. L-​unità fost il-​miljuni taʼ nies fil-​qima vera taʼ xiex tagħti evidenza?

19 L-​unità globali fost il-​Kristjani veri llum hija unika u tagħti evidenza ċara li Ġeħova qed ikompli jiggwida lin-​nies tiegħu permezz tal-​ispirtu tiegħu. Issa iktar minn qatt qabel fl-​istorja tal-​bniedem, individwi minn kull ġens qed jingħaqdu flimkien. Dan hu fi qbil mat-​twettiq notevoli taʼ dak li hu implikat f’Rivelazzjoni 7:9, 14, u jindika li l-​anġli t’Alla dalwaqt jitilqu l-​“irjieħ” li se jeqirdu lis-​sistema preżenti. (Aqra Rivelazzjoni 7:1-​4, 9, 10, 14.) Mhuwiex privileġġ li nkunu magħqudin fi fratellanza mad-​dinja kollha? Kull wieħed u waħda minna kif jistaʼ jgħin biex ikun hemm din l-​unità? Dan se jiġi kunsidrat fl-​artiklu li jmiss.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​qima vera kif tgħaqqad lin-​nies?

• Kif nistgħu nevitaw li l-​għira tħarbat l-​unità tagħna?

• In-​nazzjonaliżmu għala ma joħloqx firda fost l-​aduraturi veri?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 13]

Il-​Kristjani tal-​ewwel seklu ġew minn ħafna sfondi differenti

[Stampa f’paġna 15]

Id-​daqqa t’id li tagħti fil-​proġetti tas-​Swali tas-​Saltna kif tgħin biex ikun hemm l-​unità?