Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kampanja Speċjali fil-Bulgarija Tkun taʼ Suċċess

Kampanja Speċjali fil-Bulgarija Tkun taʼ Suċċess

Kampanja Speċjali fil-​Bulgarija Tkun taʼ Suċċess

“Il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.”—MT. 9:37, 38.

KEMM hu minnu dan il-​kliem taʼ Ġesù fil-​każ tal-​Bulgarija, pajjiż mill-​isbaħ tal-​Balkani fix-​Xlokk tal-​Ewropa! Hemm bżonn kbir għal iktar ħaddiema biex iwasslu l-​aħbar tajba lil iktar minn sebaʼ miljun abitant. Fil-​Bulgarija hemm madwar 1,700 pubblikatur, imma mhux qed jirnexxilhom ikopru t-​territorju kollu. Għalhekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tat l-​approvazzjoni tagħha biex jiġu mistidnin Xhieda li jitkellmu bil-​Bulgaru minn bosta pajjiżi fl-​Ewropa ħalli jieħdu sehem f’kampanja speċjali fl-​2009. Din il-​kampanja kellha ddum sebaʼ ġimgħat matul ix-​xhur tas-​sajf, u kellha tilħaq il-​quċċata tagħha bil-​Konvenzjoni Distrettwali “Ibqgħu Għassa!” li saret f’Sofia mill-​14 sas-​16 t’Awwissu, 2009.

Respons Qawwi

L-​aħwa fl-​uffiċċju tal-​fergħa f’Sofia kellhom kurżità kbira biex jaraw kemm uħud minn Franza, il-​Ġermanja, il-​Greċja, l-​Italja, il-​Polonja, u minn Spanja kienu se jwieġbu għal din l-​istedina. Dan kien ifisser li l-​volontieri kellhom iħallsu l-​ispejjeż tal-​vjaġġ lejn il-​Bulgarija minn buthom u jużaw il-​ġranet tal-​leave tagħhom biex jippritkaw. Kemm kien eċċitanti hekk kif ġimgħa wara ġimgħa, in-​numru tal-​applikanti beda jikber sakemm laħaq il-​292! B’respons kbir bħal dan, dawn il-​volontieri setgħu jiġu assenjati fi tlett ibliet differenti fil-​Bulgarija: Kazanlak, Sandanski, u Silistra. L-​indokraturi tas-​circuit fil-​Bulgarija stiednu lill-​pijunieri u lill-​pubblikaturi lokali biex huma wkoll jagħtu l-​appoġġ tagħhom f’din il-​kampanja. Eventwalment, 382 volontier kienu qed jippritkaw biż-​żelu f’territorji li rari kienu jintlaħqu bl-​aħbar tajba.

Xi aħwa minn kongregazzjonijiet viċin ġew inkarigati minn qabel biex isibulhom fejn joqogħdu. Huma krew xi appartamenti u bbukkjaw xi lukandi rħas. Dawn l-​aħwa lokali ħadmu bla heda biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​volontieri li kienu ġejjin u biex jgħinuhom jissetiljaw. Fit-​tlett ibliet kollha, inkrew postijiet biex jintużaw għal-​laqgħat. Saru arranġamenti biex il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni jkunu mmexxijin mill-​aħwa rġiel li kienu se jżuruhom. Kien eċċitanti li tara li f’postijiet fejn lanqas xhud wieħed biss ma kien hemm, kienu qed jiltaqgħu 50 pubblikatur biex ifaħħru lil Ġeħova.

Iż-​żelu taʼ dawk li ġew minn pajjiżi oħrajn biex jgħinu fil-​kampanja kien straordinarju. Matul ix-​xhur tas-​sajf, it-​temperatura fil-​Bulgarija tistaʼ titlaʼ iktar minn 40 grad Celsius. Madankollu, xejn ma setaʼ jwaqqaf lil dawn l-​aħwa rġiel u nisa żelużi. Silistra, belt b’iktar minn 50,000 abitant li tinsab max-​Xmara Danubju, ngħatat xhieda bir-​reqqa matul l-​ewwel tliet ġimgħat. Minħabba f’hekk, l-​aħwa għamlu iktar sforz u wasslu l-​messaġġ sal-​irħula viċin, saħansitra waslu sa Tutrakan, li tinsab 55 kilometru fil-​Punent taʼ Silistra. Normalment, kienu jibdew il-​ministeru tagħhom mad–9:30 taʼ filgħodu. Wara waqfa żgħira għall-​ikel taʼ nofsinhar, ħafna drabi kienu jkomplu sas–7:00 taʼ filgħaxija jew saħansitra iktar tard. Bl-​istess mod, minħabba ż-​żelu straordinarju taʼ dawn il-​volontieri, il-​kampanja f’Kazanlak u f’Sandanski nfirxet sal-​irħula u l-​bliet viċin.

Xi Twettaq?

Matul dawk is-​sebaʼ ġimgħat ngħatat xhieda li tispikka. Bħalma ntqal fi żmien l-​appostli, l-​abitanti taʼ dawn il-​bliet setgħu jgħidu, ‘Imlejtu lill-​belt tagħna bit-​tagħlim tagħkom.’ (Atti 5:28) Ix-​Xhieda li ħadu sehem f’din il-​kampanja qassmu madwar 50,000 rivista u bdew 482 studju tal-​Bibbja. B’ferħ, fl-​1 taʼ Settembru, 2009, ġiet ifformata kongregazzjoni f’Silistra, u gruppi f’Kazanlak u f’Sandanski. Huwa inkuraġġanti li tara individwi li semgħu l-​aħbar tajba għall-​ewwel darba matul din il-​kampanja jagħmlu progress spiritwali.

Fl-​ewwel ġimgħa tal-​kampanja, pijuniera speċjali minn Spanja li titkellem bil-​Bulgaru ppritkat lil waħda mara f’Silistra jisimha Karina, li kienet qed tbigħ il-​gazzetti fit-​triq. Karina wriet interess u attendiet waħda mil-​laqgħat. Mill-​ewwel aċċettat studju tal-​Bibbja. Ir-​raġel tagħha huwa ateu, allura talbet biex l-​istudju tal-​Bibbja jsir fi ġnien. Għall-​istudju tal-​Bibbja kienu jattendu wkoll iż-​żewġ uliedha bniet. Il-​kbira, Daniela, uriet apprezzament li ma bħalu għall-​verità tal-​Bibbja. F’ġimgħa, hi qrat il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? u mill-​ewwel applikat dak li tgħid il-​Bibbja dwar li m’għandhomx jintużaw xbihat fil-​qima. Imbagħad, bdiet taqsam il-​verità mal-​ħbieb tagħha. Tliet ġimgħat biss wara li attendiet l-​ewwel laqgħa tal-​kongregazzjoni, lill-​oħt li kienet tagħmlilha l-​istudju qaltilha: “Inħossni qisni waħda minnkom. Xi rrid nagħmel sabiex anki jien nibda nipprietka?” Flimkien m’ommha u oħtha ż-​żgħira, Daniela qed tkompli tagħmel progress ġmielu.

F’Kazanlak, ħu Bulgaru jismu Orlin, li ġie għall-​kampanja mill-​Italja, kien miexi lura lejn id-​dar wara s-​servizz tal-​għalqa. Fi triqtu, Orlin ta xhieda lil żewġt irġiel żgħażagħ li kienu bilqiegħda fuq bank fi ġnien. Hu tahom kopja tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? u għamel arranġamenti biex l-​għada jerġaʼ jiltaqaʼ magħhom. F’din iż-​żjara, Orlin beda studju tal-​Bibbja maʼ Svetomir u l-​għada stess reġaʼ sar l-​istudju. F’disat ijiem, Orlin studja maʼ Svetomir tmien darbiet. Svetomir qal: “Jumejn qabel ma ltqajt miegħek, tlabt lil Alla biex jgħinni nsir nafu. U wegħedtu li jekk jgħinni, niddedika ħajti lilu.” Wara li Orlin mar lura lejn l-​Italja, l-​aħwa lokali komplew jistudjaw maʼ Svetomir. Hu qed jagħmel il-​verità tiegħu.

Barkiet Kbar Għal Dawk li Jagħmlu Sagrifiċċji

Kif iħossuhom dawn l-​uħud li b’ġenerożità użaw il-​ġranet tal-​leave tagħhom u ħallsu l-​ispejjeż tal-​vjaġġ lejn pajjiż ieħor minn buthom biex jippritkaw l-​aħbar tajba? Anzjan li jaqdi fi Spanja kiteb: “Permezz tal-​kampanja, l-​aħwa fi Spanja li jaqdu fil-​qasam tal-​lingwa Bulgara resqu eqreb taʼ xulxin. Kellha effett kbir fuq l-​aħwa li ħadu sehem fiha.” Koppja mill-​Italja kitbet: “Dan kien l-​isbaħ xahar taʼ ħajjitna!” Huma qalu wkoll: “Il-​kampanja biddlitilna ħajjitna! Issa sirna nies differenti.” Din il-​koppja bdiet tikkunsidra bis-​serjetà l-​possibbiltà li tmur tgħix il-​Bulgarija u taqdi fejn il-​bżonn hu akbar. Carina, oħt mhix miżżewġa minn Spanja li taqdi bħala pijuniera regulari, ħadet sehem f’din il-​kampanja f’Silistra. Wara dan, telqet ix-​xogħol tagħha fi Spanja u marret tgħix il-​Bulgarija biex tappoġġa l-​kongregazzjoni l-​ġdida f’din il-​belt. Kien irnexxielha ġġemmaʼ biżżejjed flus biex tgħix sena l-​Bulgarija. Dwar id-​deċiżjoni li ħadet, Carina tgħid: “Kemm jien ferħana li Ġeħova qed jippermettili li naqdih hawn fil-​Bulgarija, u nittama li nkun nistaʼ nibqaʼ hawn għal żmien twil. Diġà għandi ħames studji tal-​Bibbja, u tlieta minnhom qed jattendu l-​laqgħat.”

Oħt Taljana xtaqet tieħu sehem fil-​kampanja, imma minħabba li kienet għadha kif bdiet xogħol ġdid, ma kellhiex biżżejjed leave. Mingħajr ma qatgħet qalbha, hi applikat għal xahar leave mingħajr paga u kienet lesta li titlaq mix-​xogħol jekk it-​talba tagħha ma tiġix milqugħa. Bla mistenni, l-​imgħallem tagħha qalilha: “Kollox sew, imma bil-​patt u l-​kundizzjoni li tibgħatli kartolina mill-​Bulgarija.” Ċertament li l-​oħt ħasset li Ġeħova kien wieġeb it-​talb tagħha.

Stanislava hi oħt żagħżugħa mill-​belt taʼ Varna, il-​Bulgarija. Hi kellha xogħol full-​time b’paga tajba u ħadet il-​leave biex tieħu sehem fil-​kampanja f’Silistra. Meta rat il-​ferħ li kellhom il-​ħafna pijunieri li ġew minn dak il-​bogħod kollu biex jippritkaw l-​aħbar tajba f’pajjiżha, qabżilha d-​dmugħ. Bdiet taħseb dwar x’kienet qed tagħmel b’ħajjitha, jiġifieri, tfittex karriera sekulari. Meta wara ġimagħtejn marret lura d-​dar, telqet ix-​xogħol tagħha u bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Issa tħossha ferħana li qed tiftakar fil-​Ħallieq tagħha f’jiem żgħożitha.—Ekk. 12:1.

X’barka hi li tkun attiv fis-​servizz taʼ Ġeħova! Xejn ma tistaʼ tagħmel aħjar milli tuża l-​ħin u s-​saħħa tiegħek fix-​xogħol taʼ tagħlim importanti u biex tipprietka l-​aħbar tajba. Hemm xi modi kif tistaʼ żżid personalment is-​sehem tiegħek fil-​ministeru li jsalva l-​ħajjiet? Forsi hemm xi aspetti f’pajjiżek stess fejn il-​bżonn hu akbar. Tistaʼ tmur taqdi hemm? Jew forsi tistaʼ tikkunsidra li titgħallem lingwa oħra sabiex tgħin lin-​nies f’pajjiżek li huma għatxana għall-​verità tal-​Bibbja. Ibqaʼ ċert li Ġeħova se jbierek bil-​kbir kull aġġustament li tagħmel biex iżżid is-​sehem tiegħek fil-​ministeru.—Prov. 10:22.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 32]

Ġurnata Memorabbli

Ħafna wħud minn dawk li ġew minn pajjiżi oħrajn fl-​Ewropa biex jappoġġaw il-​kampanja speċjali li saret fil-​Bulgarija, ippjanaw li jattendu l-​Konvenzjoni Distrettwali, “Ibqgħu Għassa!” li kellha ssir f’Sofia. Kien verament inkuraġġanti għall-​aħwa rġiel u nisa lokali li jiltaqgħu maʼ daqstant viżitaturi minn pajjiżi differenti. Kemm kienu eċċitati l-​2,039 ruħ li attendew, meta Ħuna Geoffrey Jackson, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, ħabbar il-​ħarġa sħiħa tat-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa bil-​Bulgaru! Dawk kollha li attendew il-​Ġimgħa esprimew l-​apprezzament tagħhom mill-​qalb b’ċapċip taʼ entużjażmu u fit-​tul. Ħafna saħansitra bkew bil-​ferħ. Din it-​traduzzjoni li hi eżatta u faċli biex tifhimha se tgħin lin-​nies Bulgari li huma sinċieri biex isiru jafu lil Ġeħova.

[Mappa f’paġna 30, 31]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

BULGARIJA

SOFIA

Sandanski

Silistra

Kazanlak

[Stampi f’paġna 31]

F’dawk is-​sebaʼ ġimgħat ngħatat xhieda bir-​reqqa