L-Unità Kristjana Tigglorifika lil Alla
L-Unità Kristjana Tigglorifika lil Alla
‘Agħmlu ħilitkom biex bil-ħeġġa kollha tħarsu l-unità taʼ l-ispirtu.’—EFES. 4:3.
1. Il-Kristjani tal-ewwel seklu f’Efesu kif igglorifikaw lil Alla?
L-UNITÀ fil-kongregazzjoni Kristjana f’Efesu tal-qedem kienet tigglorifika lill-Alla l-veru, Ġeħova. F’din il-belt kummerċjali li kienet ċentru taʼ prosperità, xi aħwa Kristjani milli jidher kienu nies għonja li kellhom l-ilsiera, filwaqt li oħrajn kienu lsiera huma nfushom u x’aktarx foqra ħafna. (Efes. 6:5, 9) Xi wħud kienu Lhud li saru jafu l-verità matul it-tliet xhur li fihom l-appostlu Pawlu kien ikellimhom fis-sinagoga tagħhom. Oħrajn qabel kienu jqimu lil Artemi u kienu jipprattikaw il-maġija. (Atti 19:8, 19, 26) Jidher ċar li l-Kristjanità vera kienet tgħaqqad flimkien lil nies li kienu ġejjin minn ħafna sfondi differenti. Pawlu rrikonoxxa li Ġeħova kien glorifikat permezz tal-unità fil-kongregazzjoni. L-appostlu kiteb: “Lilu tkun il-glorja permezz tal-kongregazzjoni.”—Efes. 3:21.
2. X’hedded l-unità tal-Kristjani f’Efesu?
2 Iżda, l-unità li l-kongregazzjoni f’Efesu kienet imbierka biha ġiet mhedda. Pawlu wissa lill-anzjani: “Minn fostkom stess iqumu rġiel li jitkellmu affarijiet mgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli għal warajhom.” (Atti 20:30) Ukoll, xi aħwa kien għad għandhom dan l-ispirtu taʼ firda li, bħalma wissa Pawlu, “jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza.”—Efes. 2:2; 4:22.
Ittra li Tenfasizza l-Unità
3, 4. L-ittra li Pawlu kiteb lill-Efesin kif tenfasizza l-unità?
3 Pawlu rrealizza li sabiex il-Kristjani jkomplu jikkooperaw flimkien f’armonija, kien jeħtieġ li kull wieħed minnhom jagħmel sforz ħerqan biex jippromwovi l-unità. Alla nebbaħ lil Pawlu biex jikteb ittra lill-Efesin, li t-tema tagħha kienet l-unità. Pereżempju, Pawlu kiteb dwar l-iskop t’Alla “li jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-Kristu.” (Efes. 1:10) Ukoll, hu xebbah lill-Kristjani maʼ ġebel differenti taʼ xi binja. “Il-bini kollu, magħqud flimkien b’mod armonjuż, qed jikber f’tempju qaddis għal Ġeħova.” (Efes. 2:20, 21) Barra minn hekk, Pawlu enfasizza l-unità bejn il-Kristjani Lhud u l-Kristjani Ġentili, u fakkar ukoll lill-aħwa li huma lkoll kienu maħluqin minn Alla. Hu rrefera għal Ġeħova bħala “l-Missier, li lilu taf isimha kull familja fis-sema u fuq l-art.”—Efes. 3:5, 6, 14, 15.
4 Hekk kif neżaminaw kapitlu 4 taʼ Efesin, se naraw għala l-unità tirrikjedi sforz, kif Ġeħova jgħinna nkunu magħqudin, u liema attitudnijiet jgħinuna nibqgħu f’unità. Għala ma taqrax il-kapitlu kollu sabiex tibbenefika saħansitra iktar mill-istudju?
Għala l-Unità Tirrikjedi Sforz Ħerqan
5. L-anġli t’Alla għala jistgħu jaqdu f’unità, imma l-unità għala tistaʼ tkun iktar taʼ sfida għalina?
5 Pawlu talab bil-ħrara lill-aħwa f’Efesu ‘biex bil-ħeġġa kollha jħarsu l-unità taʼ l-ispirtu.’ (Efes. 4:3) Biex nifhmu kemm jeħtieġ sforz f’dan ir-rigward, ejja nikkunsidraw il-każ tal-anġli t’Alla. Ebda żewġ affarijiet ħajjin fuq l-art mhuma kompletament bħal xulxin. Għalhekk, nistgħu bir-raġun nikkonkludu li Ġeħova bierek lil kull wieħed mill-miljuni taʼ anġli li għandu billi għamilhom uniċi. (Dan. 7:10) Madankollu, huma jistgħu jaqdu lil Ġeħova f’unità għax ilkoll jisimgħu minnu u jagħmlu r-rieda tiegħu. (Aqra Salm 103:20, 21.) L-anġli leali u l-Kristjani għandhom attributi differenti, imma l-Kristjani għandhom ukoll diversi difetti. Minħabba f’hekk l-unità tistaʼ tkun iktar taʼ sfida.
6. Liema attitudnijiet se jgħinuna nikkooperaw bil-ferħ mal-aħwa li għandhom difetti differenti minn tagħna?
6 Meta nies imperfetti jipprovaw jikkooperaw, faċilment ikun hemm diffikultajiet. Pereżempju, xi ngħidu jekk ħu ġwejjed li spiss jasal tard qed jaqdi lil Ġeħova flimkien maʼ ħu li jkun puntwali imma malajr jitlef it-tempra? Kull wieħed minnhom għandu mnejn iħoss li l-imġiba tal-ieħor mhijiex xierqa, imma forsi jinsa li hu wkoll għandu aspetti mill-kondotta tiegħu li mhumiex xierqa. Kif jistgħu żewġt aħwa bħal dawn jaqdu flimkien f’unità? Innota kif l-attitudnijiet rikkmandati fil-kliem li Pawlu qal wara kienu se jgħinuhom. Imbagħad irrifletti fuq kif nistgħu nippromwovu l-unità billi niżviluppaw dawn l-attitudnijiet. Pawlu kiteb: “Nitlobkom bil-ħrara biex timxu kif jixraq . . . b’umiltà sħiħa u ħlewwa, b’sabar fit-tul, waqt li tissaportu lil xulxin bl-imħabba, u tagħmlu ħilitkom biex bil-ħeġġa kollha tħarsu l-unità taʼ l-ispirtu fir-rabta li tgħaqqad tal-paċi.”—Efes. 4:1-3.
7. Għala hu vitali li taħdem biex tkun f’unità maʼ Kristjani imperfetti oħrajn?
7 Huwa vitali li nitgħallmu naqdu lil Alla f’unità maʼ nies imperfetti oħrajn għax hemm biss ġemgħa waħda taʼ aduraturi veri. “Hemm ġisem wieħed u spirtu wieħed, saħansitra bħalma hemm tama waħda li għaliha kontu msejħin; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier kulħadd.” (Efes. 4:4-6) L-ispirtu u l-barkiet taʼ Ġeħova huma assoċjati mal-fratellanza waħda li qed juża Alla. Anki jekk xi ħadd fil-kongregazzjoni jagħmel xi ħaġa li ddejjaqna, fejn iktar nistgħu mmorru? M’hemm imkien iktar fejn nistgħu nisimgħu l-kliem tal-ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 6:68.
“L-Irġiel Bħala Għotjiet” Jippromwovu l-Unità
8. Kristu x’juża biex jgħinna nissaħħu kontra influwenzi li joħolqu l-firda?
8 Pawlu uża drawwa li kienet komuni fost is-suldati fi żmien il-qedem biex juri kif Ġesù pprovda “rġiel bħala għotjiet” biex jgħinu ħalli l-kongregazzjoni jkollha l-unità. Wara r-rebħa, suldat setaʼ jġib ilsir jew ilsira barranija bħala qaddejja għal martu ħalli jkollha min jgħinha fil-faċendi. (Salm 68:1, 12, 18) Bl-istess mod, permezz tar-rebħa li kellu fuq id-dinja, Ġesù kiseb ħafna lsiera li kienu lesti li jaqduh. (Aqra Efesin 4:7, 8.) Ġesù kif użahom lill-hekk imsejħin ilsiera? “Ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala rgħajja u għalliema, bil-ħsieb li jerġgħu jiġu aġġustati l-qaddisin, għal xogħol ministerjali, biex jinbena l-ġisem tal-Kristu, sakemm ilkoll naslu għall-unità fil-fidi.”—Efes. 4:11-13.
9. (a) L-“irġiel bħala għotjiet” kif jgħinu biex tinżamm l-unità fostna? (b) Kull membru tal-kongregazzjoni għala għandu jikkontribwixxi għall-unità tagħha?
9 Bħala rgħajja kollhom imħabba, dawn l-“irġiel bħala għotjiet” jgħinu biex tinżamm l-unità tagħna. Pereżempju, jekk anzjan tal-kongregazzjoni jinnota żewġ aħwa ‘jqanqlu l-kompetizzjoni bejniethom,’ hu jistaʼ jikkontribwixxi ferm għall-unità tal-kongregazzjoni billi jagħtihom parir fil-privat biex ‘jaġġustahom mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Gal. 5:26–6:1) Bħala għalliema, dawn l-“irġiel bħala għotjiet” jgħinuna nibnu fidi soda bbażata fuq it-tagħlim tal-Bibbja. B’hekk, huma jippromwovu l-unità u jgħinuna nilħqu l-maturità Kristjana. Pawlu kiteb li dan isir “sabiex ma nibqgħux iktar tfal ċkejknin, mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim bl-ingann tan-nies li bil-makakkerija jinsġu l-qerq.” (Efes. 4:13, 14) Kull Kristjan għandu jikkontribwixxi għall-unità tal-aħwa, sewwasew bħalma kull membru tal-ġisem fiżiku tagħna jgħin lill-partijiet l-oħrajn billi jipprovdi dak li jkun hemm bżonn.—Aqra Efesin 4:15, 16.
Żviluppa Attitudnijiet Ġodda
10. Il-kondotta immorali kif tistaʼ thedded l-unità tagħna?
10 Innotajt int li kapitlu erbgħa tal-ittra taʼ Pawlu lill-Efesin juri li l-qofol biex tinkiseb l-unità bħala Kristjani maturi hu li tiġi prattikata l-imħabba? Imbagħad l-istess kapitlu juri x’tinvolvi l-imħabba. Biżżejjed ngħidu li jekk nimxu bl-imħabba, din mhux se tħallina nikkommettu ż-żína u nieħdu sehem f’kondotta laxka. Pawlu ħeġġeġ lil ħutu biex ‘ma jibqgħux jimxu iktar kif jimxu l-ġnus.’ Dawn in-nies kienu “tilfu kull sens morali,” u “ngħataw għall-kondotta laxka.” (Efes. 4:17-19) Id-dinja immorali li qed ngħixu fiha tipperikola l-unità tagħna. In-nies jgħidu ċajt dwar il-fornikazzjoni, ikantaw dwarha, joqogħdu jarawha bħala divertiment, u jipprattikawha bil-moħbi jew fil-beraħ. Iżda, anki l-ksuħat maʼ dawk tas-sess oppost, li jistgħu jinvolvu li taġixxi bħallikieku għandek attrazzjoni sesswali lejn xi ħadd li m’għandek ebda intenzjoni li tiżżewġu, jistgħu jbegħduk minn Ġeħova u mill-kongregazzjoni. Għala? Għax dan faċilment iwassal għaż-żína. Ukoll, il-ksuħat li jwasslu lil persuna miżżewġa għall-adulterju jistgħu bi krudeltà jifirdu lit-tfal mill-ġenituri u lill-imseħbin innoċenti mir-raġel jew mill-mara tagħhom. Dan verament iġib firda! Mhux taʼ b’xejn li Pawlu kiteb: “Intom mhux hekk tgħallimtu li hu l-Kristu”!—Efes. 4:20, 21.
11. Il-Bibbja liema bidliet tinkuraġġihom jagħmlu lill-Kristjani?
11 Pawlu enfasizza li għandna nwarrbu l-modi qerrieda taʼ kif naħsbuha u minflok niżviluppaw attitudnijiet li jgħinuna ngħixu f’armonija maʼ oħrajn. Hu qal: “Għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed titħassar bix-xewqat qarriqin tagħha [tal-personalità l-qadima]; u tiġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom, u tilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.” (Efes. 4:22-24) Kif nistgħu ‘niġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħna’? Jekk nimmeditaw b’apprezzament dwar dak li nitgħallmu kemm mill-Kelma t’Alla u kemm mill-eżempju tajjeb taʼ Kristjani maturi, nistgħu bi sforz niksbu l-personalità ġdida “li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.”
Żviluppa Modi Ġodda Kif Titkellem
12. Li ngħidu l-verità kif jippromwovi l-unità, u għala hu diffiċli għal xi wħud biex jgħidu l-verità?
12 Hu vitali li dawk li huma membri taʼ familja jew taʼ kongregazzjoni jgħidu l-verità lil xulxin. In-nies jistgħu jinġibdu lejn xulxin meta d-diskors ikun sinċier, bil-miftuħ, u b’qalb tajba. (Ġw. 15:15) Imma xi ngħidu jekk xi ħadd jigdeb lil ħuh? Meta ħuh jinduna li jkun gidiblu, ir-rabta taʼ fiduċja li jkollhom bejniethom ma tibqax b’saħħitha. Wieħed jistaʼ jifhem għala Pawlu kiteb: “Għidu l-verità, kull wieħed minnkom lill-proxxmu tiegħu, għax aħna membri taʼ xulxin.” (Efes. 4:25) Individwu li jkun imdorri jigdeb, forsi jkun ilu jigdeb minn ċkunitu, jistaʼ jsibha bi tqila biex jibda jgħid il-verità. Imma Ġeħova japprezza l-isforz li jagħmel biex jitbiddel, u se jgħinu.
13. X’inhu involut f’li wieħed iwarrab it-tgħajjir?
13 Ġeħova jgħallimna kif nippromwovu r-rispett u l-unità sew fil-kongregazzjoni u sew fil-familja billi jpoġġi limiti stretti fuq kif nitkellmu. “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra . . . Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir flimkien maʼ kull ħażen.” (Efes. 4:29, 31) Mod wieħed kif tevita diskors offensiv hu billi tiżviluppa attitudni taʼ iktar rispett lejn oħrajn. Pereżempju, raġel li jgħajjar lil martu għandu jagħmel ħiltu kollha biex ibiddel l-attitudni tiegħu lejha, speċjalment meta jitgħallem kif Ġeħova jonora lin-nisa. Alla saħansitra jagħżel biex xi nisa jkunu midlukin bl-ispirtu qaddis, u jagħtihom il-prospett li jaħkmu bħala slaten maʼ Kristu. (Gal. 3:28; 1 Pt. 3:7) Bl-istess mod, mara li għandha vizzju tgħajjat maʼ żewġha għandha tiġi mqanqla biex tbiddel l-attitudni tagħha meta titgħallem kif Ġesù żamm lura meta ġie provokat.—1 Pt. 2:21-23.
14. Għala huwa perikoluż li wieħed jesprimi r-rabja tiegħu?
14 It-tgħajjir hu relatat mill-qrib maʼ li wieħed jonqos li jikkontrolla r-rabja. Dan ukoll jistaʼ jifred lil nies li huma membri taʼ xulxin. Ir-rabja hi bħan-nar. Dan jistaʼ faċilment ma jiġix kontrollat u jikkaġuna diżastru. (Prov. 29:22) Xi ħadd li jkun ġustifikat li juri d-diżapprovazzjoni tiegħu jrid joqgħod b’sebaʼ għajnejn li jikkontrolla r-rabja tiegħu biex jevita li jħassar relazzjonijiet prezzjużi. Il-Kristjani għandhom jaħdmu biex juru maħfra, mhux iżommu f’qalbhom u qatt ma jerġgħu jitkellmu dwar is-suġġett. (Salm 37:8; 103:8, 9; Prov. 17:9) Pawlu ta dan il-parir lill-Efesin: “Jekk tinkorlaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-Xitan.” (Efes. 4:26, 27) Jekk wieħed jonqos li jikkontrolla r-rabja tiegħu jkun qed jagħti opportunità lix-Xitan biex jiżraʼ l-firda u saħansitra l-ġlied fil-kongregazzjoni.
15. X’effett jistaʼ jkollu fuqna jekk nieħdu dak li mhuwiex tagħna?
15 Meta nuru rispett lejn il-proprjetà tal-oħrajn ngħinu biex ikun hemm l-unità fil-kongregazzjoni. Naqraw: “Min kien jisraq ħa ma jisraqx iktar.” (Efes. 4:28) Fost in-nies taʼ Ġeħova żviluppa sens ġenerali taʼ fiduċja. Kieku xi Kristjan kellu jabbuża minn din il-fiduċja billi jieħu xi ħaġa li ma tkunx tiegħu, hu jkun qed jagħmel ħsara lil din l-unità hienja.
L-Imħabba Għal Alla Tgħaqqadna
16. Kif nistgħu ngħidu diskors li jibni biex insaħħu l-unità tagħna?
16 L-unità fost il-membri tal-kongregazzjoni Kristjana tiġi għax ilkoll huma mqanqlin mill-imħabba lejn Alla biex jittrattaw lil oħrajn bl-imħabba. Il-gratitudni għall-qalb tajba taʼ Ġeħova timmotivana biex nagħmlu sforz ħerqan ħalli napplikaw il-parir: “Għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu. . . . Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb bi Kristu.” (Efes. 4:29, 32) Ġeħova b’qalb tajba jaħfer lin-nies imperfetti bħalna. M’għandniex aħna naħfru lil oħrajn meta naraw l-imperfezzjonijiet tagħhom?
17. Għala għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nippromwovu l-unità?
17 L-unità fost in-nies t’Alla tigglorifika lil Ġeħova. L-ispirtu tiegħu jqanqalna b’mod differenti sabiex nippromwovu l-unità. Żgur li ma rridux nirreżistu t-tmexxija tal-ispirtu. Pawlu kiteb: “Tnikktux l-ispirtu qaddis t’Alla.” (Efes. 4:30) L-unità hija teżor taʼ min jipproteġih. Dawk li għandhom din l-unità huma ferħanin u biha jigglorifikaw lil Ġeħova. “Għalhekk, imitaw lil Alla, bħala wlied maħbubin, u ibqgħu mexjin bl-imħabba.”—Efes. 5:1, 2.
Int Kif Twieġeb?
• Liema attitudnijiet jippromwovu l-unità fost il-Kristjani?
• Il-kondotta tagħna kif tistaʼ tippromwovi l-unità fil-kongregazzjoni?
• Id-diskors tagħna kif jgħinna nikkooperaw bil-ferħ maʼ oħrajn?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 17]
Dawk li jiġu minn ħafna sfondi differenti huma f’unità
[Stampa f’paġna 18]
Tifhem int kemm hu perikoluż li toqgħod titkessaħ maʼ dawk tas-sess oppost?