Naqdi fi Żmien taʼ Żieda Meraviljuża
Naqdi fi Żmien taʼ Żieda Meraviljuża
Kif rakkontata minn Harley Harris
Kien it-2 taʼ Settembru tal-1950, f’Kennett, Missouri, l-Istati Uniti tal-Amerika. Konna f’assemblea tas-“circuit” meta ġejna mdawrin b’marmalja. Is-sindku ġab il-Gwardja Nazzjonali biex tipproteġina mill-folla bla kontroll. Tul it-triq kollha kien hemm is-suldati bl-azzarini kargati u bil-bajjunetti. Fost ħafna insulti, imxejna lejn il-karozzi tagħna u soqna sa Cape Girardeau, Missouri, biex nattendu għall-bqija tas-sessjonijiet tal-assemblea. Kien proprju hawnhekk li tgħammidt fl-età taʼ 14-il sena. Imma ħa ngħidilkom kif bdejt naqdi lil Ġeħova matul dan iż-żmien taʼ taqlib.
KMIENI fis-snin 30, in-nanniet tiegħi u t-tmien uliedhom semgħu xi taħditiet rekordjati taʼ Ħuna Rutherford u kienu konvinti li sabu l-verità. Il-ġenituri tiegħi, Bay u Mildred Harris, tgħammdu fl-1935 fil-konvenzjoni taʼ Washington, D.C. Kemm kienu ferħanin li jkunu parti mill-“kotra kbira,” jew “folla kbira,” identifikata proprju f’din il-konvenzjoni!—Riv. 7:9, 14; Għaqda Biblika Maltija.
Sena wara twilidt jien. Il-ġenituri tiegħi marru joqogħdu f’territorju iżolat f’Mississippi s-sena taʼ wara. Sakemm konna ngħixu f’dan it-territorju ma kienx ikollna żjajjar minn indokratur li jivvjaġġa. Il-familja tiegħi kienet tikkomunika bl-ittri maʼ Betel u konna nattendu l-assembleat. Għal xi żmien din kienet l-unika sħubija li kien ikollna mal-aħwa.
Nissaportu Matul il-Persekuzzjoni
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għaddew minn ħafna persekuzzjoni minħabba n-newtralità tagħhom. Aħna konna morna noqogħdu Mountain Home, Arkansas. Darba minnhom, jien u missieri konna qed nagħtu xhieda fit-toroq. Fid-daqqa u l-ħin, wieħed raġel ħataf ir-rivisti li kellu missieri, tahom in-nar, u ħaraqhom dak il-ħin stess. Hu għajjarna beżżiegħa għax ma mmorrux għall-gwerra. Peress li kelli biss ħames snin infqajt nibki. Bil-kalma kollha, missieri ħares lejn ir-raġel mingħajr ma lissen kelma waħda sakemm ir-raġel telaq ’l hemm.
Kien hemm ukoll nies tajbin li ma kinux kontrina. Darba minnhom, waqt li konna qegħdin fil-karozza, ġejna mdawrin b’marmalja. Fil-pront ġie l-prosekutur lokali. “Hawn x’inhu jiġri?” staqsa hu. Wieħed raġel wieġeb, “Dawn ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jridux jiġġieldu għal pajjiżhom!” Malli qal dan, Atti 27:3.
il-prosekutur qabeż għal fuq l-istaffetta tal-karozza tagħna u għajjat: “Jien iġġilidt fl-Ewwel Gwerra Dinjija u se niġġieled f’din ukoll! Ħalluhom lil dawn in-nies. Mhuma jagħmlu ħsara lil ħadd!” In-nies li kienu nġabru telqu ’l hemm bil-kwiet. Kemm konna grati lejn dawn in-nies tajbin li wrew qalb tajba magħna!—Il-Konvenzjonijiet Isaħħuna
Il-konvenzjoni tal-1941 li saret f’St. Louis, Missouri, kienet proprju dak li kellna bżonn. Skont kalkolu li sar, attendew iktar minn 115,000 ruħ. Numru sabiħ taʼ 3,903 persuni tgħammdu! Niftakar sew it-taħdita taʼ Ħuna Rutherford bl-isem taʼ “Children of the King” (Tfal tas-Sultan). Hu indirizza lilna ż-żgħażagħ direttament, u aħna lkoll irċivejna kopja tal-ktieb Children, ktieb mill-isbaħ bil-qoxra blu. Din il-konvenzjoni saħħitni biex niffaċċja dak li ġara s-sena taʼ wara, is-sena li fiha kelli nibda nattendi l-iskola primarja. Jien u l-kuġini tiegħi ġejna mkeċċijin mill-iskola għax ma konniex insellmu l-bandiera. Kuljum konna mmorru l-iskola biex naraw jekk il-kapijiet tal-iskola kinux biddlu fehmithom. Min jaf kemm-il darba mxejna minn nofs il-bosk biex immorru l-iskola filgħodu—biex imbagħad konna nintbagħtu lura d-dar. Madankollu, kont inħoss li dan kien il-mod kif nuru l-lealtà tagħna lejn is-Saltna t’Alla.
Iżda l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ma damitx wisq ma qatgħetha li t-tislim lejn il-bandiera mhuwiex obbligatorju. Sa fl-aħħar stajna nattendu l-iskola. L-għalliem kien qalbu tajba ferm magħna u kien ħalliena nagħmlu l-lezzjonijiet li konna tlifna biex illaħħqu mal-istudenti l-oħrajn. Anki sħabna tal-iskola kienu jirrispettawna.
Niftakar ukoll il-konvenzjoni tal-1942 fi Cleveland, Ohio, fejn Ħuna Nathan H. Knorr ta t-taħdita bl-isem taʼ “Peace—Can it Last?” (Il-Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?) Din it-taħdita analizzat il-kapitlu 17 tal-ktieb tar-Rivelazzjoni u indikat li wara t-Tieni Gwerra Dinjija kellu jkun hemm żmien taʼ paċi relattiva. Għalhekk, kienet mistennija iktar żieda. Bi tħejjija għal dan l-iżvilupp, infetħet l-iskola taʼ Gilegħad fl-1943. Ftit kont nobsor kif dan kien se jħalli impatt fuq ħajti fil-futur. Veru li kien hemm il-paċi wara l-gwerra. U veru li l-persekuzzjoni battiet. Madankollu, meta faqqgħet il-gwerra tal-Korea fl-1950, l-oppożizzjoni għall-ippritkar tagħna reġgħet bdiet ħabta u sabta, kif deskritt fl-introduzzjoni.
Sehem Iktar bis-Sħiħ fiż-Żieda
Fl-1954 spiċċajt l-iskola sekondarja u xahar wara bdejt naqdi bħala pijunier. Wara li qdejt f’Kennett, Missouri, fejn fl-1950 konna ġejna mdawrin minn marmalja, ġejt mistieden biex immur naqdi fʼBetel f’Marzu tal-1955. Parti mit-territorju tal-kongregazzjoni li kont ġejt assenjat fiha kienet Times Square, li tinsab fil-qalba tal-belt taʼ New York. X’differenza mill-ħajja fil-kampanja! Kien jirnexxili niġbed l-attenzjoni tan-nies taʼ New York, nies li dejjem għandhom x’jagħmlu, billi niftaħ ir-rivista fuq artiklu li jqanqlilhom il-kurżità u ngħidilhom, “Qatt staqsejt lilek innifsek din il-mistoqsija?” Ħafna kienu jaċċettaw ir-rivisti.
Waħda mill-affarijiet li kont ngħożż l-iktar f’Betel kienet il-qima taʼ filgħodu li kien jikkonduċi Ħuna Knorr. Kemm kien jagħmilhom ħajjin il-versi tal-Bibbja! Hu kien japplikahom għalina b’mod prattiku. Kien ikellem lilna l-ġuvintur żgħażagħ daqslikieku konna wliedu, u spiss kien jagħtina xi parir siewi dwar kif għandna nittrattaw lil dawk tas-sess oppost. Sal-1960 kont iddeċidejt li niżżewweġ.
Informajt lill-kumitat li fi żmien 30 ġurnata kont se nitlaq minn Betel, iżda ma ħadt l-ebda risposta. F’għeluq it-30 ġurnata, avolja kont bniedem mistħi, rabbejt il-kuraġġ biex nistaqsi jekk kinitx waslet in-notifika tiegħi li se nitlaq. Ħuna Robert Wallen wieġeb it-telefon u ġie fejn kont qed naħdem. Hu staqsieni x’kien jidhirli mis-servizz taʼ pijunier speċjali jew mix-xogħol tas-circuit. Jien wiġibtu, “Imma Bob, jien għad għandi 24 sena, u m’għandix esperjenza.”
Fix-Xogħol tas-Circuit
Dakinhar stess fl-għaxija sibt envelop kbir jistennieni fil-kamra tiegħi. Fih kien hemm applikazzjoni għas-servizz taʼ pijunier speċjali u applikazzjoni oħra għax-xogħol tas-circuit. Illaħwa! Lanqas ridt nemmen ’l għajnejja! Jien kelli l-privileġġ mhux mistħoqq li naqdi lil ħuti fix-xogħol tas-circuit fil-Lbiċ taʼ Missouri u fil-Lvant tal-Kansas. Madankollu, qabel tlaqt minn Betel attendejt laqgħa għall-indokraturi li jivvjaġġaw. Fil-kummenti tiegħu tal-għeluq, Ħuna Knorr qal: “Il-fatt li intom indokraturi tas-circuit u tad-distrett ma jfissirx li intom tafu iktar mill-aħwa tal-lokal. Xi wħud minnhom għandhom ħafna iktar esperjenza minnkom. Iżda ċ-ċirkustanzi tagħhom ma jippermettulhomx li jkollhom il-privileġġi li għandkom intom. Tistgħu titgħallmu ħafna minnhom.”
Kemm kien minnu dan! Ħuna Fred Molohan u martu, flimkien maʼ ħuh Charley minn Parsons, Kansas, kienu eżempji li jispikkaw. Huma kienu saru jafu l-verità kmieni fis-seklu għoxrin. Kemm kont nitpaxxa nismaʼ l-esperjenzi li kellhom saħansitra qabel ma twilidt jien! Ħu ieħor kien John Wristen, ħu twajjeb u mdaħħal fiż-żmien minn Joplin, Missouri, li kien qeda bħala pijunier għal bosta għaxriet taʼ snin. Dawn l-għeżież aħwa kellhom rispett profond għall-ordni teokratiku. Huma ġegħluni nħossni apprezzat bħala l-indokratur tas-circuit tagħhom, avolja kont għadni żagħżugħ.
Fl-1962, iżżewwiġt lil Cloris Knoche, pijuniera fuq tagħha b’xagħarha aħmar. Komplejt naqdi fix-xogħol tas-circuit flimkien maʼ Cloris. Peress li konna noqogħdu għand l-aħwa, sirna nafuhom aħjar. Stajna nħeġġu liż-żgħażagħ biex jibdew jaqdu fis-servizz full-time. Żewġ adoloxxenti fis-circuit, Jay Kosinski u JoAnn Kresyman, proprju dan l-inkuraġġiment kienu qed jistennew. Konna naħdmu magħhom fil-ministeru u naqsmu magħhom il-ferħ li ġġib magħha ħajja taʼ sagrifiċċju persunali. Kien dan li qanqalhom biex jagħmlu miri. JoAnn saret pijuniera speċjali u Jay beda jaqdi f’Betel. Iktar tard, dawn it-tnejn iżżewġu u issa ilhom fix-xogħol tas-circuit għal madwar 30 sena.
Is-Servizz Missjunarju
Fl-1966, Ħuna Knorr staqsiena jekk konniex interessati fis-servizz f’pajjiż ieħor. “Aħna kuntenti fejn qegħdin,” wiġibnieh, “imma jekk hemm il-bżonn xi mkien ieħor, aħna lesti li mmorru.” Ġimgħa wara, ġejna mistidnin nattendu l-Iskola taʼ Gilegħad. Kemm kont eċċitat li mmur lura Betel u li nattendi l-iskola u nkun fost dawk il-ħafna wħud li kont sirt inħobbhom u nirrispettahom! Ukoll, bnejna ħbiberiji maʼ studenti oħrajn li għadhom jaqdu fedelment sal-ġurnata tal-lum.
Jien u Cloris intbgħatna l-Ekwador fl-Amerika t’Isfel, flimkien maʼ Dennis u Edwina Crist, Ana Rodríguez, u Delia Sánchez. Il-koppja Crist marru fil-belt kapitali, Quito. Bħalna, Ana u Delia ntbagħtu Cuenca, it-tielet l-akbar belt tal-Ekwador. It-territorju kien jinkludi żewġ provinċji. L-ewwel kongregazzjoni taʼ Cuenca bdiet mis-salott tagħna. Konna aħna l-erbgħa u
tnejn min-nies oħrajn. Ma kellna l-ebda ħjiel kif konna se llestu x-xogħol tal-ippritkar.Cuenca kienet miżgħuda bil-knejjes, u fl-hekk imsejħin ġranet imqaddsa kienu jsiru bosta purċissjonijiet reliġjużi fil-belt. Iżda n-nies taʼ Cuenca kellhom ħafna mistoqsijiet. Pereżempju, l-ewwel darba li ltqajt maʼ Mario Polo, ċampjin taċ-ċikliżmu fi Cuenca, ħasadni meta staqsieni, “Min hi l-prostituta li tissemma fil-ktieb tar-Rivelazzjoni?”
Ġurnata minnhom, Mario ġie d-dar tagħna bil-lejl, inkwetat mhux ħażin. Qassis evanġeliku kien tah xi letteratura li kien fiha akkużi serji kontra x-Xhieda taʼ Ġeħova. Jien irraġunajt li l-akkużat kellu jitħalla jiddefendi lilu nnifsu. Għalhekk, l-għada Mario stieden lili u lill-qassis f’daru biex inwieġbu għall-akkużi. Meta ltqajna, jien issuġġerejt li niffokaw fuq it-Trinità. Il-qassis qara Ġwanni 1:1, u Mario nnifsu spjega d-differenza bejn iż-żewġ kelmiet bil-Grieg “l-Alla” u “alla.” U għamilna hekk għal kull vers tal-Bibbja li kien ċitat. M’għandniex xi ngħidu, il-qassis telaq ’l hemm mingħajr ma ta prova tat-Trinità. Dan ikkonvinċa lil Mario u lil martu li aħna kellna l-verità, u huma saru difensuri mill-aqwa taʼ dak li tgħallem il-Bibbja. In-numru taʼ kongregazzjonijiet fil-belt taʼ Cuenca telaʼ għal 33, u fit-territorju vast, li kien l-ewwel inkarigu tagħna, telaʼ għal total taʼ 63 kongregazzjoni. Kemm ħadna pjaċir naraw din iż-żieda—żieda tassew meraviljuża!
Naraw iż-Żieda fil-Fergħa
Fl-1970, ġejt mitlub immur fil-fergħa taʼ Guayaquil flimkien maʼ Al Schullo. It-tnejn li aħna konna nieħdu ħsieb ix-xogħol fil-fergħa. Joe Sekerak kien jaħdem part-time jippakkja l-letteratura għas-46 kongregazzjoni madwar il-pajjiż kollu. Għal xi żmien, Cloris qdiet bħala missjunarja waqt li jien kont naqdi f’Betel. Hi rnexxielha tgħin lil 55 ruħ jaslu għall-magħmudija, u spiss kien ikollha minn tlieta sa ħames studenti jitgħammdu f’assemblea waħda.
Pereżempju, Cloris kienet tistudja maʼ mara jisimha Lucresia, li żewġha kien jopponi. Xorta waħda, Lucresia maż-żmien tgħammdet u bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Hi għallmet lil uliedha l-mogħdijiet taʼ Ġeħova. Iż-żewġ uliedha subien issa huma anzjani u wieħed minnhom pijunier speċjali; bintha taqdi bħala pijuniera. In-neputija tagħha żżewġet ħu mill-aħjar u anki huma qed jaqdu bħala pijunieri speċjali. Din il-familja għenet lil bosta wħud jitgħallmu l-verità.
Sal-1980, kien hemm madwar 5,000 pubblikatur fl-Ekwador. L-uffiċċju kien sar żgħir wisq għalina. Wieħed ħu offrielna proprjetà ’l barra minn Guayaquil li kien fiha 0.32 kilometru kwadru. Fl-1984, ngħata bidu għall-bini fuq din il-proprjetà u tellajna uffiċċju tal-fergħa ġdid u Sala tal-Assemblea, li ġew dedikati fl-1987.
Iktar Nies Lesti Jgħinu Biex Ikun Hemm Iktar Żieda
Matul is-snin, kien inkuraġġanti li nara ħafna pubblikaturi u pijunieri minn pajjiżi oħrajn jiġu l-Ekwador biex jgħinu fejn il-bżonn għall-predikaturi tas-Saltna kien kbir. Eżempju wieħed li jibqaʼ dejjem f’moħħi huwa dak taʼ Andy Kidd, mill-Kanada, għalliem tal-iskola rtirat. Hu ġie joqgħod l-Ekwador fl-1985 fl-età taʼ 70 sena u baqaʼ jaqdi fedelment sakemm miet fl-2008 fl-età taʼ 93 sena. Meta rajtu l-ewwel darba fl-inkarigu tiegħu, hu kien l-uniku indokratur f’kongregazzjoni żgħira. Għalkemm ma tantx kien fluwenti fil-lingwa Spanjola, hu xorta kien jagħti t-taħdita pubblika u jikkonduċi l-Istudju tat-Torri tal-Għassa. Hu kien jikkonduċi wkoll l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u ħafna mit-taħditiet tal-Laqgħa tas-Servizz kienu jkunu f’idejh ukoll! F’dawn l-inħawi issa hemm żewġ kongregazzjonijiet li qed jiffjorixxu, bi kważi 200 pubblikatur u b’ħafna anzjani lokali.
Ħu ieħor, Ernesto Diaz, mill-Istati Uniti, ġie joqgħod l-Ekwador flimkien mal-familja tiegħu, u wara tmien xhur jaqdi hawn qal: “It-tlett itfal tagħna qabduha sew il-lingwa u saru għalliema eċċellenti. Bħala missier, ilħaqt il-mira li kienet tidher impossibbli f’din is-sistema—dik li nkun pijunier regulari, u b’hekk
nieħu sehem fil-ministeru full-time flimkien mal-familja tiegħi. Bejnietna qed nikkonduċu 25 studju tal-Bibbja. Dan kollu wassal biex il-familja tkun iktar magħquda u, fuq kollox, inħossni qrib lejn Ġeħova iktar minn qatt qabel.” Kemm napprezzawhom lil dawn l-għeżież aħwa rġiel u nisa!Fl-1994, seħħ iktar tkabbir tal-fergħa, u b’hekk il-faċilitajiet irdoppjaw. Fl-2005, qbiżna n-numru taʼ 50,000 pubblikatur u kien hemm bżonn taʼ iktar tkabbir tal-fergħa. Dan kien jinkludi Sala tal-Assemblea akbar u residenza ġdida, kif ukoll uffiċċji tat-traduzzjoni. Dawn il-faċilitajiet ġodda ġew dedikati fil-31 taʼ Ottubru, 2009.
Meta tkeċċejt mill-iskola fl-1942, kien hemm madwar 60,000 Xhud fl-Istati Uniti. Issa qabżu sew il-miljun. Meta ġejna l-Ekwador fl-1966, kien hawn madwar 1,400 proklamatur tas-Saltna. Issa hawn iktar minn 68,000. U żgur li din il-figura se tiżdied saħansitra iktar peress li qed isiru 120,000 studju tal-Bibbja, u peress li kien hemm ukoll ’il fuq minn 232,000 ruħ preżenti għat-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu fl-2009. Tabilħaqq, Ġeħova bierek lill-poplu tiegħu b’mod li qatt ma konna nimmaġinaw. Kemm hu eċċitanti li tgħix fi żmien u f’post taʼ żieda meraviljuża! a
[Nota taʼ taħt]
a Waqt li dan l-artiklu kien qed jitħejja biex jiġi pubblikat, Harley Harris miet leali lejn Ġeħova.
[Stampa f’paġna 5]
Assemblea fil-beraħ (1981) u s-Sala tal-Assemblea taʼ Guayaquil (2009) fl-istess proprjetà