Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għin liż-Żgħar Isiru Familjari mal- Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Għin liż-Żgħar Isiru Familjari mal- Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Għin liż-​Żgħar Isiru Familjari mal-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

IT-​TFAL ikunu jridu jitgħallmu. Immaġina l-​mistoqsijiet li t-​tfal Iżraelin fl-​Eġittu setgħu staqsew fil-​lejl tal-​ewwel Qbiż: ‘Għala kellu jmut il-​ħaruf?’ ‘Għala l-​pa qed jagħmel id-​demm mal-​koxox tal-​bieb?’ ‘Fejn sejrin?’ Il-​fatt li Ġeħova laqaʼ mistoqsijiet bħal dawn huwa evidenti minn dak li kkmanda lill-​missirijiet Iżraelin. Rigward osservanzi tal-​Qbiż tal-​futur, Ġeħova qalilhom: “Meta wliedkom jgħidulkom, ‘Xi jfisser għalikom dan l-​att taʼ qima?’ imbagħad tridu tgħidulhom, ‘Huwa s-​sagrifiċċju tal-​Qbiż lil Ġeħova, li qabeż id-​djar taʼ wlied Israel fl-​Eġittu meta kkastiga lill-​Eġizzjani, imma ħeles lil djarna.’” (Eżo. 12:24-​27) Iktar tard, Ġeħova fakkar lill-​ġenituri Iżraelin dwar l-​importanza taʼ li jwieġbu l-​mistoqsijiet taʼ wliedhom dwar “ir-​regolamenti u d-​deċiżjonijiet ġudizzjarji” li Ġeħova kien ikkmanda.—Dt. 6:20-​25.

B’mod ċar, Ġeħova ried li t-​tfal ikunu jistgħu jsibu tweġibiet sodisfaċenti għall-​mistoqsijiet tagħhom dwar il-​qima vera—tweġibiet li jimmotivawhom biex iħobbu lil Ġeħova bħala l-​Alla u s-​Salvatur tagħhom. Illum, Ġeħova jixtieq l-​istess għaż-​żgħar tagħna. Mod wieħed kif il-​ġenituri jistgħu jnaqqxu f’uliedhom imħabba sinċiera għal Alla u l-​poplu tiegħu hu billi jgħinuhom isiru familjari mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u jifhmu kif jistgħu jibbenefikaw mill-​arranġamenti tagħha. Allura ejja nikkunsidraw xi modi kif it-​tfal jistgħu jiġu megħjunin jitgħallmu iktar dettalji dwar l-​organizzazzjoni t’Alla.

Il-​Kongregazzjoni Lokali

Hemm bżonn li ż-​żgħar isiru jafu lill-​kongregazzjoni fejn tassoċja l-​familja tagħkom. Biex twettqu dan, intom bħala ġenituri tridu tieħdu lil uliedkom magħkom għal-​laqgħat Kristjani kollha. B’dan il-​mod, issegwu l-​eżempju li Ġeħova ta lill-​Iżraelin, li kienu kmandati: “Laqqaʼ l-​poplu, l-​irġiel, in-​nisa, iċ-​ċkejknin . . . , sabiex jisimgħu u sabiex jitgħallmu, għax iridu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom u joqogħdu attenti li jwettqu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi. U wliedhom li m’għandhomx għarfien għandhom jisimgħu, u jitgħallmu jibżgħu minn Ġeħova Alla tagħkom.”—Dt. 31:12, 13.

Miċ-​ċokon, it-​tfal jistgħu jibdew jitgħallmu dwar il-​Kelma taʼ Ġeħova. L-​appostlu Pawlu qal dwar Timotju: “Minn mindu kont tarbija ilek taf il-​kitba qaddisa.” (2 Tim. 3:15) Waqt il-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna, anki tfal żgħar ħafna jibdew jifhmu l-​informazzjoni preżentata u jsiru midħla tal-​għanjiet tas-​Saltna. Hemmhekk, jitgħallmu jużaw u jirrispettaw il-​Bibbja u l-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja. Iktar minn hekk, fil-​laqgħat tagħna se jħossu l-​kwalità li tidentifika s-​segwaċi veri taʼ Kristu—l-​imħabba ġenwina. Ġesù qal: “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġw. 13:34, 35) L-​imħabba mill-​qalb u s-​sigurtà ġenwina li huma evidenti fis-​Sala tas-​Saltna se jattiraw lit-​tfal u jgħinuhom jagħmlu l-​attendenza għal-​laqgħat Kristjani parti permanenti minn ħajjithom.

Meta tagħmluha drawwa biex taslu kmieni fis-​Sala tas-​Saltna u biex tibqgħu ftit ħin wara li l-​laqgħa tispiċċa, it-​tfal tiegħek se jkollhom opportunità biex jagħmlu ħbieb. Minflok ma tħallihom jassoċjaw maʼ tfal oħrajn biss, għala ma tintroduċihomx m’aħwa taʼ kull età? Jekk isiru jafu lil dawk akbar fl-​età, iż-​żgħar tiegħek se jiskopru li dawk akbar fl-​età kellhom ħafna esperjenzi mill-​isbaħ u li għandhom għarfien. Sewwasew bħalma Żakkarija tal-​qedem, ‘li kien jgħallem il-​biżaʼ tal-​Alla l-​veru,’ kellu influwenza tajba fuq iż-​żagħżugħ Użżija, sultan taʼ Ġuda, hekk ukoll dawk li llum b’lealtà qdew lil Ġeħova għal ħafna snin għandhom influwenza tajba fuq iż-​żgħar. (2 Kron. 26:1, 4, 5) Waqt li tkunu fis-​Sala tas-​Saltna, tistgħu tispjegaw ukoll lil uliedkom kif tintuża l-​librerija, in-​notice board, u aspetti oħrajn.

L-​Organizzazzjoni Madwar id-​Dinja

Jeħtieġ li t-​tfal jifhmu li l-​kongregazzjoni lokali hija parti minn organizzazzjoni madwar id-​dinja taʼ iktar minn 100,000 kongregazzjoni. Fissrulhom l-​aspetti taʼ din l-​organizzazzjoni, kif taħdem, u x’inhu l-​irwol tat-​tfal f’li jappoġġaw ix-​xogħol tagħha. Uruhom għala intom tħarsu ’l quddiem għall-​assembleat tas-​circuit, il-​konvenzjonijiet distrettwali, u ż-​żjajjar tal-​indokratur tas-​circuit.—Ara l-​kaxxa  “Suġġetti Biex Tikkunsidrawhom Matul il-​Qima tal-​Familja,” f’paġna 28.

Meta jkollkom l-​opportunità, stiednu indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, membri tal-​familja Betel, u oħrajn li jaqdu bħala ministri full-​time għal xi ikla f’darkom. Taħsbux li huma m’għandhomx ħin għat-​tfal. Dawn il-​qaddejja full-​time qed jagħmlu ħilithom biex jimitaw lil Ġesù, li dejjem laqaʼ lit-​tfal u tkellem magħhom. (Mk. 10:13-​16) Il-​fatt li jisimgħu lil qaddejja taʼ Ġeħova bħal dawn jirrakkontaw esperjenzi u jaraw il-​ferħ tagħhom fis-​servizz sagru, uliedkom ukoll għandhom mnejn jagħmlu l-​ministeru full-​time l-​mira tagħhom.

X’tistgħu tagħmlu iktar bħala familja biex tgħinu lil uliedkom isiru iktar familjari mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Hawnhekk hawn xi suġġerimenti: Bħala familja agħmlu proġett biex tikkunsidraw il-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom. Enfasizza d-​devozzjoni, l-​umiltà, u l-​lealtà li wrew il-​qaddejja taʼ Ġeħova. Uruhom kif Ġeħova użahom biex jaqsmu l-​aħbar tajba mad-​dinja kollha. Użaw il-​vidjos magħmulin mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova biex tgħallmu lezzjonijiet importanti mill-​passat u mill-​preżent. Jekk tistgħu, żuru l-​uffiċċju tal-​fergħa u d-​dar taʼ Betel f’pajjiżkom jew forsi anki f’pajjiżi oħrajn. Żjajjar bħal dawn se jgħinu lil uliedkom jifhmu l-​importanza taʼ kif l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fuq l-​art, taħt id-​direzzjoni tal-​klassi tal-​ilsir leali, hija organizzata biex tipprovdi ikel u gwida spiritwali għall-​aħwa madwar id-​dinja, sewwasew bħalma għamlet fl-​ewwel seklu E.K.—Mt. 24:45-​47; Atti 15:22-​31.

Adattaw l-​Informazzjoni Għal Kull Wieħed mit-​Tfal

Meta tgħallmu lil uliedkom, żommu f’moħħkom il-​mod kif Ġesù istruwixxa lill-​appostli tiegħu. Darba qalilhom: “Għad għandi ħafna x’ngħidilkom, imma fil-​preżent ma tifilħux għalih.” (Ġw. 16:12) Ġesù ma bbombardjax lid-​dixxipli tiegħu bl-​informazzjoni. Minflok, bil-​mod il-​mod għallimhom veritajiet importanti ħalli jkunu jistgħu jifhmuhom b’mod xieraq. Bl-​istess mod, tibbombardjawx lil uliedkom. Billi tgħallmuhom regolarment u pass pass rigward l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, se tkomplu tqanqlu l-​interess tagħhom u se tgħinuhom jieħdu gost jitgħallmu dwar il-​kongregazzjoni Kristjana. Hekk kif il-​bżonnijiet taʼ wliedkom jinbidlu, tistgħu tirripetu u żżidu maʼ dak li jkunu diġà tgħallmu.

Il-​kongregazzjoni Kristjana hija fortifikazzjoni taʼ saħħa spiritwali, u ż-​żgħar li b’mod żeluż jieħdu sehem fl-​attivitajiet tagħha huma armati aħjar biex jirreżistu l-​influwenza tad-​dinja taʼ Satana. (Rum. 12:2) Aħna fiduċjużi li intom se ssibu ferħ kbir f’li tgħinu lil uliedkom isiru familjari mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Bil-​barka tiegħu, jalla jibqgħu marbutin b’mod leali magħha u mal-​Alla taʼ mħabba li naqdu.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 28]

 Suġġetti Biex Tikkunsidrawhom Matul il-​Qima tal-​Familja

Hawnhekk se ssibu xi suġġetti relatati mal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova li tistgħu tikkunsidrawhom matul il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tagħkom.

▪ Irrivedu l-​istorja tal-​kongregazzjoni lokali. Meta u kif ġiet ifformata? Il-​kongregazzjoni liema Swali tas-​Saltna differenti użat? Għal din id-​diskussjoni, għala ma tistidnux f’darkom membru li ilu jaqdi fil-​kongregazzjoni biex iwieġeb il-​mistoqsijiet taʼ wliedkom?

▪ Spjegaw l-​iskop tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u tal-​laqgħat akbar differenti u kif it-​tfal jistgħu jibbenefikaw minnhom.

▪ Ikkunsidraw l-​iskop tad-​diversi skejjel stabbiliti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Irrakkontaw esperjenzi li juru r-​riżultati tajbin li l-​gradwati taʼ dawn l-​iskejjel qed ikollhom.

▪ Għinu liż-​żgħar jaraw l-​importanza taʼ li jsiru pubblikaturi regulari tal-​aħbar tajba. Uruhom kif jistaʼ jkollhom sehem fir-​rapport taʼ madwar id-​dinja pubblikat fil-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Frar u fil-​Yearbook of Jehovah’s Witnesses.

▪ Ikkunsidraw il-​forom differenti tas-​servizz full-​time li huma disponibbli għaż-​żgħażagħ fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Kapitlu 10 tal-​ktieb Organizzati biex Nagħmlu r-​Rieda taʼ Ġeħova huwa sors tajjeb t’informazzjoni.

▪ Għinu liż-​żgħar jifhmu għala nsegwu ċerti proċeduri fil-​kongregazzjoni. Fissru għala m’għandhomx jaġixxu b’mod indipendenti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, anki f’affarijiet żgħar. Uruhom kif huma jistgħu jikkontribwixxu f’li jżommu l-​ordni fil-​kongregazzjoni billi jsegwu d-​direzzjoni tal-​anzjani.

[Stampa]

It-​tfal tiegħek se jibbenefikaw milli jagħmlu ħbieb maʼ wħud li ilhom fil-​verità

[Stampi f’paġna 26]

Bħal f’Iżrael tal-​qedem, il-​ġenituri llum jagħmlu ħilithom biex jagħtu tweġibiet sodisfaċenti meta jiġu mistoqsijin dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova