Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inżomm Ruħi Bieżel fl-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Inżomm Ruħi Bieżel fl-Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

Inżomm Ruħi Bieżel fl-​Organizzazzjoni taʼ Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN VERNON ZUBKO

JIEN trabbejt f’razzett viċin Stenen, raħal fil-​provinċja taʼ Saskatchewan, il-​Kanada. Il-​ġenituri tiegħi, Fred u Adella, ħadmu iebes biex jipprovdu spiritwalment u materjalment għalija, għal oħti l-​kbira, Aurellia, u kif ukoll għal ħuti ż-​żgħar, Alvin, Allegra, u Daryl. Sal-​lum il-​ġurnata, għadna grati lejn il-​ġenituri tagħna talli għallmuna l-​verità.

Missieri, Kristjan midluk, kien evanġelizzatur qalbieni. Kien jaħdem iebes biex jaqlaʼ l-​għajxien, imma wkoll kien jagħmel żgur li kulħadd ikun jaf li hu Xhud. Kien dejjem jitkellem dwar il-​verità. Iż-​żelu u l-​kuraġġ tiegħu baqgħu dejjem stampati f’moħħi. Kemm-​il darba kien jgħidli, “Żomm ruħek bieżel fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u tevita ħafna problemi.”

Spiss konna nagħtu xhieda fit-​toroq fi Stenen u fil-​viċinanzi. Għalija dan ma kienx dejjem faċli. F’kull belt kien hemm min jaqbad magħna, u dawn kienu jiġu fuqna ż-​żgħar u jiddieħqu bina. Darba meta kelli tmien snin, kont wieqaf f’kantuniera bit-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! meta dawruni grupp taʼ tfal. Huma ħatfuli minn rasi l-​kappell il-​ġdid tiegħi u qegħduh fuq arblu ħdejja. Fortunatament, ħu akbar li kien qed iżomm għajnejh fuqi ra x’kien qed jiġri. Resaq lejna u staqsa, “Vern, hawnhekk kollox sew?” Is-​subien malajr dabbru rashom. Għalkemm l-​esperjenza ma kinitx pjaċevoli, għallmitni li meta nagħtu xhieda fit-​toroq għandna nkomplu mexjin u mhux nibqgħu weqfin qisna xi arblu. Taħriġ bħal dan jien u nikber tani wkoll il-​kuraġġ meħtieġ biex immur minn bieb għal bieb.

Jien u Alvin tgħammidna f’Mejju tal-​1951. Jien kelli 13-​il sena. Għadni niftakar lil Ħuna Jack Nathan, li ta t-​taħdita tal-​magħmudija, iħeġġiġna biex qatt ma nħallu xahar jgħaddi mingħajr ma nitkellmu dwar Ġeħova. a Fil-​familja tagħna, is-​servizz taʼ pijunier dejjem kien kunsidrat bħala l-​aħjar karriera li jistaʼ jkollok. Għalhekk, fl-​1958, wara li spiċċajt mill-​iskola, mort noqgħod Winnipeg, il-​Manitoba, biex naqdi bħala pijunier. Għalkemm missieri kien ferħan li kont naħdem miegħu fin-​negozju tal-​familja bħala wieħed li jinċana l-​injam, hu u ommi kienu jinkuraġġixxu bil-​kbir il-​ministeru full-​time u appoġġaw id-​deċiżjoni tiegħi.

Dar Ġdida u Sieħba Ġdida

Fl-​1959, l-​uffiċċju tal-​fergħa stieden lil kull min jistaʼ biex imur joqgħod Quebec, fejn kien hemm bżonn kbir t’evanġelizzaturi. Mort naqdi bħala pijunier f’Montreal. X’bidla! Bdejt paġna ġdida f’ħajti hekk kif kont qed nitgħallem nitkellem bil-​Franċiż u nadatta għal kultura differenti. L-​indokratur tas-​circuit tagħna qalli, “Qatt tgħid, ‘Għax aħna hekk konna nagħmlu.’” Dan kien parir għaqli.—1 Kor. 9:22, 23.

Ma kellix pijunier maʼ min naqdi meta mort noqgħod Quebec. Madankollu, oħt żagħżugħa jisimha Shirley Turcotte, li kont iltqajt magħha qabel f’Winnipeg, saret is-​sieħba permanenti tiegħi meta żżewwiġna fi Frar tal-​1961. Hi wkoll kienet ġejja minn familja li jħobbu lil Ġeħova. Għalkemm dak iż-​żmien ma rrealizzajtx dan bis-​sħiħ, hi kienet se ssir sors imprezzabbli taʼ saħħa u inkuraġġiment għalija matul is-​snin.

Nippritkaw fil-​Peniżola tal-​Gaspé

Sentejn wara li żżewwiġna, ġejna maħturin bħala pijunieri speċjali f’Rimouski, Quebec. Fir-​rebbiegħa taʼ wara, l-​uffiċċju tal-​fergħa staqsiena biex nagħmlu vjaġġ taʼ ppritkar fil-​Peniżola tal-​Gaspé, tul il-​kosta tal-​Lvant tal-​Kanada. L-​inkarigu tagħna kien li niżirgħu kemm jistaʼ jkun possibbli ż-​żrieragħ tal-​verità. (Ekk. 11:6) Għabbejna l-​karozza tagħna b’iktar minn 1,000 rivista u kważi 400 ktieb, kif ukoll b’xi ikel u ħwejjeġ, u tlaqna għal vjaġġ taʼ ppritkar taʼ xahar. Ħdimna b’mod sistematiku l-​irħula żgħar kollha fil-​Gaspé. L-​istazzjon lokali tar-​radju wissa li kienu ġejjin ix-​Xhieda u qal lin-​nies biex ma jaċċettawx il-​pubblikazzjonijiet tagħna. Madankollu, il-​biċċa l-​kbira mir-​residenti fehmuh ħażin l-​avviż u ħasbu li kien qed jirreklama l-​pubblikazzjonijiet tagħna, u għalhekk aċċettaw il-​letteratura.

F’dawk is-​snin, il-​libertà tal-​ippritkar kienet xi ħaġa relattivament ġdida f’ċerti postijiet f’Quebec, u spiss kienu jwaqqfuna l-​pulizija. Hekk ġara f’belt fejn konna qed inħallu l-​letteratura kważi f’kull bieb. Uffiċjal staqsiena biex immorru miegħu l-​għassa tal-​pulizija, u aħna hekk għamilna. Sirt naf li l-​avukat tal-​belt ħareġ ordni biex iwaqqafna milli nippritkaw. Peress li l-​kap tal-​pulizija ma kienx hemm dakinhar, ippreżentajt lill-​avukat ittra miktuba bir-​reqqa mill-​uffiċċju tal-​fergħa f’Toronto li spjegat id-​dritt tagħna li nippritkaw. Wara li qara l-​ittra, l-​avukat malajr qal: “Ara, jien ma rridx inkwiet. Kien il-​kappillan tal-​parroċċa li qalli biex inwaqqafkom.” Ladarba ridna li n-​nies fit-​territorju jirrealizzaw li x-​xogħol tagħna ma kienx illegali, minnufih morna fil-​post fejn ġejna mwaqqfin mill-​pulizija u komplejna l-​ministeru tagħna.

L-​għada filgħodu morna naraw lill-​kap tal-​pulizija, u ma tantx ħa pjaċir meta sar jaf li ġejna mwaqqfin. Trid tismaʼ t-​telefonata li għamel lill-​avukat! L-​uffiċjal tal-​pulizija qalilna li jekk ikollna xi problema għandna nċemplu lilu personalment u nħallu f’idejh. Avolja konna barranin u l-​Franċiż tagħna kien limitat, sibna li n-​nies kienu qalbhom tajba u ospitabbli. Imma ħsibna, ‘Qatt se jsiru jafu l-​verità?’ Ħadna r-​risposta tagħna snin wara meta morna lura biex nibnu Swali tas-​Saltna fil-​Gaspé kollha. Sirna nafu li ħafna minn dawk li konna tajniehom xhieda issa huma ħutna. Tabilħaqq, Ġeħova hu l-​wieħed li jkabbar.—1 Kor. 3:6, 7.

Nirċievu Wirt

Bintna Lisa twieldet fl-​1970. Dan il-​wirt mingħand Ġeħova kompla jżidilna l-​ferħ f’ħajjitna. Shirley u Lisa ħadmu flimkien miegħi fuq ħafna proġetti taʼ kostruzzjoni taʼ Swali tas-​Saltna. Wara li Lisa spiċċat mill-​iskola, hi qalet: “Ma, pa, ladarba minħabba fija kellkom tieqfu mis-​servizz full-​time għal xi żmien, se nipprova npatti għal dan billi nsir pijuniera.” Iktar minn 20 sena wara, Lisa għadha taqdi bħala pijuniera, imma issa flimkien maʼ żewġha, Sylvain. Flimkien, kellhom il-​privileġġ li jaħdmu fuq diversi proġetti taʼ bini internazzjonali. Il-​mira tagħna bħala familja hi li nżommu ħajjitna sempliċi u nagħmlu lilna nfusna disponibbli għas-​servizz taʼ Ġeħova. Qatt ma nsejt il-​kliem taʼ Lisa meta bdiet taqdi bħala pijuniera. Fil-​fatt, hi qanqlitni biex nerġaʼ nidħol fil-​ministeru full-​time fl-​2001, u ilni naqdi bħala pijunier minn dakinhar ’l hawn. Ix-​xogħol taʼ pijunier ikompli jgħallimni biex nafda f’Ġeħova f’kull ħaġa li nagħmel u biex ngħix ħajja sempliċi imma sodisfaċenti u ferħana.

Proġetti taʼ Bini Jirrikjedu Mħabba, Lealtà, u Fedeltà

Ġeħova għallimni li jekk nagħmlu lilna nfusna disponibbli u naċċettaw kwalunkwe inkarigu li jagħtina, se nirċievu ħafna barkiet. Huwa privileġġ prezzjuż għalija li naqdi fil-​Kumitat Reġjonali tal-​Bini u li naħdem fuq proġetti taʼ bini flimkien maʼ ħuti f’Quebec u f’postijiet oħrajn.

Għalkemm xi volontieri għandhom mnejn ma jagħtux taħditiet li jispikkaw minn fuq il-​platform, fil-​proġetti taʼ bini tas-​Swali tas-​Saltna huma jispikkaw ħafna. Dawn l-​uħud għeżież jaħdmu mill-​qalb, u t-​talenti tagħhom isiru evidenti. Ir-​riżultat dejjem ikun bini sabiħ biex jintuża fil-​qima lil Ġeħova.

Ġejt mistoqsi, “X’inhuma l-​iktar kwalitajiet importanti għal volontier biex jaħdem fuq proġett taʼ Sala tas-​Saltna?” Mill-​esperjenza tiegħi, l-​ewwel u qabel kollox persuna trid tħobb lil Ġeħova u lil Ibnu kif ukoll lill-​fratellanza. (1 Kor. 16:14) It-​tieni, hemm bżonn il-​lealtà u l-​fedeltà. Meta l-​affarijiet ma jsirux bil-​mod li nixtiquhom—u dan se jiġri—individwu leali se jkompli jappoġġa l-​arranġament teokratiku. Il-​fedeltà se tqanqlu biex jaqdi bħala volontier fi proġetti futuri.

Grat Lejn Ġeħova

Għalkemm missieri miet fl-​1985, il-​parir tiegħu biex inżomm ruħi bieżel fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova baqaʼ mnaqqax f’moħħi. Bħal oħrajn li rċivew l-​inkarigu tagħhom fil-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-​sema, hu ċertament li għandu ħafna x’jagħmel. (Riv. 14:13) Ommi issa għandha 97 sena. Minħabba li tatha puplesija, m’għadhiex titkellem tajjeb bħalma kienet. Però, xorta waħda taf il-​Bibbja sew. Hi tikkwota l-​iskritturi fl-​ittri tagħha u tinkuraġġina biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova bil-​lealtà. Kemm aħna grati, jien u ħuti, li kellna ġenituri li wrew daqstant imħabba!

Jien grat ukoll lejn Ġeħova għal Shirley, il-​mara u s-​sieħba leali tiegħi. Hi tgħożż il-​parir li tatha ommha, “Vern se jkollu ħafna x’jagħmel fil-​verità, u int se jkollok titgħallem taqsmu m’oħrajn.” Meta żżewwiġna 49 sena ilu, konna determinati li nixjieħu flimkien naqdu lil Ġeħova, u jekk it-​tnejn li aħna ngħaddu ħajjin minn din is-​sistema, li nerġgħu nsiru żgħażagħ flimkien u nkomplu naqduh għal dejjem. Iva, kellna ‘ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Ġeħova min-​naħa tiegħu verament ħa ħsiebna u għamel żgur li qatt ma naqsitna xi ħaġa tajba.

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Settembru, 1990, paġni 10-​14, għall-​bijografija taʼ Jack Halliday Nathan.

[Stampa f’paġna 31]

“Il-​mira tagħna bħala familja hi li nżommu ħajjitna sempliċi u nagħmlu lilna nfusna disponibbli għas-​servizz taʼ Ġeħova”