Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jgħinni Nilħaq il-Qalb tan-Nies”

“Jgħinni Nilħaq il-Qalb tan-Nies”

“Jgħinni Nilħaq il-​Qalb tan-​Nies”

F’PORTO ALEGRE, belt fin-​Nofsinhar tal-​Brażil, ftit taʼ żmien ilu nżammet konferenza internazzjonali rigward kwistjonijiet soċjali. Għaxriet t’eluf taʼ nies minn 135 pajjiż attendew l-​avveniment. Matul l-​intervalli, grupp taʼ Xhieda minn kongregazzjoni f’Porto Alegre avviċinaw ħafna delegati biex ikunu jistgħu jaqsmu magħhom il-​messaġġ tas-​Saltna mill-​Bibbja. Kif ikkomunikaw?

“Użajna l-​ktejjeb Good News for People of All Nations,” tgħid Elizabete, li hi pijuniera. Hi żiedet: “Ħafna mid-​delegati qatt ma kienu semgħu dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna, imma huma wieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tagħna. Tkellimna maʼ nies mill-​Bolivja, iċ-​Ċina, Franza, l-​Indja, l-​Iżrael, u n-​Niġerja. Għal xi delegati, kellna letteratura Biblika bil-​lingwa tagħhom stess, li aċċettaw mill-​qalb.”

Fil-​Messiku, pijunier jismu Raúl ukoll juża dan il-​ktejjeb b’riżultati tajbin. Xi żmien ilu, avviċina raġel Għarbi taʼ 80 sena li reċentement kien tilef lil martu fil-​mewt. Wara li r-​raġel qara l-​paġna fil-​ktejjeb li fiha hemm il-​messaġġ tas-​Saltna bl-​Għarbi, hu beka bil-​ferħ. Għala? Għax il-​wegħda t’Alla li mhux se jkun hemm iktar mewt, bħalma hu miktub f’Rivelazzjoni 21:3, 4, messitlu qalbu meta qraha bil-​lingwa tiegħu. F’okkażjoni oħra, waqt li kien qed jipprietka b’mod informali, Raúl iltaqaʼ maʼ raġel li jitkellem bil-​Portugiż. Dan ir-​raġel ukoll kien tilef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt—’l ibnu. Raúl ħallieh jaqra l-​paġna bil-​Portugiż fil-​ktejjeb. Wara li qraha, ir-​raġel indika li ried jitgħallem iktar dwar il-​Bibbja, u aċċetta studju tal-​Bibbja.

Raúl uża Good News for People of All Nations biex jagħti xhieda lil dawk li jitkellmu bl-​Armenjan, iċ-​Ċiniż, il-​Franċiż, il-​Ġermaniż, il-​Ħindi, l-​Ingliż, il-​Korean, il-​Mixe, il-​Persjan, ir-​Russu, u z-​Zapotec. Huwa jgħid: “Għaraft kemm hu importanti li nuża din l-​għodda fil-​ministeru tiegħi. Tgħinni nilħaq il-​qalb tan-​nies anki jekk ma nitkellimx bil-​lingwa tagħhom.”

Hekk kif iktar u iktar nies jivvjaġġaw u jmorru jgħixu f’pajjiżi barranin, għandna iktar opportunitajiet biex niltaqgħu maʼ dawk li jitkellmu lingwa oħra. Se nkunu nistgħu naqsmu l-​messaġġ tas-​Saltna magħhom billi nużaw il-​ktejjeb Good News for People of All Nations. Int iġġorru miegħek?

[Stampi f’paġna 32]

Raúl bil-​ktejjeb li jgħinu jilħaq il-​qalb tan-​nies