Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Min Sar Jaf Moħħ Ġeħova?”

“Min Sar Jaf Moħħ Ġeħova?”

“Min Sar Jaf Moħħ Ġeħova?”

“‘Min sar jaf moħħ Ġeħova biex ikun jistaʼ jgħallmu?’ Imma aħna għandna l-​moħħ taʼ Kristu.”—1 KOR. 2:16.

1, 2. (a) Ħafna nies liema diffikultà jesperjenzaw? (b) X’għandna bżonn niftakru dwar il-​ħsib tagħna u dak taʼ Ġeħova?

 ĠIELI sibt li hu diffiċli li tifhem il-​mod taʼ ħsib taʼ persuna oħra? Forsi għadek kif iżżewwiġt, u tħoss li m’hemmx mod li tifhem għalkollox kif is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek taħsibha. Tabilħaqq, l-​irġiel u n-​nisa jaħsbu u anki jitkellmu differenti. Fil-​fatt, f’xi kulturi, l-​irġiel u n-​nisa saħansitra jitkellmu djaletti differenti tal-​istess lingwa! Barra minn dan, differenzi fil-​kultura u l-​lingwa jistgħu jirriżultaw f’modi taʼ ħsib u aġir differenti. Madankollu, iktar ma ssir taf lil oħrajn, iktar se jkollok opportunità biex tibda tifhem il-​mod taʼ ħsib tagħhom.

2 Għalhekk, m’għandniex għalfejn nissorprendu ruħna li l-​mod taʼ ħsib tagħna hu differenti ħafna minn dak taʼ Ġeħova. Permezz tal-​profeta tiegħu Iżaija, Ġeħova qal lill-​Iżraelin: “Ħsibijietkom m’humiex ħsibijieti, u lanqas triqati m’huma triqatkom.” Imbagħad biex juri dan il-​fatt, Ġeħova kompla jgħid: “Għax daqskemm is-​smewwiet huma ogħla mill-​art, hekk triqati huma ogħla minn triqatkom, u ħsibijieti minn ħsibijietkom.”—Is. 55:8, 9.

3. X’inhuma żewġ modi li bihom nistgħu nipprovaw niksbu “intimità maʼ Ġeħova”?

3 Imma jfisser dan li m’għandniex saħansitra nipprovaw nifhmu l-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova? Le. Għalkemm qatt ma nistgħu nifhmu għalkollox il-​ħsibijiet kollha taʼ Ġeħova, il-​Bibbja xorta waħda tinkuraġġina biex niksbu “intimità maʼ Ġeħova.” (Aqra Salm 25:14; Proverbji 3:32.) Mod wieħed biex nersqu eqreb lejn Ġeħova hu billi nuru rispett u noqogħdu attenti għall-​attivitajiet tiegħu li huma mniżżlin fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. (Salm 28:5) Mod ieħor hu billi nsiru nafu “l-​moħħ taʼ Kristu,” li hu “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx.” (1 Kor. 2:16; Kol. 1:15) Billi nieħdu l-​ħin biex nistudjaw rakkonti Bibliċi u nimmeditaw fuqhom, aħna nistgħu nibdew nifhmu l-​kwalitajiet taʼ Ġeħova u l-​mod taʼ ħsib tiegħu.

Oqogħdu Attenti Minn Tendenza Ħażina

4, 5. (a) Liema tendenza ħażina għandna bżonn nevitaw? Spjega. (b) L-​Iżraelin waqgħu f’liema mod taʼ ħsib żbaljat?

4 Hekk kif nimmeditaw fuq l-​attivitajiet taʼ Ġeħova, għandna bżonn nevitaw it-​tendenza li niġġudikaw lil Alla skont il-​livelli umani. Din it-​tendenza hi msemmija fil-​kliem taʼ Ġeħova li nsibu f’Salm 50:21: “Int immaġinajt li jien kont se nsir bħalek.” Huwa bħalma qal studjuż tal-​Bibbja iktar minn 175 sena ilu: ‘Il-​bnedmin għandhom it-​tendenza li jiġġudikaw lil Alla skont il-​livelli tagħhom u jaħsbu li Alla hu limitat bl-​istess liġijiet li huma jaħsbu li l-​bnedmin għandhom isegwu.’

5 Irridu noqogħdu attenti li ma nħallux il-​ħarsa tagħna lejn Ġeħova tiġi determinata mil-​livelli u x-​xewqat tagħna stess. Għala hu importanti dan? Hekk kif nistudjaw l-​Iskrittura, xi azzjonijiet taʼ Ġeħova jistgħu jidhru li ma tantx huma ġusti mill-​ħarsa limitata u imperfetta tagħna. L-​Iżraelin tal-​qedem waqgħu f’dan il-​mod taʼ ħsib u waslu għal konklużjoni żbaljata rigward il-​mod kif Ġeħova aġixxa magħhom. Innota x’qalilhom Ġeħova: “U intom se tgħidu: ‘It-​triq taʼ Ġeħova mhix ġusta.’ Ismaʼ, jekk jogħġbok, O dar Israel. Triqti mhix ġusta? Mhux triqatkom m’humiex ġusti?”—Eżek. 18:25.

6. Ġob liema lezzjoni tgħallem, u kif nistgħu nibbenefikaw mill-​esperjenza tiegħu?

6 Mod kif nevitaw in-​nassa li niġġudikaw lil Ġeħova skont il-​livelli tagħna stess hu billi nirrikonoxxu li l-​ħarsa tagħna hi limitata u kultant difettuża ħafna. Ġob kellu bżonn jitgħallem din il-​lezzjoni. Matul iż-​żmien taʼ tbatija tiegħu, Ġob issielet mad-​disprament u sar xi ftit egoist. Ma baqax jiffoka fuq il-​kwistjonijiet iktar importanti. Imma Ġeħova bi mħabba għenu jkabbar il-​ħarsa tiegħu. Billi staqsa lil Ġob iktar minn 70 mistoqsija differenti, li Ġob lanqas waħda minnhom ma setaʼ jwieġeb, Ġeħova enfasizza l-​limitazzjonijiet tal-​fehma taʼ Ġob. Ġob aġixxa b’mod umli billi rranġa l-​ħarsa tiegħu.—Aqra Ġob 42:1-​6.

Niksbu “l-​Moħħ taʼ Kristu”

7. Għala niġu megħjunin nifhmu il-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova jekk neżaminaw l-​attivitajiet taʼ Ġesù?

7 Ġesù imita perfettament lil Missieru f’kull ħaġa li qal u għamel. (Ġw. 14:9) Għalhekk, jekk neżaminaw l-​attivitajiet taʼ Ġesù niġu megħjunin nifhmu l-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova. (Rum. 15:5; Flp. 2:5) Mela, ejja neżaminaw żewġ rakkonti tal-​Evanġelju.

8, 9. Bħalma hu miktub fi Ġwanni 6:1-​5, liema sitwazzjoni wasslet lil Ġesù biex jagħmel mistoqsija lil Filippu, u Ġesù għala għamel hekk?

8 Immaġina x-​xena. Kien eżatt qabel il-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. L-​appostli taʼ Ġesù kienu għadhom kif waslu minn vjaġġ rimarkevoli taʼ ppritkar fil-​Galilija. Peress li kienu għajjenin minn din l-​attività kollha, Ġesù ħadhom f’post imwarrab lejn ix-​xatt tal-​Grigal tal-​Baħar tal-​Galilija. Madankollu, eluf segwewhom hemmhekk. Wara li Ġesù fejjaq lil din il-​folla kollha u għallimhom ħafna affarijiet, qamet problema. Dawn in-​nies kollha kif setgħu jsibu xi ħaġa x’jieklu f’post daqstant imwarrab? Billi induna bil-​bżonn, Ġesù staqsa lil Filippu, li kien minn dawk l-​inħawi: “Minfejn se nixtru l-​ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”—Ġw. 6:1-​5.

9 Ġesù għala għamillu din il-​mistoqsija lil Filippu? Kien Ġesù inkwetat dwar x’se jagħmel? Le. X’kien tassew il-​ħsib tiegħu? L-​appostlu Ġwanni, li wkoll kien hemm, jispjega: “[Ġesù] kien qed jgħidlu dan bi prova biex jara x’se jgħid, għax hu stess kien jaf x’se jagħmel.” (Ġw. 6:6) Ġesù hawnhekk ried jara l-​progress spiritwali tad-​dixxipli tiegħu. Billi staqsa din il-​mistoqsija, ġibed l-​attenzjoni tagħhom u tahom opportunità biex jesprimu l-​fidi tagħhom f’dak li setaʼ jagħmel. Imma tilfu din l-​opportunità u wrew kemm il-​ħarsa tagħhom kienet tassew limitata. (Aqra Ġwanni 6:7-​9.) Imbagħad Ġesù kompla biex juri li hu setaʼ jagħmel xi ħaġa li huma lanqas biss kienu immaġinaw. B’mod mirakoluż, temaʼ lil dawk l-​eluf taʼ nies bil-​ġuħ.—Ġw. 6:10-​13.

10-12. (a) Lill-​mara Griega, Ġesù għala għandu mnejn ma tahiex dak li talbet immedjatament? Spjega. (b) X’se nikkunsidraw issa?

10 Dan ir-​rakkont jistaʼ jgħinna nifhmu l-​mod taʼ ħsib taʼ Ġesù f’okkażjoni oħra. Ftit wara li temaʼ lil dan il-​grupp kbir taʼ nies, Ġesù u l-​appostli tiegħu vvjaġġaw lejn it-​Tramuntana, lil hemm mill-​fruntiera taʼ Iżrael, fl-​inħawi taʼ Tir u Sidon. Meta kienu hemm, iltaqgħu maʼ mara Griega li talbet bil-​ħrara lil Ġesù biex ifejjaq lil bintha. Għall-​ewwel, Ġesù injora lill-​mara. Imma meta kompliet tinsisti, Ġesù qalilha: “L-​ewwel ħa jixbgħu t-​tfal, għax mhux sewwa li tieħu l-​ħobż tat-​tfal u titfgħu lill-​ġriewi.”—Mk. 7:24-​27.

11 Ġesù għala għall-​ewwel irrifjuta li jgħin lil din il-​mara? Kien Ġesù qed jittestjaha, bħalma għamel lil Filippu, biex jara kif kienet se tirreaġixxi, u b’hekk jagħtiha opportunità biex turi l-​fidi tagħha? It-​ton taʼ leħnu, għalkemm mhux irrivelat fir-​rakkont miktub, ma qatgħalhiex qalbha. L-​użu tal-​kelma “ġriewi” għamel ix-​xebh iktar ġentili. Għalhekk, Ġesù forsi kien qed jagħmel bħal ġenitur li għandu l-​intenzjoni li jilqaʼ t-​talba taʼ ibnu, imma jżomm lura milli juri l-​intenzjoni tiegħu sabiex jittestja d-​determinazzjoni tat-​tifel. Kien x’kien il-​każ, malli l-​mara esprimiet il-​fidi tagħha, Ġesù minn qalbu taha dak li talbet.—Aqra Marku 7:28-​30.

12 Dawn iż-​żewġ rakkonti tal-​Evanġelju jagħtuna dehen prezzjuż dwar “il-​moħħ taʼ Kristu.” Issa ejja naraw kif dawn ir-​rakkonti jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar il-​moħħ taʼ Ġeħova stess.

Il-​Mod Kif Ġeħova Ttratta maʼ Mosè

13. Il-​fatt li niksbu dehen dwar il-​mod taʼ ħsib taʼ Ġesù kif jgħinna?

13 Il-​fatt li niksbu dehen dwar il-​mod taʼ ħsib taʼ Ġesù jgħinna nifhmu siltiet mill-​Iskrittura li jistgħu jkunu diffiċli biex nifhmuhom. Pereżempju, ikkunsidra l-​kliem li Ġeħova qal lil Mosè wara li l-​Iżraelin kienu għamlu għoġol tad-​deheb biex iqimuh. Alla qal: “Jien ħarist lejn dan il-​poplu, u, ara, hu poplu rasu iebsa. Għalhekk, issa ħallini, biex ir-​rabja tiegħi tixgħel kontrihom u neqridhom għalkollox, u lilek nagħmlek ġens kbir.”—Eżo. 32:9, 10.

14. Mosè kif irreaġixxa għall-​kliem taʼ Ġeħova?

14 Ir-​rakkont ikompli jgħid: “Mosè taffa l-​korla taʼ Ġeħova Alla tiegħu u qallu: ‘Għala, O Ġeħova, għandha r-​rabja tiegħek tixgħel kontra l-​poplu tiegħek li int ħriġt mill-​art taʼ l-​Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha? Għala għandhom l-​Eġizzjani jgħidu, “B’intenzjoni ħażina ħariġhom sabiex joqtolhom qalb il-​muntanji u biex jeqridhom għalkollox minn fuq wiċċ l-​art”? Erġaʼ lura mir-​rabja taħraq tiegħek u ħa jiddispjaċik għad-​deni li trid tagħmel lill-​poplu tiegħek. Ftakar fil-​qaddejja tiegħek, Abraham, Iżakk, u Israel, li lilhom ħlift bik innifsek, billi għedtilhom, “Se nkattar lil nisilkom bħall-​kwiekeb tas-​smewwiet, u din l-​art kollha li jien għażilt nagħtiha lil nisilkom, sabiex jiħduha f’idejhom għal żmien indefinit.”’ U Ġeħova ddispjaċieh għad-​deni li kien qal li se jagħmel lill-​poplu tiegħu.”—Eżo. 32:11-​14. a

15, 16. (a) Mosè liema opportunità kellu minħabba dak li qal Ġeħova? (b) Ġeħova f’liema sens “iddispjaċieh”?

15 Kellu Mosè verament għalfejn jikkoreġi l-​ħsib taʼ Ġeħova? Dażgur li le! Għalkemm Ġeħova esprima dak li kien inklinat biex jagħmel, dan ma kienx il-​ġudizzju finali tiegħu. Sa ċertu punt, Ġeħova hawnhekk kien qed jittestja lil Mosè, sewwasew bħalma iktar tard Ġesù ttestja lil Filippu u lill-​mara Griega. Mosè ngħata opportunità biex jesprimi l-​ħarsa tiegħu. b Ġeħova kien ħatar lil Mosè bħala medjatur bejn Iżrael u bejnu Nnifsu. U Ġeħova rrispetta l-​fatt li ħatar lil Mosè għal dan l-​irwol. Kien Mosè se jħalli l-​frustrazzjoni teffettwa l-​azzjonijiet tiegħu? Kien se jieħu din l-​opportunità biex jinkuraġġixxi lil Ġeħova biex jinsa lil Iżrael u biex jagħmel ġens qawwi mid-​dixxendenti taʼ Mosè stess?

16 It-​tweġiba taʼ Mosè wriet il-​fidi u l-​fiduċja tiegħu fil-​ġustizzja taʼ Ġeħova. Ir-​reazzjoni tiegħu ma wrietx interess egoist, imma tħassib għall-​isem taʼ Ġeħova. Hu ma riedx li l-​isem taʼ Ġeħova jiġi malafamat. Għalhekk, Mosè wera li hu fehem “moħħ Ġeħova” rigward din il-​kwistjoni. (1 Kor. 2:16) X’kien ir-​riżultat? Minħabba li Ġeħova ma kienx għadu ħa d-​deċiżjoni finali, ir-​rakkont ispirat jgħid li hu “ddispjaċieh.” Bl-​Ebrajk, din l-​espressjoni tistaʼ tfisser sempliċement li Ġeħova ma ġabx il-​kastig li hu qal li kien inklinat li jġib fuq il-​ġens kollu.

Il-​Mod Kif Ġeħova Ttratta m’Abraham

17. Ġeħova kif wera paċenzja kbira meta ttratta mat-​tħassib t’Abraham?

17 Eżempju ieħor taʼ kif Ġeħova jagħti opportunità lill-​qaddejja tiegħu biex jesprimu l-​fidi u l-​fiduċja tagħhom jinvolvi t-​talba t’Abraham rigward Sodoma. F’dan ir-​rakkont, Ġeħova wera paċenzja kbira billi ħalla lil Abraham jagħmel serje taʼ tmien mistoqsijiet. F’ħin minnhom, Abraham jagħmel dan l-​appell mimli emozzjoni: “Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi li int taġixxi hekk biex toqtol lir-​raġel sewwa maʼ dak li hu mill-​agħar, u b’hekk lir-​raġel sewwa jiġrilu l-​istess bħal min hu mill-​agħar! Lanqas qatt ma jgħaddili minn moħħi. Sejjer l-​Imħallef taʼ l-​art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?”—Ġen. 18:22-​33.

18. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova ttratta m’Abraham?

18 Minn dan ir-​rakkont, x’nitgħallmu dwar il-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova? Kellu Ġeħova bżonn lil Abraham biex jirraġuna miegħu ħalli jieħu d-​deċiżjoni t-​tajba? Le. Naturalment, Ġeħova setaʼ sempliċement qal mill-​ewwel ir-​raġunijiet għad-​deċiżjoni tiegħu. Imma permezz taʼ dawn il-​mistoqsijiet, Ġeħova ta l-​ħin lil Abraham biex jaċċetta d-​deċiżjoni u biex jifhem il-​mod taʼ ħsib Tiegħu. Ukoll, ħalla lil Abraham jifhem il-​profondità tal-​mogħdrija u l-​ġustizzja taʼ Ġeħova. Iva, Ġeħova lil Abraham ittrattah bħala ħabib.—Is. 41:8; Ġak. 2:23.

Lezzjonijiet Għalina

19. Kif nistgħu nimitaw lil Ġob?

19 X’tgħallimna dwar “moħħ Ġeħova”? Għandna bżonn inħallu l-​Kelma t’Alla ssawwar il-​fehma tagħna dwar moħħ Ġeħova. Qatt m’għandna nimponu l-​limitazzjonijiet tagħna fuq Ġeħova u niġġudikawh skont il-​livelli u l-​mod taʼ ħsib tagħna. Ġob qal: “[Alla] mhux bniedem bħali biex inwieġbu, biex immorru flimkien għall-​ħaqq.” (Ġob 9:32) Bħal Ġob, meta nibdew nifhmu moħħ Ġeħova niġu mqanqlin nesklamaw: “Ara! Dawn m’humiex ħlief it-​trufijiet taʼ triqatu, u kemm hu ftit dak li nisimgħu dwaru! Imma r-​ragħad setgħan tiegħu min jistaʼ jifhmu?”—Ġob 26:14.

20. X’għandna nagħmlu jekk niltaqgħu maʼ silta fl-​Iskrittura li hi diffiċli għalina biex nifhmuha?

20 Hekk kif naqraw l-​Iskrittura, x’għandna nagħmlu jekk niltaqgħu maʼ silta li hi diffiċli biex nifhmuha, speċjalment rigward il-​ħsib taʼ Ġeħova? Jekk wara li nkunu għamilna riċerka xorta waħda ma jkollniex tweġiba ċara, nistgħu nqisuha bħala prova tal-​fidi tagħna f’Ġeħova. Ftakar, xi kultant ċerti stqarrijiet jagħtuna opportunità biex nuru l-​fidi tagħna fil-​kwalitajiet taʼ Ġeħova. Ejja b’umiltà nagħrfu li ma nifhmux kull ħaġa li jagħmel. (Ekk. 11:5) B’hekk, żgur li se niġu mqanqlin biex naqblu mal-​appostlu Pawlu meta qal dan il-​kliem: “O kemm huma profondi r-​rikkezzi u l-​għerf u l-​għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-​ġudizzji tiegħu, u kemm huma bla tarf triqatu! Għax ‘min sar jaf moħħ Ġeħova, jew min sar il-​kunsillier tiegħu?’ Jew, ‘Min tah l-​ewwel, biex ikun jistħoqqlu jitħallas?’ Għax kollox ġej minnu, u kollox hu bih u għalih. Lilu tkun il-​glorja għal dejjem. Amen.”—Rum. 11:33-​36.

[Noti taʼ taħt]

a Rakkont simili jidher f’Numri 14:11-​20.

b Skont xi studjużi, l-​idjoma Ebrajka tradotta “ħallini” f’Eżodu 32:10 tistaʼ titqies bħala stedina, implikazzjoni li Mosè kien se jitħalla jinterċedi, jew ‘jidħol’ għall-​ġens quddiem Ġeħova. (Salm 106:23; Eżek. 22:30) Kien x’kien il-​każ, Mosè ovvjament ħassu komdu jesprimi l-​opinjoni tiegħu lil Ġeħova bla tlaqliq.

X’Tiftakar?

• X’se jgħinna nevitaw it-​tendenza li niġġudikaw lil Ġeħova skont il-​livelli tagħna stess?

• Li nifhmu l-​azzjonijiet taʼ Ġesù kif se jgħinna niksbu “intimità maʼ Ġeħova”?

• X’lezzjonijiet tgħallimt mill-​konversazzjonijiet li Ġeħova kellu maʼ Mosè u Abraham?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 5]

X’nitgħallmu dwar il-​mod taʼ ħsib taʼ Ġeħova minn kif ittratta maʼ Mosè u m’Abraham?