Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!
Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!
“Fil-Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.”—SALM 73:28.
1. B’mod evidenti, għal xiex kien qed jirreferi Pawlu bil-kliem tiegħu dokumentat fl-1 Korintin 7:31?
“IX-XENA taʼ din id-dinja qed tinbidel.” Hekk qal l-appostlu Pawlu. (1 Kor. 7:31) B’mod evidenti, kien qed iqabbel id-dinja maʼ palk, b’atturi fi dramm li jirreċtaw bħala karattri tajbin jew ħżiena, sakemm tinbidel ix-xena.
2, 3. (a) Ma’ xiex tistaʼ tiġi mqabbla l-isfida lejn is-sovranità taʼ Ġeħova? (b) X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 Illum għaddej dramm tal-akbar importanza—u jinvolvi lilek! Dan għandu x’jaqsam speċjalment mal-vindikazzjoni tas-sovranità t’Alla Ġeħova. Dan id-dramm nistgħu nqabbluh maʼ sitwazzjoni li għandha mnejn teżisti f’ċertu pajjiż. Minn naħa waħda, hemm gvern bi drittijiet leġittimi biex iżomm l-ordni. Min-naħa l-oħra, hemm organizzazzjoni kriminali li tmexxi b’qerq, vjolenza, u qtil. L-organizzazzjoni illegali hi taʼ sfida għat-tmexxija sovrana u ġġarrab il-lealtà taċ-ċittadini kollha lejn il-gvern tagħhom.
3 Sitwazzjoni bħal din teżisti fuq skala universali. Hemm il-gvern tal-“Mulej Sovran Ġeħova” bi drittijiet leġittimi. (Salm 71:5) Iżda l-bnedmin huma issa mheddin minn organizzazzjoni kriminali li l-mexxej tagħha hu “l-Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Din tisfida lill-gvern bi drittijiet leġittimi t’Alla u ġġarrab il-lealtà tan-nies kollha lejn it-tmexxija sovrana tiegħu. Kif inqalgħet din is-sitwazzjoni? Alla għala jippermettiha? X’nistgħu nagħmlu dwarha bħala individwi?
Il-Kwistjonijiet Involuti fid-Dramm
4. Id-dramm universali li qed jiżvolġi jinvolvi liema żewġ kwistjonijiet relatati maʼ xulxin?
4 Dan id-dramm universali li qed jiżvolġi jinvolvi żewġ kwistjonijiet relatati maʼ xulxin: Is-sovranità taʼ Ġeħova u l-integrità tal-bniedem. Fl-Iskrittura, Ġeħova spiss jissejjaħ “il-Mulej Sovran.” Pereżempju, b’fiduċja sħiħa fih, is-salmista kanta: “Fil-Mulej Sovran Ġeħova stkennejt.” (Salm 73:28) “Is-sovranità” hi l-ogħla awtorità fil-qawwa jew it-tmexxija. Wieħed li hu sovran imexxi b’awtorità suprema. Hemm raġunijiet tajbin għala nqisu lil Alla Ġeħova bħala s-Suprem.—Dan. 7:22.
5. Għala għandna nitqanqlu biex nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova?
5 Bħala l-Ħallieq, Alla Ġeħova hu s-Sovran fuq id-dinja u l-univers kollu. (Aqra Rivelazzjoni 4:11.) Ġeħova hu wkoll l-Imħallef tagħna, Dak li jagħtina l-istatuti, u s-Sultan għaliex hu stess jieħu ħsieb l-oqsma ġudizzjarji, leġislattivi, u esekuttivi taʼ gvern universali. (Is. 33:22) Ladarba nafu l-istess eżistenza tagħna lil Alla u niddependu minnu, aħna għandna nqisuh bħala l-Mulej Sovran tagħna. Jekk dejjem niftakru li “Ġeħova stabbilixxa fis-sod it-tron tiegħu fis-smewwiet; u saltnatu tiddomina fuq kollox,” se nitqanqlu biex nappoġġaw il-pożizzjoni għolja tiegħu.—Salm 103:19; Atti 4:24.
6. X’inhi l-integrità?
6 Sabiex nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova, aħna għandna nżommu l-integrità tagħna lejh. “L-integrità” hi sodizza morali jew kompletezza. Wieħed li jżomm l-integrità hu bla ħtija u rett. Il-patrijarka Ġob kien raġel bħal dan.—Ġob 1:1.
Kif Beda d-Dramm
7, 8. Satana kif sfida d-dritt tas-sovranità taʼ Ġeħova?
7 Xi 6,000 sena ilu, ħliqa spirtu sfida d-dritt tas-sovranità taʼ Ġeħova. Xewqa egoistika biex ikun meqjum kienet l-għerq tal-kliem u l-azzjonijiet taʼ dan ir-ribell. Hu pperswada lill-ewwel koppja umana, Adam u Eva, biex isiru żleali lejn is-sovranità divina u pprova jtebba’ l-isem taʼ Ġeħova billi sostna li Hu kien gideb. (Aqra Ġenesi 3:1-5.) Ir-ribell sar l-Avversarju l-kbir, Satana (Wieħed li jopponi), Xitan (Kalunnjatur), serp (qarrieq), u dragun (wieħed li jiblaʼ).—Riv. 12:9.
8 Satana stabbilixxa lilu nnifsu bħala mexxej rivali. X’kien se jagħmel il-Mulej Sovran Ġeħova ladarba ġie ffaċċjat b’din l-isfida? Kien se jeqred mill-ewwel lit-tliet ribelli—Satana, Adam, u Eva? Żgur li kellu l-qawwa li jagħmel dan, u azzjoni bħal din kienet tissetilja l-kwistjoni taʼ min kellu l-qawwa suprema. Ukoll, kienet se turi li Ġeħova kien qal il-verità dwar il-kastig jekk jiksru l-liġi tiegħu. Alla għala ma ħax azzjoni bħal din?
9. Dwar xiex qajjem dubju Satana?
9 Billi gideb u żvija lil Adam u Eva minn Alla, Satana qajjem dubju dwar id-dritt taʼ Ġeħova li jirrikjedi ubbidjenza mill-bnedmin. Iżjed minn hekk, billi ħajjar lill-ewwel koppja umana biex ma jobdux lil Alla, Satana qajjem dubju wkoll dwar il-lealtà tal-ħlejjaq ubbidjenti kollha. Bħalma ntwera fil-każ taʼ Ġob, li kien leali lejn is-sovranità taʼ Ġeħova, Satana sostna li setaʼ jiżvija lill-bnedmin kollha minn Alla.—Ġob 2:1-5.
10. Billi ħalla ż-żmien jgħaddi qabel ma juri biċ-ċar id-dritt tas-sovranità tiegħu, Alla xi ppermetta?
10 Billi ħalla ż-żmien jgħaddi qabel ma juri biċ-ċar id-dritt tas-sovranità tiegħu, Ġeħova ppermetta ż-żmien biex Satana jagħti prova taʼ dak li sostna. Alla wkoll ta l-opportunità lill-bnedmin biex juru l-lealtà tagħhom lejn is-sovranità tiegħu. X’ġara mal-medda taż-żmien? Satana bena organizzazzjoni kriminali b’saħħitha. Fl-aħħar mill-aħħar, Ġeħova se jeqred kemm lilha u kemm lix-Xitan, u b’hekk jagħti prova abbundanti tas-sovranità bi dritt t’Alla. Alla Ġeħova kien tant ċert li l-kwistjoni kienet se tispiċċa tajjeb li hu bassar dan meta seħħet ir-ribelljoni fl-Għeden.—Ġen. 3:15.
11. X’għamlu ħafna bnedmin dwar is-sovranità taʼ Ġeħova?
11 Ħafna bnedmin urew il-fidi u żammew l-integrità tagħhom lejn is-sovranità taʼ Ġeħova u lejn it-taqdis t’ismu. Fosthom hemm Abel, Enok, Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, David, Ġesù, l-ewwel dixxipli taʼ Kristu, u miljuni taʼ wħud li jżommu l-integrità llum. Uħud bħal dawn li jappoġġaw is-sovranità divina jieħdu sehem f’li joħorġu lil Satana taʼ giddieb u f’li jneħħu t-tmaqdir li ġab ix-Xitan fuq l-isem t’Alla, meta ftaħar li setaʼ jiżvija lill-bnedmin kollha minn Alla.—Prov. 27:11.
Nafu Kif Se Jispiċċa d-Dramm
12. Kif nistgħu nkunu ċerti li Alla mhux se jittollera l-ħażen għal dejjem?
12 Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova dalwaqt se juri li għandu d-dritt tas-sovranità. Hu mhux se jittollera l-ħażen għal dejjem u nafu li qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem. Ġeħova aġixxa kontra n-nies mill-agħar fid-Dilluvju. Qered lil Sodoma u Gomorra u lill-Fargħun u l-armati tiegħu. Sisera u l-armata tiegħu, kif ukoll Sennakerib u t-truppi Assirjani tiegħu m’għamlu xejn mal-Iktar Għoli. (Ġen. 7:1, 23; 19:24, 25; Eżo. 14:30, 31; Mħ. 4:15, 16; 2 Slat. 19:35, 36) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla Ġeħova mhux se jittollera għal dejjem id-diżrispett lejn ismu u l-mod ħażin li bih ġew trattati x-Xhieda tiegħu. Iżjed minn hekk, aħna issa naraw evidenza tas-sinjal tal-preżenza taʼ Ġesù u tal-konklużjoni taʼ din is-sistema mill-agħar.—Mt. 24:3.
13. Kif nistgħu nevitaw li ninqerdu flimkien mal-għedewwa taʼ Ġeħova?
13 Sabiex nevitaw li ninqerdu flimkien mal-għedewwa t’Alla, aħna rridu nuru l-lealtà tagħna lejn is-sovranità taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi nżommu separati mill-ħakma kriminali taʼ Satana u nirrifjutaw li niġu mbeżżgħin mir-rappreżentanti tiegħu. (Is. 52:11; Ġw. 17:16; Atti 5:29) Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li nistgħu nappoġġaw is-sovranità taʼ Missierna tas-sema u jkollna t-tama li niġu salvati meta Ġeħova jnaddaf ismu mit-tmaqdir u juri li hu s-Sovran Universali.
14. X’jintwera f’siltiet differenti tal-Bibbja?
14 Fil-Bibbja kollha nsibu dettalji dwar il-bniedem u s-sovranità taʼ Ġeħova. L-ewwel tliet kapitli jgħidulna dwar il-ħolqien u l-waqgħa tal-bniedem fil-jasar tad-dnub, filwaqt li l-aħħar tlieta jittrattaw dwar il-ħelsien tiegħu. Il-paġni li jiġu bejniethom jipprovdu dettalji dwar il-passi li ttieħdu mill-Mulej Sovran Ġeħova biex iwettaq l-iskop tiegħu għall-bnedmin, l-art, u l-univers. Il-ktieb tal-Ġenesi juri kif Satana u l-ħażen daħlu fid-dinja, u l-aħħar parti tal-ktieb tar-Rivelazzjoni turi kif il-ħażen se jispiċċa, kif ix-Xitan se jinqered, u kif ir-rieda t’Alla se ssir fuq l-art bħalma hi fis-sema. Tabilħaqq, il-Bibbja turi l-kaġun tad-dnub u l-mewt, kif ukoll kif se jitneħħew mix-xena tad-dinja, u minflokhom ikun hemm ferħ li ma jitkejjilx u ħajja eterna għal dawk li jżommu l-integrità.
15. X’għandna nagħmlu biex nibbenefikaw personalment meta d-dramm li jinvolvi s-sovranità jispiċċa?
15 Dalwaqt, ix-xena taʼ din id-dinja se tinbidel kompletament. Il-purtiera se tinżel fuq dan id-dramm li ilu għaddej mijiet taʼ snin u li jinvolvi s-sovranità. Satana se jitneħħa minn fuq il-palk, u eventwalment se jiġi meqrud, u r-rieda t’Alla żgur li se toħroġ rebbieħa. Iżda biex nibbenefikaw minn dan u ngawdu l-ħafna barkiet imbassrin fil-Kelma t’Alla, għandna nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova issa. Ma nistgħux inzappu fuq żewġ opinjonijiet differenti. Sabiex inkunu nistgħu ngħidu: “Ġeħova qiegħed fuq in-naħa tiegħi,” għandna nibqgħu fuq in-naħa tiegħu.—Salm 118:6, 7.
Nistgħu Nżommu l-Integrità
16. Għala nistgħu nkunu ċerti li huwa possibbli għall-bnedmin li jżommu l-integrità lejn Alla?
16 Aħna nistgħu nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova u nżommu l-integrità tagħna għaliex l-appostlu Pawlu kiteb: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-bnedmin kollha. Imma Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Kor. 10:13) X’inhu s-sors tat-tentazzjoni msemmija minn Pawlu, u Ġeħova kif jiftħilna t-triq?
17-19. (a) Għal liema tentazzjoni ċedew l-Iżraelin fix-xagħri? (b) Għala hu possibbli li nżommu l-integrità tagħna lejn Ġeħova?
17 Kif inhu muri mill-esperjenzi t’Iżrael fix-xagħri, “it-tentazzjoni” tiġi permezz taʼ ċirkustanzi li jħajruna niksru l-liġi t’Alla. (Aqra l-1 Korintin 10:6-10.) L-Iżraelin setgħu rreżistew it-tentazzjoni, imma huma xxennqu għal “affarijiet taʼ ħsara” meta b’mod mirakoluż Ġeħova pprovdielhom summien għal xahar sħiħ. Għalkemm in-nies ma kellhomx laħam x’jieklu għal xi żmien, Alla kien tahom biżżejjed manna x’jieklu. Madankollu, ċedew għat-tentazzjoni u kellhom regħba sfrenata meta ġabru s-summien.—Num. 11:19, 20, 31-35.
18 Iktar kmieni, waqt li Mosè kien qed jingħata l-Liġi fuq il-Muntanja Sinaj, l-Iżraelin saru idolatri minħabba li ħadu sehem f’qima tal-għoġol u pjaċiri senswali. Il-fatt li l-mexxej viżibbli tagħhom ma kienx preżenti kien ifisser li t-tentazzjoni ma kinitx kontrollata. (Eżo. 32:1, 6) Hekk kif kienu se jidħlu fl-Art Imwiegħda, eluf t’Iżraelin ġew imħajrin minn nisa Mowabin biex jikkommettu ż-żína magħhom. F’din l-okkażjoni, eluf t’Iżraelin mietu għad-dnub tagħhom. (Num. 25:1, 9) Kultant, in-nies t’Iżrael ċedew għat-tentazzjoni li jgergru b’mod ribelluż, f’okkażjoni waħda billi gergru kontra Mosè kif ukoll kontra Alla nnifsu! (Num. 21:5) L-Iżraelin gergru saħansitra wara l-qerda taʼ Koraħ, Datan, Abiram, u sħabhom li lkoll kienu mill-agħar. L-Iżraelin żbaljaw fl-irraġunar tagħhom li l-mewt taʼ dawn ir-ribelli kienet inġusta. Il-kwistjoni spiċċat b’14,700 Iżraeli meqrudin permezz taʼ flaġell minn Alla.—Num. 16:41, 49.
19 L-ebda waħda mit-tentazzjonijiet li għadna kif semmejna ma kienet xi ħaġa li l-Iżraelin ma setgħux jirreżistuha. In-nies ċedew għat-tentazzjoni għaliex tilfu l-fidi u nsew lil Ġeħova, kif hu ħa ħsiebhom bl-imħabba, u l-mod rett taʼ triqatu. Bħal fil-każ tal-Iżraelin, it-tentazzjonijiet li aħna nġarrbu kulħadd jgħaddi minnhom. Jekk nagħmlu l-isforz li hemm bżonn biex nirreżistuhom u nistrieħu fuq Alla ħalli jsostnina, aħna nistgħu nżommu l-integrità tagħna. Nistgħu nkunu fiduċjużi f’dan għaliex “Alla hu leali” u ma jħalliniex ‘niġu ttantati iktar milli nifilħu.’ Ġeħova qatt ma jabbandunana sal-punt li jħallina niġu f’sitwazzjonijiet li jkun impossibbli min-naħa tagħna li nagħmlu r-rieda tiegħu.—Salm 94:14.
20, 21. Alla kif ‘jiftħilna t-triq’ meta niġu ttantati?
20 Ġeħova jiftħilna “t-triq” billi jsaħħaħna biex nirreżistu t-tentazzjoni. Pereżempju, in-nies li jippersegwitawna għandhom mnejn jabbużawna fiżikament bi sforz biex iġegħluna niċħdu l-fidi tagħna. Jekk niġu trattati b’dan il-mod għandna mnejn nitħajru nagħmlu kompromess sabiex niskansaw iżjed swat, tortura, jew anki forsi l-mewt. Madankollu, skont dak li jaċċertana Pawlu fil-kliem ispirat li hemm imniżżel fl-1 Korintin 10:13, aħna nafu li s-sitwazzjoni li twassal biex tkun taʼ tentazzjoni għalina hi biss temporanja. Ġeħova mhux se jħalliha tikber sal-punt li aħna ma nkunux nistgħu nibqgħu leali lejh. Alla jistaʼ jissoda l-fidi tagħna u jagħtina s-saħħa spiritwali li għandna bżonn biex inżommu l-integrità.
21 Ġeħova jsostnina permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. Ukoll, dan l-ispirtu jfakkarna fi ħsibijiet Skritturali li għandna bżonn biex nirreżistu t-tentazzjoni. (Ġw. 14:26) Għaldaqstant, ma niġux imqarrqin f’li nsegwu triq ħażina. Biex nagħtu eżempju, aħna nifhmu r-rabta li hemm bejn il-kwistjonijiet tas-sovranità taʼ Ġeħova u tal-integrità tal-bniedem. B’dan l-għarfien, ħafna wħud ġew sostnuti minn Alla biex jibqgħu leali sal-mewt. Iżda ma kinitx il-mewt li fetħitilhom it-triq; kienet l-għajnuna taʼ Ġeħova li għamlithielhom possibbli biex jissaportu sat-tmiem mingħajr ma jċedu għat-tentazzjoni. Hu jistaʼ jagħmel l-istess għalina. Fil-fatt, juża wkoll lill-anġli leali tiegħu għan-nom tagħna bħala qaddejja pubbliċi “mibgħutin biex jaqdu lil dawk li se jirtu s-salvazzjoni.” (Ebr. 1:14) Bħalma juri l-artiklu li jmiss, huma biss l-uħud li jżommu l-integrità li jistgħu jittamaw li jkollhom il-privileġġ sabiħ taʼ li jappoġġaw is-sovranità t’Alla għal dejjem. Nistgħu nkunu fosthom jekk inżommu sod maʼ Ġeħova bħala l-Mulej Sovran tagħna.
Int Kif Twieġeb
• Għaliex għandna nirrikonoxxu lil Ġeħova bħala l-Mulej Sovran tagħna?
• Xi jfisser li nżommu l-integrità tagħna lejn Alla?
• Kif nafu li Ġeħova dalwaqt se juri biċ-ċar id-dritt tas-sovranità tiegħu?
• Fid-dawl tal-1 Korintin 10:13, għala hu possibbli għalina li nżommu l-integrità?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 24]
Satana pperswada lil Adam u Eva biex isiru żleali lejn Ġeħova
[Stampa f’paġna 26]
Kun determinat li tappoġġa s-sovranità taʼ Ġeħova