Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ġeħova Jismaʼ l-Għajta tal-Imnikket

Ġeħova Jismaʼ l-Għajta tal-Imnikket

Ġeħova Jismaʼ l-​Għajta tal-​Imnikket

BĦALMA osserva s-​sultan għaref Salamun t’Iżrael tal-​qedem, “iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekk. 9:11) Ġrajja traġika jew prova diffiċli tistaʼ taqilbilna ħajjitna taʼ taħt fuq. Pereżempju, il-​mewt ħabta u sabta taʼ membru intimu tal-​familja tistaʼ tkissirna emozzjonalment. Fil-​ġimgħat u x-​xhur taʼ wara, nistgħu nħossuna maħkumin minn sentimenti taʼ niket u disperazzjoni. Persuna tant tistaʼ ssir konfuża li tibda tħoss li ma jistħoqqilhiex tersaq lejn Ġeħova bit-​talb.

F’sitwazzjoni bħal din, individwu jkollu bżonn l-​inkuraġġiment, il-​konsiderazzjoni, u l-​imħabba. Is-​salmista David kanta dan il-​kliem taʼ faraġ: “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.” (Salm 145:14) Il-​Bibbja tgħidilna li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-​art kollha biex juri s-​saħħa tiegħu għan-​nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.” (2 Kron. 16:9) Hu jinsab ‘flimkien maʼ l-​imfarrak u dak bi spirtu umli, biex iqajjem mill-​ġdid l-​ispirtu taʼ l-​umli u jqajjem mill-​ġdid qalb l-​imfarrkin.’ (Is. 57:15) Ġeħova kif jipprovdi appoġġ u faraġ lill-​imfarrak u lil dak bi spirtu umli?

“Kelma f’Waqtha”

Wieħed mill-​modi kif Ġeħova jipprovdi l-​għajnuna f’waqtha hu permezz tal-​fratellanza Kristjana. Il-​Kristjani huma mwissijin biex ‘jikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tess. 5:14) Individwu li jkun għaddej minn niket u għali jistaʼ jiġi megħjun ħafna minn sħabu fit-​twemmin meta b’mogħdrija dawn jesprimu interess u mħabba lejh. Meta saħansitra f’konversazzjoni qasira jingħad kliem li jfarraġ, min ikollu qalbu sewda jistaʼ jiġi inkuraġġit bil-​kbir. Kummenti taʼ qalb tajba bħal dawn jistgħu jiġu minn xi ħadd li ssaporta wġigħ mentali u emozzjonali simili. Jew jistgħu jkunu kummenti għaqlin minn ħabib li jkun tal-​esperjenza f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Permezz taʼ dawn l-​azzjonijiet mill-​aħwa, Ġeħova jistaʼ jgħin lill-​imnikket jieħu r-​ruħ.

Ikkunsidra l-​każ t’anzjan Kristjan, li jismu Alex, li kien għadu kif iżżewweġ u ħabta u sabta tilef lil martu fil-​mewt għax laqtitha marda li ma titfejjaqx. B’mogħdrija, indokratur li jivvjaġġa għamilha mira li jfarraġ lil Alex. Hu wkoll kien tilef lil martu fil-​mewt imma minn dakinhar ’l hawn reġaʼ żżewweġ. L-​indokratur li jivvjaġġa spjega kif kien ħassu maħkum mill-​emozzjonijiet fraġli tiegħu stess. Hu kien iħossu tajjeb meta kien ikun m’oħrajn fil-​ministeru u fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Madankollu, meta kien jidħol f’kamartu u jagħlaq il-​bieb warajh, kien iħossu tassew waħdu. Alex jgħid: “X’faraġ ħassejt meta sirt naf li s-​sentimenti li kont qed inħoss kienu normali u li anki oħrajn ġarrbuhom.” Żgur li “kelma f’waqtha” tistaʼ tkun appoġġ taʼ faraġ fi żmien taʼ niket.—Prov. 15:23.

Anzjan Kristjan ieħor, li jaf diversi individwi li tilfu lill-​imseħbin tagħhom fil-​mewt, ġie mqanqal jaqsam xi kliem inkuraġġanti m’Alex. Filwaqt li wrieh kemm iħoss għalih, hu bi mħabba wrieh li Ġeħova jaf kif inħossuna u x’għandna bżonn. Il-​ħu qal: “Jekk fix-​xhur u s-​snin li ġejjin tħoss il-​bżonn taʼ sieħba, fis-​sitwazzjoni li għandek issa Ġeħova għamel il-​provvediment taʼ mħabba li wieħed jerġaʼ jiżżewweġ.” M’għandniex xi ngħidu, mhux kull min jitlef lis-​sieħeb jew lis-​sieħba fil-​mewt u jkun jixtieq jerġaʼ jiżżewweġ jistaʼ jagħmel dan. Imma wara li ħaseb dwar il-​kliem tal-​ħu, Alex qal, “Minħabba li ġejt imfakkar li dan hu l-​provvediment taʼ Ġeħova, serraħt rasi minn sentimenti taʼ ħtija li ma nkunx leali lejn marti jew lejn l-​arranġament taʼ Ġeħova għaż-​żwieġ kieku kelli nerġaʼ niżżewweġ fil-​futur.”—1 Kor. 7:8, 9, 39.

Is-​salmista David, li personalment esperjenza ħafna provi u tbatijiet, għaraf li “għajnejn Ġeħova huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-​għajta tagħhom għall-​għajnuna.” (Salm 34:15) Mingħajr l-​iċken dubju, Ġeħova jistaʼ jwieġeb l-​għajta tal-​imnikket fil-​waqt xieraq permezz taʼ kliem għaqli u mimli dehen minn ħbieb Kristjani li huma maturi u li jagħdru. Provvediment bħal dan hu kemm prezzjuż u kemm prattiku.

Għajnuna Permezz tal-​Laqgħat Kristjani

Persuna li tħossha mnikkta faċli tibda taħseb f’affarijiet negattivi li jġegħluha tinqataʼ għaliha waħedha. Madankollu, Proverbji 18:1 iwissi: “Min jinqataʼ għalih se jfittex ix-​xewqa egoistika tiegħu stess; kontra kull għaqal jiħodha.” Alex ammetta: “Meta titlef lis-​sieħba tiegħek, moħħok jimtela bi ħsibijiet negattivi.” Hu jiftakar meta kien jistaqsi lilu nnifsu: “‘Stajt nagħmel xi ħaġa b’mod differenti? Stajt nuri iktar konsiderazzjoni u fehma?ʼ Ma ridtx inkun waħdi. Ridt inkun miżżewweġ. Huwa diffiċli li tieqaf taħseb b’dan il-​mod għaliex kuljum tiġi mfakkar li int waħdek.”

Iktar minn qatt qabel, min ikollu spirtu mfarrak għandu bżonn sħubija li tibni. Din jistaʼ jsibha faċilment fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. F’ambjent bħal dan, aħna niftħu moħħna għall-​ħsibijiet t’Alla li huma pożittivi u li jibnu.

Il-​laqgħat Kristjani jgħinuna jkollna ħarsa bilanċjata lejn is-​sitwazzjoni tagħna. Hekk kif nisimgħu siltiet Bibliċi u nimmeditaw fuqhom, aħna niffokaw il-​ħsibijiet tagħna fuq l-​iktar żewġ kwistjonijiet importanti—il-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova u t-​taqdis t’ismu—u mhux fuq it-​tbatija persunali tagħna biss. Iktar minn hekk, matul perijodi bħal dawn t’istruzzjoni spiritwali, aħna nissaħħu minħabba li nafu li anki jekk oħrajn ma jkunux jafu bin-​niket li qed niffaċċjaw jew jekk ma jifhmux kif inħossuna, Ġeħova żgur li jifhem. Hu jaf li “minħabba l-​uġigħ taʼ qalb hemm spirtu mdejjaq.” (Prov. 15:13) L-​Alla l-​veru jrid jgħinna, u dan jimmotivana u jsaħħaħna biex inkampaw.—Salm 27:14.

Meta kien għaddej minn pressjoni estrema mill-​għedewwa tiegħu, is-​Sultan David għajjat lil Alla: “L-​ispirtu tiegħi nfena fija; ġo fija qalbi mtarrxa.” (Salm 143:4) L-​għawġ spiss jixrob is-​saħħa fiżika u emozzjonali tal-​individwu, saħansitra jtarraxlu qalbu. It-​tbatija tistaʼ tiġi fuqna permezz taʼ mard jew nuqqas taʼ saħħa fiżika fit-​tul. Nistgħu nkunu kunfidenti fil-​fatt li Ġeħova se jgħinna nissaportu. (Salm 41:1-​3) Waqt li Alla llum ma jfejjaq lil ħadd b’mod mirakoluż, hu jagħti l-​għerf u s-​saħħa meħtiġin lil wieħed li jkun qed ibati biex ikun jistaʼ jkampa mal-​kundizzjoni tiegħu. Żomm f’moħħok li meta David kien imtaqqal bil-​provi hu dar lejn Ġeħova. Hu kanta: “Jien ftakart fil-​jiem taʼ żmien twil ilu; immeditajt fuq l-​attività kollha tiegħek; minn qalbi bqajt nikkunsidra xogħol idejk.”—Salm 143:5.

Il-​fatt li dawn is-​sentimenti ispirati ġew imniżżlin bil-​miktub fil-​Kelma t’Alla jindika li Ġeħova jifhem kif inħossuna. Dan il-​kliem hu garanzija li hu jismaʼ t-​talb bil-​ħrara li nitolbu. Jekk naċċettaw l-​għajnuna taʼ Ġeħova, hu ‘jsostnina.’—Salm 55:22.

“Itolbu bla Waqfien”

Ġakbu 4:8 jgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” Mod wieħed kif nersqu qrib lejn Alla hu permezz tat-​talb. L-​appostlu Pawlu jwissina biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tess. 5:17) Anki jekk insibuha diffiċli biex nesprimu eżatt dak li nkunu qed inħossu, “l-​ispirtu nnifsu jitlob bil-​ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx.” (Rum. 8:26, 27) Ġeħova żgur li jifhem kif inħossuna.

Monika, li tgawdi ħbiberija intima bħal din maʼ Ġeħova, tgħid: “Permezz tat-​talb, il-​qari tal-​Bibbja, u l-​istudju persunali, sirt inħoss li Ġeħova sar l-​eqreb Ħabib tiegħi. Tant sar reali għalija li nħossu jieħu ħsiebi l-​ħin kollu. Verament ifarraġni l-​fatt li naf li anki meta ma nkunx nistaʼ nesprimi kif inħossni, hu jifhimni. Naf li l-​ħniniet u l-​barkiet tiegħu huma bla tmiem.”

Għalhekk, mela, ejja naċċettaw dak li bi mħabba jagħmlu magħna l-​Kristjani sħabna biex ifarrġuna, napplikaw il-​pariri li jingħatawlna b’qalb tajba u t-​tfakkiriet li jsaħħulna l-​fidi mogħtijin fil-​laqgħat Kristjani, u nferrgħu qalbna maʼ Ġeħova permezz tat-​talb. Dawn il-​provvedimenti f’waqthom huma dak li juża Ġeħova biex jurina li jimpurtah minna. Alex jitkellem mill-​esperjenza persunali tiegħu meta jgħid, “Jekk nagħmlu kulma nistgħu biex nibbenefikaw minn dak kollu li Alla Ġeħova jipprovdi għalina ħalli jżommna f’saħħitna spiritwalment, aħna se jkollna ‘qawwa iktar min-​normal’ biex nissaportu kwalunkwe prova li nistgħu niffaċċjaw.”—2 Kor. 4:7.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 18]

Faraġ għall-​Imnikket

Is-​salmi huma mimlijin bi kliem taʼ bnedmin li jesprimu l-​emozzjonijiet tagħhom flimkien m’assiguranzi ripetuti li Ġeħova tassew jismaʼ l-​għajta taʼ wieħed imnikket li hu maħkum minn ħafna stress emozzjonali. Ikkunsidra l-​istanzi li ġejjin:

“Fin-​niket tiegħi bqajt insejjaħ lil Ġeħova, u lil Alla tiegħi bqajt ngħajjat għall-​għajnuna. Minn ġot-​tempju tiegħu hu semaʼ leħni, u l-​għajta għall-​għajnuna li għajjatt quddiemu issa waslet f’widnejh.”—Salm 18:6.

“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom.” —Salm 34:18.

“[Ġeħova] qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.”—Salm 147:3.

[Stampa f’paġna 17]

Kemm tistaʼ tkun taʼ faraġ “kelma f’waqtha” fi żmien taʼ niket!