Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ—Irreżistu l-Pressjoni Minn Tamparkom

Żgħażagħ—Irreżistu l-Pressjoni Minn Tamparkom

Żgħażagħ—Irreżistu l-​Pressjoni Minn Tamparkom

“Ħa jkun kliemkom . . . imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.”—KOL. 4:6.

1, 2. Ħafna żgħażagħ kif iħossuhom dwar li jispikkaw bħala li huma differenti, u għala?

 WISQ probabbli int mhux talli smajt dwar il-​pressjoni minn dawk tamparek imma wkoll esperjenzajtha personalment. Xi darba jew oħra forsi xi ħadd ħeġġek biex tagħmel xi ħaġa li int taf li hi ħażina. Kif tħossok meta jiġri dan? Christopher, li għandu 14-​il sena, jgħid: “Xi kultant nixtieq li nistaʼ naqbad u nisparixxi jew inkella li nkun bħal sħabi tal-​iskola ħalli ma jkollix għalfejn nispikka bħala li jien differenti.”

2 Għandhom sħabek influwenza qawwija fuqek? Jekk iva, għala? Jistaʼ jkun li int tridhom jaċċettawk? Fiha nfisha, din ix-​xewqa mhijiex ħażina. Infatti, l-​adulti wkoll iridu jkunu aċċettati minn dawk tamparhom. Ħadd—la kbir u lanqas żgħir—ma jieħu pjaċir jiġi mwarrab. Iżda, fir-​realtà, xi nies mhux se jieħdu gost bik jekk tirrifjuta li tagħmel dak li hu ħażin. Anki Ġesù esperjenza dan. Xorta waħda, Ġesù dejjem għamel dak li hu sewwa. Waqt li xi wħud segwewh u saru d-​dixxipli tiegħu, oħrajn stmerrew lill-​Iben t’Alla u ‘ma stmawhx.’—Is. 53:3.

Il-​Pressjoni Biex Tkun bħall-​OħrajnKemm Hi Qawwija?

3. Għala jkun żball li tinbidel biex tkun fi qbil mal-​livelli taʼ sħabek?

3 Xi kultant, forsi tkun imħajjar tinbidel biex tkun fi qbil mal-​livelli taʼ sħabek sempliċement ħalli jkollok l-​approvazzjoni tagħhom. Dan ikun żball. Il-​Kristjani m’għandhomx ikunu “tfal ċkejknin, mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ.” (Efes. 4:14) It-​tfal żgħar malajr ikunu influwenzati minn ħaddieħor. Madankollu, bħala żagħżugħ int dalwaqt se ssir adult. Għalhekk, jekk temmen li l-​livelli taʼ Ġeħova huma għall-​ġid tiegħek, int għandek id-​dmir lejk innifsek li tgħix fi qbil mat-​twemmin tiegħek. (Dt. 10:12, 13) Jekk tagħmel mod ieħor tkun qed iċċedi l-​kontroll fuq ħajtek. Il-​fatt hu li meta ċċedi għall-​pressjoni minn oħrajn int ma ssir xejn iktar milli l-​pupazz tagħhom.—Aqra t-2 Pietru 2:19.

4, 5. (a) Aron kif ċeda għall-​pressjoni, u liema lezzjonijiet tistaʼ titgħallem minn dan? (b) Liema metodi jistgħu jużaw dawk tamparek biex jipprovaw jagħmlulek pressjoni?

4 Darba minnhom, Aron, ħu Mosè, ċeda għall-​pressjoni minn dawk taʼ madwaru. Meta l-​Iżraelin ħeġġewh jagħmlilhom alla, hu semaʼ minnhom. Aron ma kienx beżżiegħ. Qabel, kien ħa waqfa maʼ Mosè meta ffaċċjaw lill-​Fargħun, l-​iktar raġel setgħan fl-​Eġittu. Dakinhar, Aron tkellem bil-​kuraġġ u ħabbarlu l-​messaġġ t’Alla. Imma meta l-​Iżraelin sħabu għamlulu pressjoni, Aron ċeda. X’qawwa jistaʼ jkollha l-​pressjoni minn dawk taʼ madwarna! Aron sabha eħfef li jirreżisti s-​sultan tal-​Eġittu milli jirreżisti l-​Iżraelin sħabu.—Eżo. 7:1, 2; 32:1-​4.

5 Bħalma juri l-​eżempju t’Aron, il-​pressjoni minn oħrajn mhux liż-​żgħażagħ biss teffettwa u lanqas mhi problema biss għal dawk li jixtiequ jagħmlu l-​ħażin. Il-​pressjoni minn oħrajn tistaʼ teffettwa saħansitra lil dawk li sinċerament jixtiequ jagħmlu t-​tajjeb, inkluż lilek. Dawk tamparek jistgħu jipprovaw jinvolvuk fi mġiba ħażina permezz taʼ xi mħatra, akkuża, jew tgħajjira. Kwalunkwe forma taʼ pressjoni minn oħrajn hi diffiċli biex tiffaċċjaha. Li tirreżistiha b’suċċess jibda milli tiżviluppa l-​fiduċja f’dak li temmen.

“Ibqgħu Agħtu Prova taʼ X’Intom”

6, 7. (a) Għala huwa importanti li tkun konvint fit-​twemmin tiegħek, u x’jistaʼ jwasslek għal dan? (b) Liema mistoqsijiet tistaʼ tistaqsi lilek innifsek biex issaħħaħ it-​twemmin tiegħek?

6 Biex tirreżisti l-​pressjoni minn tamparek, l-​ewwel trid tkun konvint li t-​twemmin u l-​livelli tiegħek huma tajbin. (Aqra t-2 Korintin 13:5.) Jekk tkun konvint, dan se jgħinek turi qlubija, għalkemm forsi minnek tistħi. (2 Tim. 1:7, 8) Imma anki jekk persuna s-​soltu tkun qalbiena, jistaʼ jkun diffiċli għaliha li tieħu waqfa għal xi ħaġa li temmen fiha biss b’nofs qalb. Allura għala ma tagħtix prova lilek innifsek li dak li tgħallimt mill-​Bibbja hu tassew il-​verità? Ibda bit-​twemmin bażiku. Pereżempju, int temmen f’Alla u smajt lil oħrajn jgħidu għala jemmnu li jeżisti. Issa staqsi lilek innifsek, ‘X’jikkonvinċi lili li Alla jeżisti?’ L-​iskop taʼ din il-​mistoqsija mhuwiex li tqajjem dubji imma li ssaħħaħ il-​fidi tiegħek. B’mod simili, staqsi lilek innifsek, ‘Jien kif naf li l-​Iskrittura hi mnebbħa minn Alla?’ (2 Tim. 3:16) ‘Għala jien konvint li dawn huma “l-​aħħar jiem”?’ (2 Tim. 3:1-​5) ‘Xi jġegħelni nemmen li l-​livelli taʼ Ġeħova huma għall-​ġid tiegħi?’—Is. 48:17, 18.

7 Forsi żżomm lura milli tistaqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn għax tibżaʼ li ma tafx it-​tweġibiet. Imma dan ikun bħallikieku toqgħod lura milli tara kemm baqagħlek petrol għax tibżaʼ li jkun wasal biex jispiċċa! Jekk ma jkollokx petrol fil-​karozza, ikollok bżonn tkun taf ħalli tirranġa l-​problema. Bl-​istess mod, ikun aħjar jekk tagħraf fejn m’intix konvint dwar xi twemmin u mbagħad taħdem sabiex issaħħaħ il-​konvinzjoni tiegħek.—Atti 17:11.

8. Spjega kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fiduċja tiegħek li jkun għaqli li ssegwi l-​kmand t’Alla biex taħrab miż-​żína.

8 Ikkunsidra eżempju. Il-​Bibbja tħeġġek biex ‘taħrab miż-​żína.’ Staqsi lilek innifsek, ‘Dan għala hu kmand għaqli?’ Aħseb dwar ir-​raġunijiet kollha għala dawk tamparek jinvolvu ruħhom f’din il-​kondotta. Irrifletti wkoll fuq id-​diversi raġunijiet għala dak li jipprattika ż-​żína “qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Kor. 6:18) Issa għarbel ir-​raġunijiet, u staqsi lilek innifsek: ‘X’inhi l-​aħjar ħaġa li nagħmel? Tassew ħa jkun jaqbilli li ninvolvi ruħi f’kondotta sesswali ħażina?’ Aħseb jerġaʼ iktar fil-​fond fuq is-​suġġett billi tistaqsi, ‘Kif inħossni kieku kelli nċedi għall-​immoralità sesswali?ʼ Għall-​ewwel forsi jkollok l-​approvazzjoni taʼ dawk tamparek, imma kieku kif se tħossok iktar tard la tkun mal-​ġenituri jew maʼ Kristjani sħabek fis-​Sala tas-​Saltna? Kieku kif tħossok hekk kif tipprova titlob lil Alla? Tassew int lest li tissagrifika waqfa nadifa quddiem Alla sempliċement biex togħġob lil sħabek tal-​klassi?

9, 10. Il-​fiduċja fit-​twemmin tiegħek kif se tgħinek tkun iktar kunfidenti meta tkun maʼ tamparek?

9 Jekk int adoloxxenti, qiegħed f’dak iż-​żmien tal-​ħajja meta “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħek tkun qed tiżviluppa iktar minn qatt qabel. (Aqra Rumani 12:1, 2.) Uża dan iż-​żmien biex taħseb bis-​serjetà dwar xi jfisser għalik li tkun wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Meditazzjoni bħal din se tgħinek issaħħaħ il-​fiduċja fit-​twemmin tiegħek. Imbagħad, meta tiffaċċja l-​pressjoni minn tamparek se tkun tistaʼ twieġeb minnufih u b’kunfidenza. Se tħossok bħal oħt żagħżugħa Kristjana, li tgħid: “Meta nirreżisti l-​pressjoni minn tampari, kulma nkun qed nagħmel hu li nuri lil oħrajn min jien. Din mhijiex sempliċement ‘xi reliġjon.’ Hi l-​qofol tal-​mod kif naħseb, il-​miri, il-​livelli, u l-​ħajja tiegħi kollha kemm hi.”

10 Iva, jeħtieġ sforz biex tibqaʼ sod għal dak li taf li hu sewwa. (Lq. 13:24) U forsi taħseb jekk jaqbillekx. Imma ftakar dan: Jekk ħa toqgħod tidher li jiddispjaċik jew li qed tistħi minħabba l-​waqfa tiegħek, oħrajn se jindunaw b’dan u jistgħu jagħmlulek saħansitra iktar pressjoni. Madankollu, jekk titkellem b’mod konvint, tibqaʼ skantat kemm dawk tamparek malajr iħalluk bi kwietek.—Qabbel Luqa 4:12, 13.

‘Immedita Sabiex Twieġeb’

11. Għala hu taʼ benefiċċju li tipprepara għal pressjoni minn tamparek?

11 Pass importanti ieħor f’li tirreżisti l-​pressjoni minn tamparek hu l-​preparazzjoni. (Aqra Proverbji 15:28.) Li tkun preparat ifisser li taħseb bil-​quddiem dwar liema sitwazzjonijiet x’aktarx se jqumu. Xi kultant daqsxejn ħsieb minn qabel jistaʼ jgħinek tevita li tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli. Pereżempju, ejja ngħidu li int u miexi tara grupp minn sħabek tal-​iskola quddiemek ipejpu. Taħseb li hemm ċans joffrulek sigarett? Peress li tara li tistaʼ tinqalaʼ problema, x’tistaʼ tagħmel? Proverbji 22:3 jgħid: “Min hu prudenti jara l-​gwaj u jinħeba.” Billi tgħaddi minn xi mkien ieħor tistaʼ tevita s-​sitwazzjoni għalkollox. Dan ma jfissirx li int beżżiegħ: hu għaqli li tagħmel dan.

12. Kif tistaʼ tnaqqas mit-​tensjoni meta xi ħadd jaqbad miegħek?

12 Xi ngħidu jekk ma tkunx tistaʼ tevita s-​sitwazzjoni? Ejja ngħidu li xi ħadd tamparek, b’mod skantat, jistaqsik, “Għadek verġni?” Il-​ħaġa fundamentali hi li ssegwi l-​parir f’Kolossin 4:6: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-​melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” Bħalma turi din l-​iskrittura, il-​mod kif twieġeb mistoqsija bħal din se jiddependi miċ-​ċirkustanzi. Wisq probabbli m’għandekx għalfejn tagħmel xi prietka twila fuq il-​Bibbja. Forsi tweġiba soda u sempliċi tkun biżżejjed. Pereżempju, biex twieġeb il-​mistoqsija dwar jekk intix verġni, tistaʼ sempliċement tgħid, “Iva,” jew, “Dik xi ħaġa persunali.”

13. Għala hu meħtieġ l-​għaqal meta twieġeb lil xi ħadd li qabad miegħek?

13 Ġesù spiss ta tweġiba qasira meta ma tantx kien se jinkiseb ġid jekk jgħid xi ħaġa iktar. Infatti, meta Erodi għamillu xi mistoqsijiet, Ġesù ma qal xejn affattu. (Lq. 23:8, 9) Spiss, li ma tgħid xejn ikun mod tajjeb kif tittratta maʼ mistoqsijiet persunali. (Prov. 26:4; Ekk. 3:1, 7) Min-​naħa l-​oħra, forsi tinduna li xi ħadd sinċerament jixtieq ikun jaf dwar it-​twemmin tiegħek—bħal pereżempju, dwar il-​moralità sesswali—anki jekk għall-​ewwel kien qabad miegħek. (1 Pt. 4:4) F’dan il-​każ, tistaʼ tkun meħtieġa spjegazzjoni iktar dettaljata tal-​waqfa tiegħek ibbażata fuq il-​Bibbja. Jekk iva, iżżommx lura minħabba l-​biżaʼ. Dejjem kun ‘lest li tiddefendi ruħek.’—1 Pt. 3:15.

14. F’xi sitwazzjonijiet kif tistaʼ treġġaʼ lura bit-​tattika l-​pressjoni fuq min jagħmilhielek?

14 F’xi sitwazzjonijiet, taf tkun tistaʼ treġġaʼ lura l-​pressjoni fuq min jagħmilhielek. Madankollu, trid tipprova tagħmel dan bit-​tattika. Pereżempju, jekk sieħbek tal-​iskola jisfidak biex taċċetta sigarett mingħandu, tistaʼ tgħid, “Le grazzi” u mbagħad għid, “Int tpejjep? Ħsibtu jilħaqlek iktar minn hekk!” Qed tara kif qed treġġaʼ lura l-​pressjoni fuqu? Minflok ma jkollok għalfejn tispjega għala ma tpejjipx, se ġġiegħel lil sieħbek jaħseb dwar għala jpejjep. a

15. Meta jkun xieraq li titlaq minn ħdejn dawk tamparek li jipprovaw jagħmlulek pressjoni, u għala?

15 Xi ngħidu jekk minkejja l-​isforzi tiegħek dawk tamparek jibqgħu jagħmlulek pressjoni? F’dan il-​każ, ikun l-​aħjar li taqbad u titlaq ’l hemm. Iktar ma ddum ħdejhom iktar se jkun hemm ċans li tagħmel xi kompromess. Għalhekk, itlaq mis-​sitwazzjoni. Tistaʼ tagħmel dan mingħajr ma tħoss li rebħulek. Wara kollox, int ikkontrollajt is-​sitwazzjoni. Ma sirtx il-​pupazz tagħhom u ferraħt qalb Ġeħova.—Prov. 27:11.

Agħmel ‘Pjanijiet li Jkunu taʼ Vantaġġ’

16. Kif jistaʼ jkollok pressjoni minn xi wħud li jsostnu li huma Kristjani?

16 Xi kultant, il-​pressjoni biex tieħu sehem f’attività bla siwi tistaʼ tiġi minn żgħażagħ oħrajn li jsostnu li huma qaddejja taʼ Ġeħova. Pereżempju, xi ngħidu jekk tasal għal party organizzat minn żagħżugħ bħal dawn li semmejna u ssir taf li m’hemmx adulti biex iżommu għajnejhom fuq il-​party? Jew xi ngħidu jekk żagħżugħ li jgħid li hu Kristjan iġib l-​alkoħol għal xi party u int u oħrajn preżenti m’għandkomx l-​età legali biex tixorbu? Diversi sitwazzjonijiet jistgħu jinqalgħu li fihom int jistaʼ jkollok issegwi l-​kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-​Bibbja. Żagħżugħa Kristjana tirrakkonta: “Jien u oħti ħriġna waqt film għax kien fih koċċ dagħa. Oħrajn fil-​grupp għażlu li jibqgħu hemm. Il-​ġenituri tagħna faħħruna għal dak li għamilna. Imma l-​bqija tal-​grupp irrabjaw għax ġegħelniehom jidhru koroh.”

17. Meta tmur party, x’tistaʼ tagħmel b’mod prattiku biex iżżomm mal-​livelli t’Alla?

17 Bħalma turi l-​esperjenza li għadna kemm rajna, li ssegwi l-​kuxjenza tiegħek imħarrġa fuq il-​Bibbja jistaʼ jpoġġik f’sitwazzjoni antipatka. Imma żomm sod maʼ dak li taf li hu sewwa. Kun preparat. Jekk sejjer xi party, ħejji pjan taʼ kif tistaʼ titlaq jekk l-​affarijiet ma jkunux kif stennejthom. Xi żgħażagħ għandhom arranġament mal-​ġenituri tagħhom biex b’sempliċi telefonata jiġu għalihom. (Salm 26:4, 5) Dawn il-​‘pjanijiet ikunu taʼ vantaġġ.’—Prov. 21:5.

‘Ifraħ Waqt li Għadek Żgħir’

18, 19. (a) Għala tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jridek tkun ferħan? (b) Alla kif iħossu dwar dawk li jirreżistu l-​pressjoni minn tamparhom?

18 Ġeħova ħalqek biex tgawdi l-​ħajja u jridek tkun ferħan. (Aqra Ekkleżjasti 11:9.) Tinsiex li dak li ħafna minn tamparek jesperjenzaw hu biss “it-​tgawdija temporanja tad-​dnub.” (Ebr. 11:25) L-​Alla l-​veru jrid li jkollok xi ħaġa bil-​wisq aħjar minn dan. Iridek tkun ferħan għal dejjem. Għalhekk, meta tiffaċċja tentazzjoni biex tagħmel xi ħaġa li taf li hi ħażina f’għajnejn Alla, ftakar li fl-​aħħar mill-​aħħar, dak li Ġeħova jitlob minnek hu dejjem għall-​ġid tiegħek.

19 Bħala żagħżugħ trid tifhem li anki jekk tikseb l-​approvazzjoni taʼ dawk tamparek, snin wara x’aktarx li ħafna minnhom lanqas biss se jiftakru ismek. B’kuntrast, meta tirreżisti l-​pressjoni minn sħabek, Ġeħova jinduna b’dan u qatt mhu se jinsiek jew jinsa l-​fedeltà li wrejt. Hu se ‘jiftaħlek bwieb l-​għargħar tas-​smewwiet u jitfaʼ fuqek xita taʼ barkiet sakemm ma jkun jonqsok xejn iktar.’ (Mal. 3:10) Iktar minn hekk, hu b’mod ġeneruż jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu biex ipatti għal kwalunkwe nuqqas li jistaʼ jkollok bħalissa. Ġeħova tassew jistaʼ jgħinek tirreżisti l-​pressjoni minn tamparek!

[Nota taʼ taħt]

a Ara t-​tabella “Peer-​Pressure Planner” (Pjan Kif Se Niffaċċja l-​Pressjoni Minn Dawk Tampari) fil-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2 (Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, it-​2 Volum), paġni 132 u 133.

Tiftakar Int?

• X’qawwa jistaʼ jkollha l-​pressjoni minn tamparek?

• Għala hi importanti l-​konvinzjoni meta tirreżisti l-​pressjoni minn tamparek?

• Kif tistaʼ tipprepara biex tiffaċċja l-​pressjoni minn tamparek?

• Kif taf li Ġeħova jgħożż il-​fedeltà tiegħek?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 8]

Aron għala aċċetta li jagħmel l-​għoġol tad-​deheb?

[Stampa f’paġna 10]

Kun preparat—iddeċiedi minn qabel x’se tgħid