Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Ġesù qal lis-​semmiegħa tiegħu: “Kunu . . . perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-​sema.” Il-​bnedmin kif jistgħu jkunu “perfetti” llum?—Mt. 5:48.

Biex inwieġbu din il-​mistoqsija hu fundamentali li nifhmu kif il-​kliem “perfett” u “perfezzjoni” jintuża fil-​Bibbja. Mhux kulma jiġi deskritt bħala “perfett” fl-​Iskrittura jkun perfett għalkollox. Ovvjament, Ġeħova għandu perfezzjoni assoluta bħal din. In-​nies jew l-​affarijiet jistgħu jkunu perfetti biss sa ċertu punt. Il-​kliem Bibliku bl-​Ebrajk u l-​Grieg li jiġi tradott “perfett” spiss ifisser “komplut,” “matur,” jew “bla difett” skont il-​livelli li tpoġġi xi awtorità. Fid-​diskors taʼ kuljum, il-​kelma ġeneralment tintuża meta xi ħaġa tiġi mqabbla m’oħra. L-​espressjoni “skiet perfett” hija eżempju wieħed.

Adam u Eva ġew maħluqin perfetti moralment, spiritwalment, u fiżikament. Huma kienu perfetti skont il-​livell li għamel il-​Ħallieq tagħhom. Minħabba d-​diżubbidjenza, huma ma laħqux dan il-​livell, u għalhekk tilfu l-​perfezzjoni għalihom infushom u għal nisilhom. Għalhekk, kien permezz t’Adam li d-​dnub, l-​imperfezzjoni, u l-​mewt laħqu lill-​umanità.—Rum. 5:12.

Però, bħalma wera ċar Ġesù fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, anki n-​nies imperfetti jistgħu jkunu perfetti sa ċertu punt. F’din it-​taħdita, hu poġġa livelli għal imħabba perfetta, jew kompluta. Din hi mħabba bħal dik li Alla juri lejn l-​umanità. Ġesù qal: “Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom; sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-​smewwiet, għax hu jtellaʼ x-​xemx tiegħu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin u jniżżel ix-​xita fuq in-​nies sewwa u fuq dawk li m’humiex.” (Mt. 5:44, 45) Id-​dixxipli taʼ Ġesù jistgħu jimitaw l-​eżempju perfett t’Alla billi juru l-​imħabba bħalma juriha Alla.

Illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja jistinkaw biex iżommu livell għoli bħal dan taʼ mħabba lejn oħrajn. Huma jixtiequ jgħinu lin-​nies minn kull kultura, razza, u reliġjon biex ikollhom għarfien eżatt tal-​verità tal-​Bibbja. Fʼ236 pajjiż, ix-​Xhieda bħalissa jikkonduċu iktar minn 7,000,000 studju tal-​Bibbja maʼ wħud interessati.

Ġesù staqsa: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom? Mhux hekk ukoll jagħmlu l-​kolletturi tat-​taxxi? U jekk issellmu lil ħutkom biss, x’qed tagħmlu speċjali? Mhux hekk ukoll jagħmlu n-​nies tal-​ġnus?” (Mt. 5:46, 47) Il-​Kristjani veri ma jurux parzjalità lejn nies taʼ ċerta edukazzjoni jew kultura; lanqas ma juru mħabba biss lejn dawk li jistgħu juruhielhom lura. Minflok, huma jgħinu lill-​foqra u lill-​morda, lill-​kbar u liż-​żgħar. B’dawn il-​modi, il-​Kristjani jimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova, u għalhekk ikunu perfetti sa ċertu punt.

Qatt se nkunu nistgħu ngawdu l-​perfezzjoni li tilef Adam? Iva, permezz tal-​fidi fis-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù, l-​umanità ubbidjenti se tilħaq stat perfett għalkollox matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu, meta ‘l-​Iben t’Alla jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan.’—1 Ġw. 3:8.