Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’

‘Ħa Nippreżentaw Offerta lil Ġeħova’

META xi ħadd jagħmel att taʼ qalb tajba miegħek, kif turi l-​apprezzament tiegħek? Ikkunsidra kif il-​kapijiet militari f’Iżrael urew il-​gratitudni tagħhom wara ġlieda bl-​armi mal-​Midjanin. Il-​gwerra ġiet miġġielda wara li Iżrael kien dineb b’konnessjoni mal-​Bagħal taʼ Pegħor. Alla ta r-​rebħa lill-​poplu tiegħu, u l-​priża ġiet maqsuma bejn it-​12,000 suldat u l-​bqija t’Iżrael. Fi qbil mad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, is-​suldati taw persentaġġ mill-​porzjon tagħhom lill-​qassisin, u l-​Iżraelin l-​oħrajn taw persentaġġ simili lil-​Leviti.—Num. 31:1-​5, 25-​30.

Madankollu, il-​kapijiet militari riedu jagħmlu iktar minn hekk. Huma qalu lil Mosè: “Il-​qaddejja tiegħek għaddew il-​gwerriera li jinsabu taħt il-​kmand tagħna u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna.” Huma ddeċidew li joffru lil Ġeħova deheb u tiżjin differenti. Il-​piż totali tat-​tiżjin tad-​deheb kien jammonta għal iktar minn 190 kilogramma.—Num. 31:49-​54.

Illum, ħafna nies jiġu mqanqlin bl-​istess mod biex juru l-​apprezzament tagħhom għal dak li għamel magħhom Ġeħova. Iktar minn hekk, sentimenti taʼ gratitudni bħal dawn ma jiġux biss mill-​qaddejja dedikati t’Alla. Pereżempju, ikkunsidra xufier taʼ karozza tal-​linja li saq lid-​delegati lejn l-​istejdjum u lura għall-​konvenzjoni internazzjonali li saret f’Bolonja, l-​Italja, fl-​2009. Minħabba li kien xufier kalm u attent ħafna, dawk li kienu fuq il-​karozza tal-​linja tiegħu ddeċidew li jiktbulu nota taʼ gratitudni u jagħtuh xi ħaġa żejda tal-​flus flimkien maʼ kopja tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? Għal dan, ix-​xufier wieġeb: “Naċċetta minn qalbi l-​kartolina u l-​ktieb, imma nirritorna l-​flus għaliex nixtieq nagħtihom bħala kontribuzzjoni ħalli tkunu tistgħu tibqgħu għaddejjin bix-​xogħol li qed tagħmlu. Avolja m’iniex wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, nixtieq nagħti din il-​kontribuzzjoni għax rajt li intom tagħmlu kollox bl-​imħabba.”

Meta tiġi mqanqal mill-​apprezzament għal dak li għamel miegħek Ġeħova, mod wieħed kif turi l-​gratitudni tiegħek hu billi tagħti kontribuzzjonijiet għax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Mt. 24:14) Modi kif xi wħud jagħżlu li jagħtu huma mniżżlin fil-​kaxxa li tinsab maʼ dan l-​artiklu.