Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kieku Wliedek X’Jgħidu?

Kieku Wliedek X’Jgħidu?

Kieku Wliedek X’Jgħidu?

ĠENITURI: Fil-​ħarġa tal-​15 taʼ Jannar, 2010, paġni 16-​20, issemma li għandkom tagħmlu sessjonijiet taʼ prattika maʼ wliedkom. Dan l-​artiklu jipprovdi ideat li jgħinuk tħejji lit-​tfal żgħar biex jiffaċċjaw l-​isfidi li jiltaqgħu magħhom fl-​iskola. Tistaʼ forsi tagħżel li jkollok dawn is-​sessjonijiet matul il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja.

IT-​TFAL li huma Xhieda taʼ Ġeħova jiffaċċjaw ħafna sfidi. Sħabhom tal-​iskola spiss jistaqsuhom għala ma jiħdux sehem f’ċerti attivitajiet. Dawn jinkludu li ma jsellmux lill-​bandiera, ma jiċċelebrawx għeluq sninhom, u ma jiħdux sehem fi proġetti tal-​iskola dwar xi festi reliġjużi. Jekk dawn il-​mistoqsijiet isiru lil uliedek, kif se jwieġbu?

Xi tfal Kristjani sempliċement wieġbu: “Ma nistax nagħmel hekk. Din tmur kontra r-​reliġjon tiegħi.” Dawn it-​tfal ħaqqhom tifħir talli ħadu waqfa soda. It-​tweġiba li jagħtu għandha mnejn twaqqaf lil oħrajn milli jistaqsu xi ħaġa oħra. Madankollu, il-​Bibbja twissina biex ‘inkunu . . . lesti li niddefendu ruħna quddiem kulmin ikun irid raġuni’ mingħandna għat-​twemmin tagħna. (1 Pt. 3:15) Dan ma jfissirx biss li sempliċement ngħidu “Ma nistax nagħmel hekk.” Avolja jkun hemm min ma jaqbilx magħna, xi wħud għandhom mnejn ikunu jixtiequ jsiru jafu r-​raġunijiet tagħna għala nkunu ħadna xi deċiżjoni jew oħra.

Ħafna Xhieda żgħażagħ irrakkontaw ġrajjiet mill-​Bibbja lil sħabhom tal-​iskola billi użaw dawn il-​pubblikazzjonijiet, bħalma hu l-​ktieb Tgħallem mill-​Għalliem il-​Kbir. Dawn ir-​rakkonti jistgħu jgħinu lil oħrajn jifhmu għala t-​tfal li huma Xhieda jagħmlu jew ma jagħmlux ċerti affarijiet. Xi studenti jisimgħu b’attenzjoni l-​istejjer mill-​Bibbja, u ħafna studji tal-​Bibbja nbdew b’dan il-​mod. Studenti oħrajn għandhom mnejn isibuha diffiċli biex joqogħdu jisimgħu storja sħiħa mill-​Bibbja. Mingħajr spjegazzjoni sħiħa, it-​tfal tal-​iskola forsi jsibuha diffiċli wisq biex jifhmu ċerti rakkonti mill-​Bibbja. Meta l-​ħabiba tagħha stidnitha għall-​party t’għeluq is-​snin, Minhee, li għandha 11-​il sena, qaltilha: “Il-​Bibbja ma tgħidilniex biex niċċelebraw għeluq sninna. Ġwanni l-​Għammied, wieħed mill-​karattri li jissemma fil-​Bibbja, inqatel waqt ċelebrazzjoni t’għeluq is-​snin.” Iżda Minhee tiftakar li ħabibitha ma tantx kienet tidher li fehmet it-​tweġiba li tatha.

Kultant, ikun iktar faċli turi lil student ieħor xi stampa jew xi rakkont minn fuq wieħed mill-​kotba tagħna. Xi ngħidu jekk l-​awtoritajiet tal-​iskola ma jkunux iridu li t-​tfal juru pubblikazzjonijiet reliġjużi lil studenti oħrajn? Jistgħu wliedna jagħtu xhieda effettiva anki mingħajr ebda pubblikazzjoni? Kif tistaʼ tgħin lil uliedek jiddefendu t-​twemmin tagħhom?

Agħmel Sessjonijiet taʼ Prattika Magħhom

Il-​ġenituri jistgħu jgħinu lil uliedhom permezz taʼ sessjonijiet taʼ prattika magħhom billi jagħmluha taʼ sħabhom tal-​iskola. Meta t-​tfal jipprovaw jiddefendu t-​twemmin tagħhom, il-​ġenituri għandhom ifaħħruhom għall-​isforzi li jagħmlu u juruhom kif jistgħu jtejbu l-​mod kif jirraġunaw maʼ oħrajn u għala jkun tajjeb li jagħmlu dan. Pereżempju, issuġġerilhom li jużaw kliem li jistgħu jifhmuh l-​istudenti tal-​istess età. Joshua, tifel taʼ disaʼ snin, jgħid li sħabu tal-​iskola ma kinux jifhmu ċertu kliem bħal “kuxjenza” u “lealtà.” Għalhekk, kellu juża kliem iktar faċli biex jirraġuna magħhom.—1 Kor. 14:9.

Xi tfal tal-​iskola li jistaqsu xi mistoqsija għandhom mnejn jitilfu l-​interess jekk it-​tweġiba tkun fit-​tul. Jekk ix-​Xhieda żgħażagħ jinvolvuhom fil-​konversazzjoni u jirraġunaw magħhom, għandu mnejn li ma jitilfux l-​interess. Tifla t’għaxar snin jisimha Haneul tgħid, “Sħabi tal-​iskola jieħdu gost b’konversazzjoni, u mhux bi spjegazzjoni.” Biex ikollok konversazzjoni, staqsi mistoqsijiet u mbagħad ismaʼ b’attenzjoni biex tara kif jaħsibha dak li jkun.

Il-​konversazzjonijiet li ġejjin juru kif it-​tfal Kristjani jistgħu jirraġunaw maʼ sħabhom tal-​iskola. M’hemmx għalfejn titgħallimhom bl-​amment, għax mhux it-​tfal kollha huma l-​istess, u ċirkustanzi differenti jirrikjedu tweġibiet differenti. Għalhekk, Xhud żagħżugħ għandu jżomm l-​idea f’moħħu, ipoġġiha fi kliemu, u jadattaha skont is-​sitwazzjoni u skont sħabu tal-​iskola. Jekk għandek tfal li jmorru l-​iskola, ipprova rreċta dawn il-​konversazzjonijiet magħhom.

Jeħtieġ ħin u sforz biex tħarreġ lit-​tfal. Ġenituri Kristjani jridu jnaqqxu l-​prinċipji tal-​Bibbja f’uliedhom u jipperswaduhom biex jgħixu skont dawn il-​prinċipji.—Dt. 6:7; 2 Tim. 3:14.

Fil-​lejla tal-​Qima tal-​Familja li jmiss, ipprova pprattika maʼ wliedek il-​konversazzjonijiet imniżżlin hawn. Ara kemm dan jistaʼ jkun effettiv. Ftakar li l-​mira m’għandhiex tkun li titgħallem il-​kliem jew it-​tweġibiet bl-​amment. Fil-​fatt, forsi tistaʼ tirreċta magħhom sitwazzjoni iktar minn darba, u kull darba tagħtihom tweġiba differenti biex tara kif uliedek jadattaw it-​tweġiba għal kull mistoqsija. Hekk kif jipprovaw jispjegaw il-​bażi għat-​twemmin tagħhom, għinhom jitgħallmu jirraġunaw u jużaw it-​tattika. Biż-​żmien, int tkun qed tgħallem lil uliedek kif jiddefendu t-​twemmin tagħhom maʼ sħabhom tal-​iskola, mal-​ġirien, kif ukoll mal-​għalliema.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 4, 5]

IĊ-​ĊELEBRAZZJONIJIET T’GĦELUQ IS-​SNIN

Mary: John, nixtieq nistiednek għall-​party t’għeluq snini.

John: Grazzi talli ħsibt fija, Mary. Nistaʼ nistaqsik għala se tagħmel party t’għeluq is-​snin?

Mary: Biex niċċelebra għeluq snini. Int ma tiċċelebrahx?

John: Le, ma niċċelebrahx.

Mary: Għala le? Kulħadd fil-​familja tiegħi kien ferħan meta twilidt jien.

John: Anki l-​familja tiegħi. Kollha kienu ferħanin meta twilidt jien. Imma ma naħsibx li din hi raġuni għala għandi niċċelebra kull sena. Fil-​parties t’għeluq sninhom, ħafna wħud jaħsbu li huma l-​iktar nies importanti. Imma mhuwiex Alla iktar importanti? U mhux lilu rridu nirringrazzjaw talli tana l-​ħajja?

Mary: Jiġifieri int qed tgħid li jien mhux suppost nagħmel il-​party t’għeluq snini?

John: Mary, dik affari tiegħek. Imma aħseb ftit. Għalkemm ħafna nies jieħdu gost jaqilgħu r-​rigali f’għeluq sninhom, il-​Bibbja tgħid li hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi. Minflok ma niffokaw fuqna nfusna f’għeluq sninna, ma taħsibx li jkun tajjeb li nirringrazzjaw lil Alla, naħsbu f’oħrajn, u nagħmlulhom il-​ġid?

Mary: Qatt ma ħsibt dwar dan. Allura l-​ġenituri tiegħek qatt ma jagħtuk rigali?

John: Dażgur li jagħtuni. Imma l-​ġenituri tiegħi ma joqogħdux jistennew li jasal għeluq snini. Huma spiss jagħtuni r-​rigali. Mary, tixtieq tkun taf kif bdew iċ-​ċelebrazzjonijiet t’għeluq is-​snin?

Mary: Tistaʼ tgħidli?

John: Iva, għada ngħidlek storja interessanti dwar ċelebrazzjoni t’għeluq is-​snin li saret żmien twil ilu.

IT-​TISLIM LILL-​BANDIERA

Gail: Claire, int għala ma ssellimx lill-​bandiera?

Claire: Qed nieħu gost li staqsejtni, Gail. Nistaʼ forsi l-​ewwel nistaqsi lilek għala ssellmilha?

Gail: Jien insellmilha għax inħobb lill-​art twelidi.

Claire: Jien naf li int tħobb lil ommok, Gail. Imma int ma toqgħodx issellmilha hux?

Gail: Iva veru. Imma int taf li jien insellem lill-​bandiera għax għandi rispett lejha. Int m’għandekx rispett lejn il-​bandiera?

Claire: Iva għandi rispett lejha. Imma aħna ma nsellmux lil kull persuna u lil kull ħaġa li nirrispettaw hux?

Gail: Sewwa qed tgħid. Jien nirrispettaha lill-​għalliema tagħna, imma ma noqgħodx insellmilha. Mela ma nafx għala nsellmilha lill-​bandiera.

Claire: Gail, ħafna nies jaħsbu li l-​bandiera tirrappreżenta lil art twelidhom. It-​tislim lill-​bandiera jfisser li huma jagħmlu minn kollox għal art twelidhom. Imma jien ma nħossnix hekk. Ma nistax nagħti ħajti lil art twelidi għaliex il-​ħajja Alla tahieli. Jien iddeċidejt li nagħti ħajti lilu. Mela, għalkemm nirrispetta lill-​bandiera, jien ma nsellmilhiex.

Gail: Issa qed nifhem.

Claire: Gail, ħadt gost li staqsejtni dwar dan. U jekk trid tkun taf għala nagħmel jew ma nagħmilx ċerti affarijiet, tiddejjaqx tistaqsini. Il-​Bibbja tgħid li żmien twil ilu, sultan taʼ Babilonja ordna lin-​nies biex imilu quddiem xbieha. Xi wħud ma ridux imilu—avolja setgħet switilhom ħajjithom.

Gail: Veru? Xi ġralhom?

Claire: Imbagħad ngħidlek fil-​brejk.

IL-​VOTAZZJONI FL-​ISKOLA

Mike: Tim, min taħseb li għandu jkun il-​prefect tal-​klassi?

Tim: Jien mhu se nivvota lill-​ebda wieħed mill-​kandidati.

Mike: Għala le?

Tim: Għax diġà għandi l-​aqwa mexxej. Bħala Kristjan, jien wegħedt li nsegwi lil Ġesù. Għalhekk, ma nistax nagħżel xi mexxej ieħor. Taf għala naħseb li hu Mexxej perfett?

Mike: Le, u ma nixtieqx inkun naf.

Tim: Ok, imma jekk xi darba tkun tixtieq issir taf għala, ngħidlek bil-​qalb kollha.

[Stampa]

“John, nixtieq nistiednek għall-​‘party’ t’għeluq snini”

[Stampa f’paġna 3]

“Int għala ma ssellimx lill-​bandiera?”