Kun Żeluż għall-Qima Vera
Kun Żeluż għall-Qima Vera
“Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit.”—MT. 9:37.
1. Kif tiddeskriviha l-urġenza?
GĦANDEK dokument li jeħtieġ jgħaddi minn taħt idejn persuna partikulari dakinhar stess. X’tagħmel? Tikteb fuqu “URĠENTI!” Tinsab fi triqtek għal appuntament importanti, iżda qiegħed tard. X’tagħmel? Tgħid lix-xufier, “Jekk jogħġbok għaġġel ftit għax URĠENTI!” Tabilħaqq, meta jkollok xi biċċa xogħol li trid issir u l-ħin ikun qed jagħfas, tibda tħossok stressat u ansjuż. L-adrenalina tiegħek tiżdied, u tibda tħaffef u taħdem iebes kemm tiflaħ biex tlesti x-xogħol. Din hi l-urġenza!
2. X’inhu l-iktar xogħol urġenti li għandhom il-Kristjani veri llum?
2 Għall-Kristjani veri llum, xejn mhu iktar urġenti mill-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna u mix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Id-dixxiplu Marku kkwota lil Ġesù u kiteb li dan ix-xogħol kellu jsir “l-ewwel,” jiġifieri, qabel jiġi t-tmiem. (Mk. 13:10) M’għandniex xi ngħidu, hekk għandu jkun. Ġesù qal: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit.” Ħsad ma jistax jistenna; irid jinġabar qabel ma jgħaddi l-istaġun.—Mt. 9:37.
3. Ħafna wħud x’għamlu minħabba l-bżonn urġenti li jippritkaw?
3 Peress li x-xogħol tal-ippritkar hu taʼ importanza kbira għalina, jistħoqqlu li nagħtuh kemm nistgħu mill-ħin, l-enerġija, u l-attenzjoni tagħna. Ħafna aħwa qed jagħmlu proprju hekk, u dawn huma taʼ min ifaħħarhom. Xi wħud issimplifikaw ħajjithom sabiex jibdew jaqdu fil-ministeru full-time bħala pijunieri jew missjunarji, jew biex jaqdu f’waħda mid-djar taʼ Betel madwar id-dinja. Ħajjithom hi mimlija daqs bajda. X’aktarx, huma għamlu bosta sagrifiċċji u qed jiffaċċjaw ħafna sfidi. Madankollu, dawn jiġu mberkin bil-kbir minn Ġeħova. Aħna ferħanin għalihom. (Aqra Luqa 18:28-30.) Oħrajn, għalkemm ma jistgħux jingħaqdu mal-proklamaturi full-time, jiddedikaw kemm jistgħu ħin għal dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. Dan jinkludi li ngħinu lil uliedna jsalvaw.—Dt. 6:6, 7.
4. Xi wħud għala għandhom mnejn jitilfu s-sens taʼ urġenza?
4 Bħalma rajna, is-sens taʼ urġenza normalment hu marbut maʼ ħin limitat, żmien stipulat, tmiem. Aħna qed ngħixu fiż-żmien tat-tmiem, u hemm bosta evidenza li tagħti prova taʼ dan—kemm Skritturali u kemm storika. (Mt. 24:3, 33; 2 Tim. 3:1-5) Xorta waħda, ħadd ma jaf il-ħin eżatt meta se jiġi t-tmiem. Meta ta d-dettalji dwar “is-sinjal” li jimmarka l-“konklużjoni tas-sistema,” Ġesù qal speċifikament: “Dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.” (Mt. 24:36) Minħabba f’hekk, xi wħud għandhom mnejn isibuha diffiċli li jibqgħu jżommu s-sens taʼ urġenza, sena wara l-oħra, speċjalment jekk ilhom jagħmlu dan għal żmien twil. (Prov. 13:12) Ġieli tħossok hekk? X’jistaʼ jgħinna niżviluppaw jew inżommu s-sens taʼ urġenza għax-xogħol li Alla Ġeħova u Ġesù Kristu jriduna nagħmlu llum?
Ikkunsidra lix-Xempju Tagħna, Ġesù
5. Ġesù b’liema modi wera s-sens taʼ urġenza fejn jidħol il-ministeru?
5 Minn dawk kollha li wrew urġenza fis-servizz tagħhom lil Alla, żgur li Ġesù Kristu huwa l-aqwa eżempju. Raġuni waħda għala hu żamm l-urġenza kienet li kellu ħafna x’jagħmel fi żmien tliet snin u nofs biss. Madankollu, fejn tidħol il-qima vera, Ġesù wettaq iktar milli qatt wettaq kwalunkwe individwu ieħor. Hu għamel l-isem u l-iskop taʼ Missieru magħrufin, ipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna, kixef l-ipokrisija u t-tagħlim falz tal-mexxejja reliġjużi, u appoġġa s-sovranità taʼ Ġeħova saħansitra sal-mewt. Kull fejn mar, hu għamel kull sforz possibbli biex jgħallem, jgħin, u jfejjaq lin-nies. (Mt. 9:35) Ħadd qatt ma wettaq iktar minnu f’daqshekk qasir żmien. Ġesù ħadem iebes kemm felaħ.—Ġw. 18:37.
6. Ġesù fuqiex iffoka f’ħajtu?
6 X’kien li qanqal lil Ġesù biex jaħdem bla heda matul il-ministeru tiegħu? Mill-profezija taʼ Danjel, Ġesù setaʼ jkun jaf kemm kien fadallu żmien biex iwettaq ix-xogħol skont l-iskeda taʼ Ġeħova. (Dan. 9:27) Għalhekk, bħalma diġà ssemma, il-ministeru tiegħu fuq l-art kellu jintemm “f’nofs din il-ġimgħa,” jew wara tliet snin u nofs. Ftit wara d-dħul trijonfanti tiegħu f’Ġerusalemm fir-Rebbiegħa tas-sena 33 E.K., Ġesù qal: “Waslet is-siegħa biex Bin il-bniedem jiġi glorifikat.” (Ġw. 12:23) Ġesù kien jaf li l-mewt tiegħu kienet fil-qrib, iżda hu ma ffokax fuq din f’ħajtu, u lanqas ma ħallieha tkun ir-raġuni ewlenija għala ħadem iebes. Minflok, hu ffoka fuq li juża kull opportunità biex jagħmel ir-rieda taʼ Missieru u juri mħabba lejn ħutu l-bnedmin. Din l-imħabba qanqlitu biex jiġbor u jħarreġ lid-dixxipli, u bagħathom jippritkaw. Dan sar sabiex huma jkomplu x-xogħol li kien beda hu u li huma kellhom iwettqu xogħlijiet jerġaʼ akbar minn dawk li wettaq hu.—Aqra Ġwanni 14:12.
7, 8. Id-dixxipli kif irreaġixxew meta Ġesù naddaf it-tempju, u Ġesù għala aġixxa b’dan il-mod?
7 Ġrajja waħda fil-ħajja taʼ Ġesù tat evidenza konvinċenti taż-żelu li kellu. Kien kmieni fil-ministeru tiegħu fl-istaġun tal-Qbiż tas-sena 30 E.K. meta Ġesù u d-dixxipli tiegħu marru Ġerusalemm u fit-tempju raw “nies ibigħu l-baqar u n-nagħaġ u l-ħamiem u oħrajn bil-qiegħda jsarrfu l-flus.” X’kienet ir-reazzjoni taʼ Ġesù, u liema effett ħalliet fuq id-dixxipli tiegħu?—Aqra Ġwanni 2:13-17.
8 Dak li għamel u dak li qal Ġesù dakinhar bix-xieraq fakkar lid-dixxipli fil-kliem profetiku taʼ wieħed mis-salmi taʼ David: “Iż-żelu għal darek kielni.” (Salm 69:9) Għala? Għax dak li għamel Ġesù kien jinvolvi sogru u periklu kbir. Wara kollox, l-awtoritajiet tat-tempju—il-qassisin, l-iskribi, u oħrajn—kienu involuti fin-negozju bi qligħ skandaluż li kien qed isir hemmhekk. Sabiex jikxef u jfixkel il-pjan tagħhom, Ġesù kien qed jagħmel lilu nnifsu għadu tal-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu. Id-dixxipli fehmu s-sitwazzjoni b’mod korrett—‘iż-żelu għad-dar t’Alla,’ jew iż-żelu għall-qima vera, kien evidenti b’mod ċar. Iżda, x’inhu ż-żelu? Huwa differenti mill-urġenza?
Id-Differenza Bejn l-Urġenza u ż-Żelu
9. Iż-żelu kif jistaʼ jiġi deskritt?
9 Dizzjunarju jiddefinixxi l-kelma “żelu” bħala “ħerqa u interess akkanit biex tikseb xi ħaġa,” u bħala sinonimi jagħti kliem bħal passjoni, fervur, ħrara, u entużjażmu. Bla dubju, il-ministeru taʼ Ġesù jistaʼ jiġi karatterizzat minn dawn l-espressjonijiet kollha. Għalhekk, il-vers taʼ Salm 69:9 fit-traduzzjoni tal-Bibbja Today’s English Version jgħid: “Id-devozzjoni tiegħi għal darek, O Alla, taħraq bħan-nar ġewwa fija.” Taʼ interess, f’xi lingwi orjentali, il-kelma għal “żelu” hi magħmula minn żewġ kelmiet li letteralment ifissru “qalb taħraq,” bħallikieku l-qalb kienet qed taqbad. Mhux taʼ b’xejn li d-dixxipli ftakru fil-kliem taʼ David meta raw x’għamel Ġesù fit-tempju. Iżda x’ġiegħel lil qalb Ġesù taqbad bħallikieku bin-nar u tqanqlu, jew iġġiegħlu jaġixxi b’dan il-mod?
10. Xi tfisser il-kelma “żelu” kif tintuża fil-Bibbja?
10 Il-kelma “żelu” fis-salm taʼ David ġejja minn kelma bl-Ebrajk li spiss tiġi tradotta “għajjur” jew “għira” f’partijiet oħrajn tal-Bibbja. Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida kultant tinsab bħala li “jesiġi devozzjoni esklużiva.” (Aqra Eżodu 20:5; 34:14; Ġożwè 24:19.) Dizzjunarju tal-Bibbja jgħid hekk dwar din il-kelma: “Din spiss tintuża f’konnessjoni mar-relazzjoni bejn il-miżżewġin . . . Sewwasew bħalma raġel jew mara miżżewġin għandhom id-dritt li jkollhom ċerta għira [pożittiva] għal xulxin u jesiġu li jirċievu dak li hu tagħhom biss, hekk ukoll Alla għandu d-dritt esklużiv li jesiġi d-devozzjoni taʼ dawk li jappartjenu lilu biss, u Hu jiddefendi dan id-dritt.” B’hekk, il-kelma żelu kif użata fil-Bibbja hija iktar minn fervur jew entużjażmu biex tikseb xi ħaġa, bħalma ħafna akkaniti juru għall-isport favorit tagħhom. Iż-żelu taʼ David kien għira f’sens pożittiv, jiġifieri, hu ma kienx jittollera rivalità jew tmaqdir—kellu ħeġġa qawwija li jipproteġi r-reputazzjoni tajba jew li jirranġa xi ħsara.
11. X’qanqal lil Ġesù jistinka kemm jiflaħ b’mod żeluż?
11 Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom raġun jassoċjaw kliem David maʼ dak li raw lil Ġesù jagħmel fit-tempju. Ġesù ma stinkax kemm felaħ sempliċement minħabba li kellu żmien stipulat iżda għax kien żeluż, jew għajjur, għal isem Missieru u għall-qima pura. Meta ra b’liema modi isem Alla kien ġie mmaqdar u mkażbar, hu bix-xieraq kien żeluż, jew għajjur, u ħa azzjoni biex jirranġa s-sitwazzjoni. Meta Ġesù ra n-nies umli jiġu mgħakksin u sfruttati mill-mexxejja reliġjużi, iż-żelu tiegħu qanqlu biex iġib serħan lin-nies, kif ukoll biex jistqarr denunzji qawwijin kontra l-mexxejja reliġjużi li kienu jgħakksuhom.—Mt. 9:36; 23:2, 4, 27, 28, 33.
Kun Żeluż għall-Qima Vera
12, 13. Il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu llum x’għamlu rigward (a) l-isem t’Alla? (b) is-Saltna t’Alla?
12 Illum, l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tan-nies li jistqarru li qed jaqdu lil Alla huma simili—jekk mhux agħar—milli kienu fi żmien Ġesù. Pereżempju, ftakar li l-ewwel ħaġa li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu dwarha kienet l-isem t’Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mt. 6:9) Qegħdin aħna naraw lill-mexxejja reliġjużi, speċjalment il-kleru tal-Kristjaneżmu, jgħallmu lin-nies ikunu jafu lil Alla b’ismu u jqaddsu jew jonoraw dan l-isem? Għall-kuntrarju, dawn irrappreżentaw ħażin lil Alla permezz tat-tagħlim falz bħalma huma t-Trinità, l-immortalità tar-ruħ tal-bniedem, u n-nar tal-infern, u jagħmlu lil Alla jidher misterjuż, diffiċli biex wieħed jifhmu, kattiv, u saħansitra sadistiku. Huma ġabu wkoll tmaqdir fuq Alla minħabba l-iskandli u l-ipokrisija tagħhom. (Aqra Rumani 2:21-24.) Iktar minn hekk, dawn għamlu minn kollox biex jaħbu l-isem persunali t’Alla, u saħansitra neħħewh mit-traduzzjonijiet tagħhom tal-Bibbja. B’hekk, huma jżommu lin-nies lura milli jersqu qrib lejn Alla u milli jikkultivaw relazzjoni persunali miegħu.—Ġak. 4:7, 8.
13 Ġesù għallem ukoll lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għas-Saltna t’Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mt. 6:10) Għalkemm il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu spiss jirripetu din it-talba, huma ħeġġew lin-nies biex jappoġġaw xi istituzzjonijiet politiċi u istituzzjonijiet oħrajn tal-bniedem. Iktar minn hekk, dawn jiddisprezzaw lil dawk li jistinkaw biex jippritkaw u jagħtu xhieda dwar is-Saltna. Dan wassal biex is-Saltna t’Alla m’għadhiex tissemma fost il-ħafna nies li jistqarru li huma Kristjani, aħseb u ara kemm għandhom fidi fiha.
14. Il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu kif ċekknu l-importanza tal-Kelma t’Alla?
14 F’talba lil Alla, Ġesù stqarr b’mod ċar: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġw. 17:17) U qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù indika li hu kien se jaħtar lill-“ilsir leali u għaqli” biex jipprovdi l-ikel spiritwali għan-nies tiegħu. (Mt. 24:45) Il-membri tal-kleru tal-Kristjaneżmu huma ħfief biex jistqarru li jgħallmu l-Kelma t’Alla. Imma qegħdin huma jagħmluh b’lealtà x-xogħol li s-Sid fdalhom f’idejhom? Le. Huma għandhom ħabta jgħidu li dak li hemm fil-Bibbja hu ħrafa. Minflok ma jitimgħu lill-merħla tagħhom b’ikel spiritwali, u b’hekk joffrulhom faraġ u tidwil, il-membri tal-kleru jgħarrxu widnejn il-kredenti billi jgħallmu l-filosofija tal-bnedmin. Iktar minn hekk, huma ċekknu l-importanza tal-livelli morali t’Alla sabiex jagħmlu l-wisaʼ għall-hekk imsejħa moralità ġdida.—2 Tim. 4:3, 4.
15. Kif tħossok dwar kulma għamlu l-membri tal-kleru f’isem Alla?
15 Minħabba dak kollu li sar—li mingħalihom sar f’isem l-Alla tal-Bibbja—ħafna wħud sinċieri ddiżappuntaw ruħhom jew tilfu l-fidi tagħhom għalkollox f’Alla u fil-Bibbja. Huma sfaw vittmi taʼ Satana u tas-sistema mill-agħar tiegħu. Kif tħossok meta tara u tismaʼ affarijiet bħal dawn jiġru jum wara l-ieħor? Bħala qaddej taʼ Ġeħova, meta tara t-tmaqdir u t-tkażbir li ġie mitfugħ fuq isem Alla, ma tħossokx imqanqal biex tagħmel l-almu tiegħek ħalli tirranġa din il-ħsara? Meta tara nies sinċieri u taʼ qalb onesta jiġu mqarrqin u sfruttati, tħossok imqanqal biex tfarraġ lill-uħud mgħakksin? Meta Ġesù ra lin-nies taʼ żmienu jiġu “maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj,” hu mhux biss tħassarhom imma “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Mt. 9:36; Mk. 6:34) Aħna għandna għal xiex inkunu żelużi għall-qima vera, bħalma kien Ġesù.
16, 17. (a) X’għandu jqanqalna nistinkaw kemm nifilħu fil-ministeru? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
16 Meta nkunu żelużi fil-ministeru tagħna, il-kliem tal-appostlu Pawlu li nsibu fl-1 Timotju 2:3, 4 jkollu tifsir speċjali. (Aqra.) Aħna naħdmu iebes fil-ministeru mhux biss għaliex nafu li qed ngħixu fl-aħħar jiem iżda wkoll għax nirrealizzaw li hija r-rieda t’Alla. Hu jrid li n-nies jiksbu għarfien tal-verità sabiex anki huma jkunu jistgħu jitgħallmu jqimuh u jaqduh u jkunu mberkin. Primarjament, aħna niġu mqanqlin biex nistinkaw kemm nifilħu fil-ministeru, mhux għax iż-żmien qed jagħfas, iżda għax irridu nonoraw l-isem t’Alla u ngħinu lin-nies isiru jafu x’inhi r-rieda tiegħu. Aħna żelużi għall-qima vera.—1 Tim. 4:16.
17 Bħala l-poplu taʼ Ġeħova, aħna ġejna mberkin bl-għarfien tal-verità dwar l-iskop t’Alla għall-bnedmin u għall-art. Aħna għandna l-mezzi biex ngħinu lin-nies jiksbu l-ferħ u tama ċerta għall-futur. Nistgħu nuruhom kif ikunu protetti meta tiġi l-qerda fuq is-sistema taʼ Satana. (2 Tess. 1:7-9) Minflok ma nħossuna frustrati jew skuraġġiti għax il-jum taʼ Ġeħova jkun donnu qed idum ma jiġi, għandna nkunu kuntenti li għad hemm iċ-ċans li nkunu żelużi għall-qima vera. (Mik. 7:7; Ħab. 2:3) Kif jistaʼ jkollna żelu bħal dan? Dan se nikkunsidrawh fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
• X’qanqal lil Ġesù biex jaħdem bla heda matul il-ministeru tiegħu?
• Xi tfisser il-kelma “żelu” kif użata fil-Bibbja?
• X’naraw illum li għandu jqanqalna nkunu żelużi għall-qima vera?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 8]
Ġesù ffoka fuq li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru u juri mħabba lejn ħutu l-bnedmin
[Stampa f’paġna 10]
Aħna għandna għal xiex inkunu żelużi għall-qima vera