Qatt Mhu Tard Wisq Biex Taqdi ’l Alla
Qatt Mhu Tard Wisq Biex Taqdi ’l Alla
F’Málaga, fin-Nofsinhar taʼ Spanja, omm u bintha, li t-tnejn li huma jisimhom Ana, tgħammdu fid-19 taʼ Diċembru, 2009. Huma kienu fost l-2,352 ruħ li tgħammdu fi Spanja matul l-2009. Iżda kien hemm xi ħaġa unika dwar din l-omm u din il-bint—l-etajiet tagħhom. L-omm kellha 107 snin u l-bint kellha 83 sena!
X’wassalhom biex jitgħammdu b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova? Kmieni fis-snin 70, waħda mill-ġirien li kienet Xhud kienet tistieden lil Ana l-bint sabiex tattendi l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni li kien jinżamm fid-dar taʼ din ix-Xhud. Kultant, Ana kienet tattendi. Madankollu, minħabba x-xogħol sekulari tagħha, Ana ma komplietx tagħmel progress.
Madwar għaxar snin wara, xi wħud mit-tfal taʼ Ana bdew jistudjaw il-Bibbja u maż-żmien saru qaddejja taʼ Ġeħova. Sa fl-aħħar, waħda minnhom, li kien jisimha Mari Carmen, reġgħet kebbset l-imħabba li ommha kellha għall-verità tal-Bibbja u għenitha taċċetta studju tal-Bibbja. Imbagħad, in-nanna taʼ Mari Carmen, li tiġi Ana l-kbira, ukoll bdiet turi interess fil-Bibbja. Maż-żmien, għaxar membri minn din il-familja tgħammdu.
Dakinhar li tgħammdu, kemm Ana l-omm u kemm Ana l-bint, kienu se jtiru bil-ferħ. Ana l-omm, li kellha 107 snin qalet: “Ġeħova kien twajjeb ħafna miegħi għax ħallieni nsir nafu.” Bintha żiedet tgħid: “Qabel tiġi l-Ġenna tal-art irrid naqdi lil Ġeħova billi nagħmel ir-rieda tiegħu u nxandar kemm niflaħ l-aħbar tajba.”
L-attendenza għal-laqgħat iġġib ferħ speċjali lil dawn iż-żewġ romol. Wieħed mill-anzjani fil-kongregazzjoni tagħhom jgħid hekk dwarhom: “Lanqas qatt ma jitilfu laqgħa. Huma dejjem lesti jipparteċipaw bil-kummenti tagħhom waqt l-Istudju tat-Torri tal-Għassa.”
L-eżempju taʼ lealtà tagħhom ifakkarna f’armla li kien jisimha Anna. Din “qatt ma kienet tonqos mit-tempju biex tagħti servizz sagru lejl u nhar bis-sawm u bit-talb.” Dan wassal biex ikollha l-privileġġ li tara lit-tifel ċkejken, Ġesù. (Lq. 2:36-38) Fl-età taʼ 84 sena, Anna ma kinitx xiħa wisq biex taqdi lil Ġeħova, u lanqas ma huma xjuħ wisq iż-żewġ nisa li jisimhom Ana.
Għandek xi qraba li huma lesti li jisimgħu l-messaġġ tal-Bibbja? Jew iltqajt maʼ xi ħadd anzjan li wera interess u li kien lest li jisimgħek meta żortu d-dar? Uħud bħal dawn jistgħu jkunu bħaż-żewġ nisa li jisimhom Ana li ssemmew f’din l-esperjenza, għax qatt mhu tard wisq biex tibda taqdi lil Alla l-veru, Ġeħova.
[Kumment f’paġna 25]
“Ġeħova kien twajjeb ħafna miegħi”
[Kumment f’paġna 25]
“Qabel tiġi l-Ġenna tal-art irrid naqdi lil Ġeħova”