Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħu Vantaġġ Sħiħ mill-Fatt li M’Intix Miżżewweġ

Ħu Vantaġġ Sħiħ mill-Fatt li M’Intix Miżżewweġ

“Min jistaʼ, ħa jagħmel il-​wisaʼ għal dan.”—MT. 19:12.

1, 2. (a) Ġesù, Pawlu, u oħrajn kif ħarsu lejn il-​fatt li wieħed ma jkunx miżżewweġ? (b) Xi wħud għala forsi ma jħarsux lejn il-​fatt li wieħed ma jkunx miżżewweġ bħala għotja?

 MINGĦAJR ebda dubju, iż-​żwieġ hu wieħed mill-​iktar għotjiet prezzjużi li Alla ta lill-​umanità. (Prov. 19:14) Madankollu, ħafna Kristjani li mhumiex miżżewġin ukoll igawdu ħajja interessanti u sodisfaċenti. Harold, ħu li għandu 95 sena u li qatt ma żżewweġ, jgħid: “Għalkemm nieħu pjaċir inkun m’oħrajn u nuri l-​ospitalità, meta nkun waħdi qatt ma nħoss solitudni. Naħseb li veru tistaʼ tgħid li għandi l-​għotja taʼ li ma nkunx miżżewweġ.”

2 Tabilħaqq, kemm Ġesù Kristu kif ukoll l-​appostlu Pawlu rreferew għall-​fatt li ma tkunx miżżewweġ bħala għotja mingħand Alla, l-​istess bħaż-​żwieġ. (Aqra Mattew 19:11, 12; l-1 Korintin 7:7.) Madankollu, huwa minnu li mhux kull min ma żżewwiġx għażel li jgħix ħajtu hekk. Xi kultant, iċ-​ċirkustanzi jagħmluha diffiċli li ssib sieħeb jew sieħba adattata. Jew uħud li jkunu ilhom xi snin miżżewġin, bla mistenni jsibu ruħhom waħedhom minħabba d-​divorzju jew il-​mewt tas-​sieħeb jew is-​sieħba. Mela, f’liema sens hija għotja li ma tkunx miżżewweġ? U xi Kristjani kif jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-​fatt li mhumiex miżżewġin?

Għotja Unika

3. Liema vantaġġi spiss igawdu l-​Kristjani li mhumiex miżżewġin?

3 Individwu li ma jkunx miżżewweġ spiss ikollu iktar ħin u iżjed libertà persunali milli jkollu individwu miżżewweġ. (1 Kor. 7:32-​35) Dawn huma vantaġġi uniċi li jistgħu jagħmluha possibbli li dak li jkun ikabbar il-​ministeru tiegħu, ikattar imħabbtu għal oħrajn, u jersaq eqreb taʼ Ġeħova. Għalhekk, għadd taʼ Kristjani saru japprezzaw il-​benefiċċji li jiġu meta ma jiżżewġux u għażlu li ‘jagħmlu l-​wisaʼ għal dan,’ għall-​inqas għal xi żmien. Oħrajn forsi għall-​ewwel ma ppjanawx li ma jkunux miżżewġin, imma meta nbidlulhom iċ-​ċirkustanzi huma mmeditaw bit-​talb fuq is-​sitwazzjoni tagħhom u fehmu li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova huma wkoll setgħu jkunu kuntenti f’qalbhom. B’hekk, aċċettaw iċ-​ċirkustanzi ġodda tagħhom u għamlu l-​wisaʼ għal li ma jkunux miżżewġin.—1 Kor. 7:37, 38.

4. Kristjani mhux miżżewġin għala jistgħu jħossuhom kompluti fis-​servizz t’Alla?

4 Kristjani mhux miżżewġin jafu li m’għandhomx għalfejn jiżżewġu biex ikunu rispettati jew apprezzati minn Ġeħova jew mill-​organizzazzjoni tiegħu. L-​imħabba t’Alla tilħaq lil kull wieħed u waħda minna bħala individwi. (Mt. 10:29-​31) Ħadd u xejn ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla. (Rum. 8:38, 39) Kemm jekk miżżewġin u kemm jekk le, għandna kull raġun li nħossuna kompluti fis-​servizz t’Alla.

5. X’hemm bżonn nagħmlu biex niksbu l-​benefiċċji kollha li jiġu mill-​fatt li ma tkunx miżżewweġ?

5 Xorta waħda, l-​istess bħalma hu fil-​każ t’għotjiet bħal talenti mużikali jew atletiċi, jeħtieġ sforz biex tagħmel l-​aħjar użu mill-​għotja taʼ li ma tkunx miżżewweġ. Allura, il-​Kristjani llum li ma jkunux miżżewġin—kemm jekk irġiel jew nisa, żgħar jew kbar, mhux miżżewġin għax hekk iridu jew minħabba ċ-​ċirkustanzi—kif jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mis-​sitwazzjoni tagħhom fil-​ħajja? Ejja nikkunsidraw xi eżempji inkuraġġanti mill-​kongregazzjoni Kristjana tal-​bidu u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

Mhux Miżżewġin fiż-​Żgħożija

6, 7. (a) Il-​bniet verġni taʼ Filippu liema privileġġ kellhom fis-​servizz t’Alla? (b) Timotju b’liema modi uża sew is-​snin li fihom ma kienx miżżewweġ, u kif ġie mbierek talli kien lest li jaqdi f’żgħożitu?

6 L-​evanġelizzatur Filippu kellu erbat ibniet verġni li kellhom l-​istess żelu li wera missierhom għall-​evanġelizzar. (Atti 21:8, 9) L-​ipprofetizzar kien fost l-​għotjiet mirakolużi tal-​ispirtu qaddis, u dawn it-​tfajliet użaw din l-​għotja bi twettiq taʼ Ġoel 2:28, 29.

7 Timotju kien żagħżugħ li uża sew il-​fatt li ma kienx miżżewweġ. Minn mindu kien tarbija ġie mgħallem “il-​kitba qaddisa” minn ommu Ewniċe u nanntu Lojs. (2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Imma probabbli saru Kristjani fl-​ewwel żjara taʼ Pawlu f’Listra, il-​belt fejn kienu jgħixu, madwar is-​sena 47 E.K. Sentejn wara, meta Pawlu żar Listra għat-​tieni darba, Timotju kellu madwar 20 sena. Minkejja li kien għadu xi ftit jew wisq żgħir fl-​età u ġdid fil-​verità, l-​anzjani Kristjani f’Listra u fir-​raħal t’Ikonju, li kien fil-​viċin, ‘tkellmu tajjeb dwaru’. (Atti 16:1, 2) Allura Pawlu stieden lil Timotju biex jingħaqad miegħu bħala s-​sieħeb li jivvjaġġa miegħu. (1 Tim. 1:18; 4:14) Ma nistgħux ngħidu b’mod ċert li Timotju qatt ma żżewweġ. Imma nafu fiż-​żgur li bħala raġel żagħżugħ minn qalbu aċċetta l-​istedina taʼ Pawlu, u għal ħafna snin wara ħa pjaċir jaqdi bħala missjunarju u indokratur mhux miżżewweġ.—Flp. 2:20-​22.

8. X’għen lil Ġwanni Marku biex jirsisti għal miri spiritwali, u x’barkiet kellu minħabba li għamel dan?

8 F’żgħożitu, Ġwanni Marku wkoll ħa vantaġġ mis-​snin li ma kienx miżżewweġ. Hu u ommu, Marija, kif ukoll kuġinuh Barnaba kienu wħud mill-​ewwel membri tal-​kongregazzjoni f’Ġerusalemm. Jistaʼ jkun li l-​familja taʼ Marku għexu ħajja komda, peress li kellhom id-​dar tagħhom fil-​belt u kellhom qaddejja. (Atti 12:12, 13) Madankollu, minkejja dawn il-​vantaġġi, Marku ma kienx egoist jew moħħu fih innifsu, anki meta kien raġel żagħżugħ; lanqas ma kien kuntent li jissetilja u jgħix ħajja tal-​familja komda. Is-​sħubija li gawda mal-​appostli meta kien żgħir x’aktarx li nisslet fih xewqa li jieħu sehem fix-​xogħol missjunarju. Għalhekk, bil-​ħeġġa ngħaqad maʼ Pawlu u Barnaba biex jgħinhom fl-​ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom. (Atti 13:5) Iktar tard, hu vvjaġġa maʼ Barnaba, u jerġaʼ wara dan, qeda maʼ Pietru f’Babilonja. (Atti 15:39; 1 Pt. 5:13) Ma nafux kemm dam ġuvni Marku. Imma hu kiseb reputazzjoni mill-​aqwa bħala xi ħadd li kien lest li jaqdi lil oħrajn u jżid fis-​servizz tiegħu lejn Alla.

9, 10. X’opportunitajiet hemm illum biex Kristjani li għadhom żgħar u mhumiex miżżewġin ikabbru l-​ministeru tagħhom? Agħti eżempju.

9 Ukoll, illum, ħafna żgħażagħ fil-​kongregazzjoni minn qalbhom jużaw is-​snin taʼ meta ma jkunux miżżewġin biex ikabbru s-​sehem tagħhom fis-​servizz t’Alla. Bħal Marku u Timotju, huma jifhmu li l-​fatt li mhumiex miżżewġin jagħtihom il-​wisaʼ li ‘jaqdu lill-​Mulej il-​ħin kollu u mingħajr distrazzjoni.’ (1 Kor. 7:35) Dan hu tassew taʼ vantaġġ. Hemm ħafna opportunitajiet biex dawk li ma jiżżewġux jaqdu lil Ġeħova—jistgħu jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ pijunier, jaqdu fejn hemm ħtieġa akbar għal predikaturi tas-​Saltna, jitgħallmu lingwa barranija, jgħinu fil-​bini tas-​Swali tas-​Saltna jew tal-​fergħat, jattendu l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, u jaqdu f’Betel. Jekk għadek żgħir u m’intix miżżewweġ, qed tieħu vantaġġ sħiħ mill-​opportunitajiet li għandek?

10 Ħu, li jismu Mark, beda jaqdi bħala pijunier qabel ma kellu 20 sena, attenda l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, u qeda f’diversi inkarigi madwar id-​dinja. Meta jħares lura lejn il-​25 sena li qattaʼ fis-​servizz full-​time, hu jgħid: “Ipprovajt inqattaʼ l-​ħin maʼ kulħadd fil-​kongregazzjoni, nieħu sehem fil-​ministeru magħhom, nagħmlilhom żjajjar pastorali, nistidinhom f’dari għal xi ikla, u anki llaqqagħhom għal rikreazzjoni bil-​ħsieb li nibnu ’l xulxin spiritwalment. Dawn l-​affarijiet kollha ferrħuni bil-​kbir.” Bħalma juru l-​kummenti taʼ Mark, l-​akbar ferħ fil-​ħajja jiġi milli nagħtu u ħajja mimlija fis-​servizz sagru toffri ħafna opportunitajiet biex nagħtu lil oħrajn. (Atti 20:35) Għaż-​żgħażagħ tal-​lum, huma x’inhuma l-​interessi persunali u l-​abbiltajiet tagħhom, u għandhom kemm għandhom esperjenza fil-​ħajja, hemm ħafna x’jagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.—1 Kor. 15:58.

11. X’inhuma xi benefiċċji li jiġu meta dak li jkun ma jgħaġġilx biex jiżżewweġ?

11 Għalkemm il-​maġġuranza taż-​żgħażagħ jixtiequ jiżżewġu xi darba jew oħra, hemm raġunijiet tajbin għala m’għandhomx jgħaġġlu biex jiżżewġu. Pawlu jħeġġeġ liż-​żgħażagħ biex għall-​inqas jistennew sakemm ikunu għaddew “il-​fjur taż-​żgħożija,” meta x-​xewqat sesswali jkunu l-​iktar b’saħħithom. (1 Kor. 7:36) Trid iż-​żmien biex tibda tifhem lilek innifsek u tikseb l-​esperjenza tal-​ħajja li għandek bżonn biex tagħżel sieħeb jew sieħba adattata. Li wieħed jagħmel il-​wegħda taż-​żwieġ hi deċiżjoni serja, waħda li għandha tgħodd għall-​ħajja kollha.—Ekk. 5:2-​5.

Mhux Miżżewġin Iktar Tard fil-​Ħajja

12. (a) L-​armla Anna kif kampat maċ-​ċirkustanzi ġodda tagħha? (b) Xi privileġġ kellha?

12 Anna, li hi msemmija fl-​Evanġelju taʼ Luqa, wisq probabbli kienet imnikkta ferm meta r-​raġel tagħha miet ħabta u sabta wara li kienu ilhom miżżewġin sebaʼ snin biss. Ma nafux jekk kellhomx xi tfal jew jekk qatt ħasbet dwar li terġaʼ tiżżewweġ. Imma l-​Bibbja tgħid li t’84 sena Anna kienet għadha armla. Minn dak li tgħid il-​Bibbja nistgħu nikkonkludu li Anna użat iċ-​ċirkustanzi ġodda tagħha biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. Hi “qatt ma kienet tonqos mit-​tempju biex tagħti servizz sagru lejl u nhar bis-​sawm u bit-​talb.” (Lq. 2:36, 37) Għalhekk, l-​affarijiet spiritwali kellhom l-​ewwel post f’ħajjitha. Dan tassew kien jeħtieġ determinazzjoni u sforz, imma ġiet premjata bil-​kbir. Kellha l-​privileġġ li tara lit-​tifel ċkejken Ġesù u hi tat xhieda lil oħrajn dwar il-​ħelsien li dan il-​Messija dalwaqt kien se jġib.—Lq. 2:38.

13. (a) X’juri li Dorka kellha sehem attiv fil-​kongregazzjoni? (b) Dorka kif ġiet premjata għat-​tjubija u l-​qalb tajba tagħha?

13 Mara jisimha Dorka, jew Tabita, kienet tgħix f’Ġaffa, port antik fil-​Majjistral taʼ Ġerusalemm. Ladarba l-​Bibbja ma ssemmix li kellha raġel, x’aktarx li ma kinitx miżżewġa f’dak iż-​żmien. Dorka “kienet tagħmel ħafna għemejjel tajbin u tagħti ħafna għotjiet taʼ ħniena.” Milli jidher kienet tagħmel ħafna lbiesi għar-​romol li kienu fil-​bżonn u għal oħrajn, u ħabbewha ħafna għal dan. Għalhekk, meta f’daqqa waħda mardet u mietet, il-​kongregazzjoni kollha bagħtu għal Pietru biex jitolbuh bil-​ħrara ħalli jirxoxta lil din l-​oħt għażiża. Meta l-​irxoxt tagħha sar magħruf maʼ Ġaffa kollha, ħafna saru jemmnu. (Atti 9:36-​42) Permezz tal-​qalb tajba tagħha liema bħalha, Dorka nfisha forsi ħadet sehem f’li tgħin lil xi wħud minnhom.

14. Xi jqanqal lil Kristjani mhux miżżewġin biex jersqu eqreb lejn Ġeħova?

14 Bħal Anna u Dorka, ħafna fil-​kongregazzjonijiet illum isibu iżjed tard fil-​ħajja li mhumiex miżżewġin. Uħud forsi ma sabux sieħeb jew sieħba adattata. Oħrajn iddivorzjaw jew romlu. Peress li Kristjani mhux miżżewġin ma jkollhomx sieħeb jew sieħba biex jiftħu qalbhom magħha, huma spiss jitgħallmu jistrieħu iktar fuq Ġeħova. (Prov. 16:3) Silvia, oħt mhix miżżewġa li ilha taqdi f’Betel għal iktar minn 38 sena, tara dan bħala barka. “Xi kultant negħja nkun il-​waħda b’saħħitha,” tammetti hi. “Ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Min se jħeġġeġ lili?’” Imma mbagħad iżżid tgħid: “Li nafda li Ġeħova jaf aħjar minni x’neħtieġ, iressaqni eqreb lejh. U dejjem nirċievi l-​inkuraġġiment li jkolli bżonn, xi kultant minn sorsi li ma nkunx qed nistenna.” Kull meta nersqu eqreb lejn Ġeħova, hu dejjem iwieġeb bl-​iktar mod teneru u li jiżgurana.

15. Kristjani li mhumiex miżżewġin kif jistgħu ‘jitwessgħu’ fi mħabbithom?

15 Il-​fatt li ma tkunx miżżewweġ jagħtik opportunità speċjali li ‘titwessaʼ’ fl-​imħabba. (Aqra t-2 Korintin 6:11-​13.) Jolene, oħt mhix miżżewġa li qattgħet l-​aħħar 34 sena fis-​servizz full-​time, tgħid: “Ipprovajt naħdem iebes biex nibni relazzjonijiet mill-​qrib, mhux biss maʼ nies tampari, imma wkoll maʼ kull xorta taʼ nies. Il-​fatt li ma tkunx miżżewġa tassew hu opportunità li tagħti minnek innifsek lil Ġeħova, lil familtek, lill-​aħwa, kif ukoll lill-​ġirien tiegħek. Iktar ma nikber iktar insir ferħana għax m’iniex miżżewġa.” Uħud li huma mdaħħlin fiż-​żmien, il-​morda, il-​ġenituri waħedhom, iż-​żgħażagħ, u oħrajn fil-​kongregazzjoni żgur li japprezzaw l-​appoġġ bla egoiżmu li jipprovdulhom dawk li mhumiex miżżewġin. Tabilħaqq, kull meta nuru l-​imħabba lejn oħrajn, inħossuna aħjar dwarna nfusna. Tistaʼ int ukoll ‘titwessaʼ’ fi mħabbtek għall-​oħrajn?

Jagħżlu li Ma Jiżżewġux Għal Ħajjithom Kollha

16. (a) Ġesù għala għażel li ma jiżżewwiġx għal ħajtu? (b) Pawlu kif uża b’għaqal il-​fatt li ma kienx miżżewweġ?

16 Ġesù ma żżewwiġx; kellu jipprepara għall-​ministeru li ġie inkarigat lilu u jwettqu. Hu vvjaġġa ħafna, ħadem minn kmieni filgħodu sa tard filgħaxija, u fl-​aħħar mill-​aħħar ta ħajtu bħala sagrifiċċju. Fil-​każ tiegħu, kien taʼ vantaġġ li ma jiżżewwiġx. L-​appostlu Pawlu vvjaġġa eluf taʼ kilometri u ffaċċja ħafna tbatijiet fil-​ministeru. (2 Kor. 11:23-​27) Għalkemm qabel forsi kien miżżewweġ, Pawlu għażel li jibqaʼ mhux miżżewweġ wara li ġie inkarigat bħala appostlu. (1 Kor. 7:7; 9:5) Minħabba l-​ministeru, kemm Ġesù kif ukoll Pawlu inkuraġġew lil oħrajn biex fejn hu possibbli jimitaw l-​eżempju tagħhom. Madankollu, l-​ebda wieħed minnhom ma qal li ċ-​ċelibat huwa ħtieġa għall-​ministri.—1 Tim. 4:1-​3.

17. Xi wħud illum kif segwew l-​eżempju taʼ Ġesù u Pawlu, u għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova japprezza ’l dawk li jagħmlu sagrifiċċji bħal dawn?

17 Illum, bl-​istess mod, xi wħud għażlu minn jeddhom li jibqgħu ma jiżżewġux ħalli jkunu jistgħu jwettqu aħjar il-​ministeru tagħhom. Harold, li ssemma qabel, gawda iktar minn 56 sena fis-​servizz f’Betel. Hu jgħid: “Fl-​ewwel għaxar snin li qdejt f’Betel rajt ħafna koppji miżżewġin jitilqu minħabba l-​mard jew minħabba l-​bżonn li jieħdu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien. Il-​ġenituri tiegħi kienu t-​tnejn mejtin. Imma tant kont inħobb Betel li ma ridtx inpoġġi l-​privileġġ tiegħi f’periklu billi niżżewweġ.” Bl-​istess mod, snin ilu, Margaret, li kienet ilha pijuniera, qalet: “Kien hemm opportunitajiet f’ħajti biex niżżewweġ, imma tant kont medhija bl-​aspetti interessanti u differenti tas-​servizz taʼ pijunier li qisu qatt ma kelli l-​ħin għaż-​żwieġ. Minflok, stajt nuża l-​libertà miżjuda bħala persuna mhix miżżewġa biex ikolli ħafna x’nagħmel fil-​ministeru, u dan ġabli ħafna ferħ.” Żgur li Ġeħova qatt mhu se jinsa ’l dawk li jagħmlu sagrifiċċji bħal dawn bla egoiżmu għall-​qima vera.—Aqra Isaija 56:4, 5.

Ħu Vantaġġ Sħiħ miċ-​Ċirkustanzi Tiegħek

18. Ħaddieħor kif jistaʼ jinkuraġġixxi u jappoġġa l-​Kristjani mhux miżżewġin?

18 Il-​Kristjani kollha li mhumiex miżżewġin u li qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova jistħoqqilhom it-​tifħir u l-​inkuraġġiment ġenwin tagħna. Aħna nħobbuhom bħala individwi u għall-​kwalitajiet mill-​isbaħ tagħhom, u grati għal dak kollu li jagħmlu fil-​kongregazzjoni. Qatt m’għandhom għalfejn iħossu s-​solitudni jekk aħna verament insiru “aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal” spiritwali għalihom.—Aqra Marku 10:28-​30.

19. X’tistaʼ tagħmel biex tieħu vantaġġ sħiħ mill-​fatt li m’intix miżżewweġ?

19 Kemm jekk m’intix miżżewweġ għax hekk trid u kemm jekk minħabba ċ-​ċirkustanzi, jalla dawn l-​eżempji Skritturali u moderni jassigurawk li tistaʼ tgħix ħajja hienja u produttiva. Xi għotjiet tistenniehom bil-​ħerqa, waqt li oħrajn jissorprenduk. Ftit minnhom jiġu apprezzati mill-​ewwel, waqt li oħrajn jitqiesu bħala taʼ valur mal-​medda taż-​żmien. Mela, ħafna jiddependi mill-​attitudni li jkollna. X’tistaʼ tagħmel biex tieħu vantaġġ sħiħ mill-​fatt li m’intix miżżewweġ? Ersaq eqreb lejn Ġeħova, ara li jkollok ħafna x’tagħmel fis-​servizz t’Alla, u kabbar imħabbtek għal oħrajn. Bħaż-​żwieġ, il-​fatt li ma tkunx miżżewweġ jistaʼ jġib miegħu barkiet meta nqisuh mill-​ħarsa t’Alla u nużaw din l-​għotja bl-​iktar mod għaqli.

Tiftakar Int?

• Il-​fatt li ma tkunx miżżewweġ b’liema modi hu għotja?

• Il-​fatt li ma tkunx miżżewweġ fiż-​żgħożija kif jistaʼ jkun barka?

• Il-​Kristjani mhux miżżewġin x’opportunitajiet għandhom biex jersqu eqreb lejn Ġeħova u jkabbru mħabbithom lejn oħrajn?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 18]

Qed tieħu vantaġġ sħiħ mill-​opportunitajiet li għandek fis-​servizz t’Alla?