Ara l-Isem fil-Wied
ST. MORITZ. Ġieli smajtu dan l-isem? Jistaʼ jkun, għax dan hu post magħruf madwar id-dinja fejn in-nies imorru għall-vaganzi fil-Wied Engadine, l-Isvizzera. Imma St. Moritz hu biss post wieħed li ilu ħafna snin jiġbed lin-nies lejn dan il-wied mill-isbaħ u li jinsab qalb l-Alpi bil-qċaċet tas-silġ fix-Xlokk tal-Isvizzera ħdejn il-fruntiera Taljana. F’dan il-post hemm ukoll il-Park Nazzjonali tal-Isvizzera, fejn is-sbuħija naturali u l-varjetà kbira taʼ pjanti u annimali tal-inħawi jagħtu tifħir lill-Ħallieq Grandjuż tagħna, Ġeħova. (Salm 148:7-10) Imma Ġeħova jiġi mfaħħar ukoll permezz taʼ fdal taʼ tradizzjoni li tmur lura għal nofs is-seklu sbatax.
Fuq ħafna djar f’dan il-wied hemm dettall mhux tas-soltu li x’aktarx jiġbidlek l-attenzjoni. Wieħed għadu jistaʼ jsib l-isem t’Alla miktub fuq il-faċċata tad-djar, bħal fuq il-bieb
prinċipali. Sekli ilu, kien hemm it-tradizzjoni li l-faċċati tad-djar jiżżejnu bil-kitba, kemm jekk impinġija fil-wiċċ, migrufa fil-kisi tal-ħitan, jew imnaqqxa fil-ġebel. Hawnhekk tara stampa taʼ dar fir-raħal taʼ Bever. It-traduzzjoni tal-kitba hi: “Mibnija fis-sena 1715. Ġeħova hu l-bidu, u Ġeħova hu t-tmiem. Kollox jistaʼ jsir permezz t’Alla, u xejn ma jistaʼ jsir mingħajru.” Iva, din it-tabella antika fiha l-isem persunali t’Alla darbtejn.Tistaʼ tara kitba saħansitra iktar antika fir-raħal taʼ Madulain. Din it-tabella tgħid: “Salm 127. Jekk Ġeħova nnifsu ma jibnix id-dar, għalxejn ikunu ħadmu iebes fuqha l-bennejja. Lucius Rumedius. Mibnija fis-sena 1654.”
Għala ssib l-isem divin miktub b’dan il-mod fil-wied? Lura fl-era tar-Riforma, il-Bibbja kienet pubblikata bir-Romanċ, lingwa bbażata fuq il-Latin u mitkellma f’Engadine. Fil-fatt, il-Bibbja kienet l-ewwel ktieb tradott b’din il-lingwa. Imqanqlin minn dak li qraw fil-Kelma t’Alla, ħafna nies tal-lokal kitbu fuq il-faċċati taʼ djarhom kemm isimhom u kemm kwotazzjonijiet mill-Bibbja li jinkludu l-isem persunali t’Alla.
Iva, sal-lum il-ġurnata, dawn il-kitbiet għadhom qed iħabbru isem Ġeħova u jfaħħruh, sekli wara li nkitbu fuq id-djar għall-ewwel darba. Kemm min iżur dan il-wied kif ukoll ir-residenti huma mistidnin jitgħallmu iktar dwar l-Alla meraviljuż, Ġeħova, billi jżuru bini ieħor li għandu ismu fuqu—is-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’Bever.
[Sors tal-istampa f’paġna 7]
© Stähli Rolf A/age fotostock