Ibqaʼ Aħseb fuq Dak li Ġeħova Għamel Għalik
FTIT wara li Ġesù kien irxoxtat, tnejn mid-dixxipli tiegħu kienu mexjin minn Ġerusalemm għal Għemmaws. Ir-rakkont tal-Evanġelju taʼ Luqa jgħid: “Huma u jitkellmu u jiddiskutu, Ġesù nnifsu resaq lejhom u beda miexi magħhom; imma għajnejhom kienu miżmumin biex ma jagħrfuhx.” Imbagħad Ġesù qalilhom: “‘Fuqiex qed tiddiskutu bejnietkom intom u mexjin?ʼ U waqfu b’wiċċhom imnikket.” Għala kienu mnikktin? Id-dixxipli kellhom l-idea li Ġesù f’dak iż-żmien kellu jeħles lil Iżrael mill-ħakma tal-Ġentili, imma ħelsien bħal dan ma seħħx. Minflok, Ġesù kien ġie maqtul. Għalhekk kienu mnikktin.—Lq. 24:15-21; Atti 1:6.
Ġesù beda jirraġuna mad-dixxipli tiegħu. “Beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-Iskrittura kollha.” Tabilħaqq, ħafna ġrajjiet importanti u li jsaħħu l-fidi seħħew waqt il-ministeru taʼ Ġesù! Hekk kif id-dixxipli semgħu l-ispjegazzjoni li tahom Ġesù, huma bdew jidhru ferħanin minflok imdejqin. Iżjed tard dik il-lejla huma qalu: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?” (Lq. 24:27, 32) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu mir-reazzjoni tad-dixxipli taʼ Ġesù?
Kif Niġu Effettwati Meta Ma Sseħħx Xi Ħaġa li Nkunu Stennejna?
Iż-żewġ dixxipli li kienu sejrin lejn Għemmaws ħassewhom imnikktin għaliex il-ġrajjiet li stennew ma seħħewx. Huma esperjenzaw dak li hu mniżżel fi Proverbji 13:12: “L-istennija mtawla qed tmarrad il-qalb.” Bl-istess mod, xi wħud fostna li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal għaxriet taʼ snin ħasbu li t-“tribulazzjoni kbira” kienet se tkun laħqet ġiet u għaddiet s’issa. (Mt. 24:21; Riv. 7:14) Nistgħu nifhmu li, għalissa, stennija mhix imwettqa bħal din tistaʼ tikkaġuna niket.
Iżda, ftakar li dawk iż-żewġ dixxipli reġgħu ħassewhom ferħanin wara li Ġesù għenhom jiffokaw fuq profeziji li kienu diġà seħħew, saħansitra matul ħajjithom stess. Aħna nistgħu nibqgħu nżommu l-ferħ
ġewwieni tagħna u nkampaw maʼ sentimenti taʼ diżappunt bl-istess mod. Anzjan Kristjan tal-esperjenza jismu Michael: “Tikkonċentrax fuq dak li Ġeħova għadu m’għamilx. Minflok, ibqaʼ aħseb fuq dak li diġà għamel.” Tassew parir f’loku!Dak li Ġeħova Għamel
Ikkunsidra ftit mill-affarijiet li jispikkaw diġà mwettqin minn Ġeħova. Ġesù qal: “Min jeżerċita l-fidi fija, dan ukoll se jagħmel l-għemejjel li nagħmel jien; u se jagħmel għemejjel akbar minn dawn.” (Ġw. 14:12) Illum, il-qaddejja t’Alla qed iwettqu l-akbar xogħlijiet li qatt saru mill-Kristjani. ’Il fuq minn sebaʼ miljun persuna jħarsu ’l quddiem li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira. Immaġina, qatt qabel ma kien hemm daqshekk qaddejja leali taʼ Ġeħova attivi f’tant artijiet madwar id-dinja! Ġeħova għamel realtà l-kliem profetiku taʼ Ġesù dwar “għemejjel akbar minn dawn.”
X’għamel iżjed għalina Ġeħova? Hu għamilha possibbli għal uħud sinċieri biex joħorġu mid-dinja mill-agħar, biex ngħidu hekk, u jidħlu f’ġenna spiritwali li hu ħalaq. (2 Kor. 12:1-4) Ħu l-ħin biex tirrifletti dwar xi aspetti taʼ dik il-ġenna li diġà għandna. Pereżempju, agħti titwila lejn il-librerija persunali tiegħek jew dik tas-Sala tas-Saltna. Qalleb fil-paġni tal-Watch Tower Publications Index, jew fittex fil-Watchtower Library. Ismaʼ rekording taʼ drama tal-Bibbja. Ġib quddiem għajnejk dak li rajt u smajt f’konvenzjoni reċenti. Flimkien maʼ dan, aħseb dwar is-sħubija bnina li ngawdu maʼ ħutna l-Kristjani. Kemm kien ġeneruż Ġeħova f’li jipprovdilna ikel spiritwali bl-abbundanza u fratellanza li taf tħobb—ġenna spiritwali tassew!
Is-salmista David stqarr: “Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna.” (Salm 40:5) Iva, billi nibqgħu naħsbu fuq l-affarijiet meraviljużi li Ġeħova diġà għamel għalina u billi nirriflettu fuq kemm jaħseb dwarna bi mħabba, aħna se nsibu saħħa mġedda sabiex nissaportu lealment fis-servizz li nagħtu b’qalb sħiħa lil Missierna tas-sema, Ġeħova.—Mt. 24:13.
[Stampa f’paġna 31]
Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu jaħsbu fuq dak li Ġeħova kien diġà għamel għalihom
[Stampi f’paġna 32]
Ġib quddiem għajnejk dak li rajt u smajt f’konvenzjoni reċenti