Irrispetta ż-Żwieġ Bħala Għotja Mingħand Alla
“Huwa għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu u huma jsiru ġisem wieħed.”—ĠEN. 2:24.
1. Ġeħova għala jistħoqqlu r-rispett tagħna?
ALLA ĠEĦOVA, l-Oriġinatur taż-żwieġ, żgur li jistħoqqlu r-rispett tagħna. Bħala l-Ħallieq, is-Sovran, u l-Missier tagħna tas-sema, hu jiġi deskritt b’mod xieraq bħala d-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġak. 1:17; Riv. 4:11) Din hija turija tal-imħabba kbira tiegħu. (1 Ġw. 4:8) Kulma għallimna, kulma talab minna, kulma tana kien biss għall-benesseri u l-ġid tagħna.—Is. 48:17.
2. Ġeħova liema istruzzjonijiet tahom lill-ewwel koppja miżżewġa?
2 Il-Bibbja tippreżenta ż-żwieġ bħala waħda minn dawn l-għotjiet ‘tajbin’ mingħand Alla. (Rut 1:9; 2:12) Meta għaqqad l-ewwel żewġ persuni fiż-żwieġ, Ġeħova ta lill-ewwel koppja, Adam u Eva, istruzzjonijiet speċifiċi dwar kif jirnexxu. (Aqra Mattew 19:4-6.) Kieku segwew id-direzzjoni t’Alla, huma kienu se jgawdu hena dejjiemi. Madankollu, huma bi bluha ma tawx kas il-kmand t’Alla u batew konsegwenzi koroh ħafna.—Ġen. 3:6-13, 16-19, 23.
3, 4. (a) Ħafna llum kif qed juru nuqqas taʼ rispett kemm lejn iż-żwieġ u kemm lejn Alla Ġeħova? (b) Liema eżempji se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
3 Bħal din l-ewwel koppja, ħafna nies illum juru li bid-deċiżjonijiet li jieħdu fiż-żwieġ ftit jagħtu kas id-direzzjoni taʼ Ġeħova jew xejn affattu. Xi koppji lanqas biss jgħaddilhom minn rashom li jiżżewġu, waqt li oħrajn jadattaw iż-żwieġ għax-xewqat tagħhom stess. (Rum. 1:24-32; 2 Tim. 3:1-5) Huma jinjoraw il-fatt li ż-żwieġ hu għotja mingħand Alla, u billi juru nuqqas taʼ rispett lejn din l-għotja, huma juru nuqqas taʼ rispett ukoll lejn id-Donatur, Alla Ġeħova.
4 Kultant, anki xi wħud min-nies t’Alla ma jibqgħux iħarsu lejn iż-żwieġ bħalma jħares lejh Ġeħova. Xi koppji Kristjani jiddeċiedu li jisseparaw, jew jiddivorzjaw mingħajr ma jkollhom bażi Skritturali biex jagħmlu dan. Dan kif jistaʼ jiġi evitat? Id-direzzjoni t’Alla f’Ġenesi 2:24 kif tistaʼ tgħin lill-Kristjani miżżewġin isaħħu ż-żwieġ tagħhom? U dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu kif jistgħu jħejju għalih? Ejja neżaminaw tliet żwiġijiet li rnexxew fi żminijiet Bibliċi u li juruna kif ir-rispett lejn Ġeħova hu vitali u fundamentali biex żwieġ ikun dejjiemi.
Ikkultiva l-Lealtà
5, 6. Liema sitwazzjoni setgħet kienet taʼ prova għal Żakkarija u Eliżabetta, u l-lealtà tagħhom kif ġiet premjata?
5 Żakkarija u Eliżabetta għamlu kollox kif suppost. Huma żżewġu qaddej leali taʼ Ġeħova. Żakkarija qeda lealment id-dmirijiet tiegħu bħala qassis, u t-tnejn li huma żammew mal-Liġi t’Alla bl-aħjar mod li setgħu. Żgur li kellhom ħafna għal xiex ikunu grati. Però, kieku kellek iżżur id-dar tagħhom f’Ġuda, malajr kont tinduna li kien hemm xi ħaġa nieqsa. Ma kellhomx tfal. Eliżabetta kienet ħawlija, u issa t-tnejn li huma kienu mdaħħlin sew fiż-żmien.—Lq. 1:5-7.
6 F’Iżrael tal-qedem, kien importanti ħafna li jkollhom it-tfal, u spiss il-familji kienu kbar mhux ħażin. (1 Sam. 1:2, 6, 10; Salm 128:3, 4) Raġel Iżraeli lura f’dak iż-żmien setaʼ jaġixxi bi tradiment billi jiddivorzja lil martu jekk hi ma setax ikollha t-tfal. Però, Żakkarija baqaʼ leali lejn Eliżabetta. Hu ma pprovax isib mod faċli kif itemm iż-żwieġ, u lanqas martu m’għamlet dan. Għalkemm sewdu qalbhom għax ma kellhomx tfal, huma komplew jaqdu lil Ġeħova flimkien lealment. Maż-żmien, b’mod mirakoluż Ġeħova ppremjahom bil-kbir billi berikhom b’iben fi xjuħithom.—Lq. 1:8-14.
7. B’liema mod ieħor Eliżabetta wriet lealtà lejn żewġha?
7 Eliżabetta wriet lealtà taʼ min ifaħħarha jerġaʼ b’mod ieħor. Meta twieled binha, Ġwanni, Żakkarija ma setax jitkellem għaliex kien immuta talli ddubita dak li qal l-anġlu t’Alla. Imma Żakkarija b’xi mod żgur li rnexxielu juri lil martu li l-anġlu taʼ Ġeħova kien qallu biex isemmi lit-tifel “Ġwanni.” Il-ġirien u l-qraba riedu jsemmu lit-tifel għal missieru. Imma Eliżabetta żammet lealment mad-direzzjoni li taha żewġha. Hi qalet: “Le! Ismu jkun Ġwanni.”—Lq. 1:59-63.
8, 9. (a) Il-lealtà kif issaħħaħ żwieġ? (b) Liema huma xi modi speċifiċi kif raġel u mara miżżewġin jistgħu juru lealtà?
8 Bħal Żakkarija u Eliżabetta, il-koppji miżżewġin illum jiffaċċjaw diżappunti u sfidi oħrajn. Żwieġ mingħajr lealtà ma jirnexxix. Il-ksuħat mas-sess oppost, il-pornografija, l-adulterju, u theddid ieħor għal żwieġ tajjeb jistgħu jeqirdu għalkollox il-fiduċja fiż-żwieġ. U meta din tisfaxxa fix-xejn, l-imħabba tibda tidbiel. B’xi modi, il-lealtà hi bħal ħajt protettiv madwar id-dar tal-familja li jżomm il-viżitaturi mhux mixtiqin u t-theddid ’il barra mid-dar, u jipprovdi ammont taʼ sigurtà lil dawk li jkunu fiha. Għalhekk, meta mara u raġel miżżewġin ikunu leali lejn xulxin, huma jkunu jistgħu jgħixu flimkien fis-sigurtà, jiftħu qalbhom maʼ xulxin, u jħallu l-imħabba tagħhom tikber. Iva, il-lealtà hi vitali.
9 Ġeħova qal lil Adam: “Raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jrid jingħaqad maʼ martu.” (Ġen. 2:24) Xi jfisser dan? Ir-relazzjonijiet li kellhom qabel mal-ħbieb u l-qraba jridu jiġu aġġustati. L-imseħbin iridu l-ewwel jagħtu lil xulxin il-ħin u l-attenzjoni tagħhom. Il-ħbieb u l-qraba m’għadhomx jistgħu jieħdu l-prijorità bil-konsegwenza li l-familja ġdida tiġi traskurata; u l-koppja lanqas m’għandha tħalli l-ġenituri jindaħlu fid-deċiżjonijiet jew in-nuqqas taʼ ftehim tal-familja. Il-koppja issa trid tingħaqad flimkien. Din hi d-direzzjoni t’Alla.
10. X’jgħin lill-imseħbin fiż-żwieġ jikkultivaw il-lealtà?
10 Anki fi djar fejn mhux kulħadd għandu l-istess reliġjon, il-lealtà ġġib il-premjijiet. Oħt li r-raġel tagħha mhuwiex tal-istess twemmin tgħid: “Jien tassew grata lejn Ġeħova talli għallimni kif inkun sottomessa lejn żewġi u jkolli rispett profond lejh. Minħabba l-lealtà kellna 47 sena taʼ mħabba u rispett kontinwi.” (1 Kor. 7:10, 11; 1 Pt. 3:1, 2) Għalhekk, aħdem iebes biex is-sieħeb jew is-sieħba tiegħek tħossha fis-sigurtà. Bil-kliem u l-għemejjel tiegħek, ipprova sib modi kif taċċerta lis-sieħeb jew lis-sieħba tiegħek li għalik hu jew hi hija l-iktar persuna importanti fuq l-art. Sakemm jiddependi minnek, tħalli lil ħadd jew xejn jidħol bejnek u bejn martek jew żewġek. (Aqra Proverbji 5:15-20.) Ron u Jeanette, li ilhom ferħanin fiż-żwieġ tagħhom għal iktar minn 35 sena, jgħidu, “Minħabba li lealment nagħmlu dak li jeħtieġ Alla minna, aħna għandna żwieġ hieni u li rnexxa.”
L-Unità Ssaħħaħ iż-Żwieġ
11, 12. Akwila u Prixilla kif ikkooperaw (a) fid-dar, (b) fix-xogħol sekulari, u (ċ) fil-ministeru Kristjan?
11 Meta l-appostlu Pawlu tkellem dwar il-ħbieb tal-qalb tiegħu, Akwila u Prixilla, hu kien dejjem isemmihom it-tnejn flimkien. Din il-koppja magħquda hija eżempju tajjeb taʼ dak li ried ifisser Alla meta qal li raġel u mara għandhom isiru “ġisem wieħed.” (Ġen. 2:24) Huma kienu dejjem jaħdmu flimkien f’darhom, fix-xogħol sekulari tagħhom, u fil-ministeru Kristjan tagħhom. Pereżempju, meta Pawlu wasal Korintu għall-ewwel darba, Akwila u Prixilla stidnuh b’qalb tajba biex joqgħod f’darhom, u milli jidher wara dan darhom saret il-bażi tal-attivitajiet tiegħu għal xi żmien. Iktar tard, f’Efesu, huma użaw darhom għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u ħadmu flimkien biex jgħinu lil uħud ġodda, bħal Apollo, biex jikbru spiritwalment. (Atti 18:2, 18-26) Din il-koppja żeluża mbagħad marret Ruma, fejn għal darb’oħra fetħet darha għal-laqgħat tal-kongregazzjoni. Iktar tard, reġgħu lura Efesu biex isaħħu lill-aħwa.—Rum. 16:3-5.
12 Għal xi żmien, Akwila u Prixilla ħadmu wkoll maʼ Pawlu fis-sengħa li kellhom it-tlieta li huma, dik li jagħmlu t-tined. Għal darb’oħra nsibu l-koppja flimkien, tikkoopera mingħajr kompetizzjoni jew ġlied. (Atti 18:3) Però, żgur li kien il-ħin li qattgħu flimkien fl-attivitajiet Kristjani li żammilhom livell għoli taʼ spiritwalità fiż-żwieġ. Kemm jekk f’Korintu, f’Efesu, jew f’Ruma, huma saru magħrufin ħafna bħala ‘ħaddiema sħab fi Kristu Ġesù.’ (Rum. 16:3) Huma ħadmu spalla maʼ spalla biex imexxu ’l quddiem ix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna kull fejn qdew.
13, 14. (a) Liema sitwazzjonijiet jistgħu jkissru l-unità fiż-żwieġ? (b) Liema huma xi affarijiet li jistgħu jagħmlu l-imseħbin fiż-żwieġ biex isaħħu r-rabta tagħhom bħala “ġisem wieħed”?
13 Tabilħaqq, l-unità fil-miri u l-attivitajiet issaħħaħ iż-żwieġ. (Ekk. 4:9, 10) B’sogħba, ħafna koppji llum ftit iqattgħu ħin flimkien. Huma jaħdmu sigħat twal fix-xogħlijiet differenti tagħhom. Oħrajn jivvjaġġaw fit-tul għax-xogħol sekulari tagħhom jew imorru waħedhom jaħdmu f’pajjiż ieħor biex jibagħtu l-flus lura d-dar. Anki meta jkunu d-dar, xi mseħbin fiż-żwieġ isibu ruħhom iżolati minn xulxin minħabba l-ħin li jqattgħu fid-delizzji, fl-isports, fil-logħob tal-kompjuter, fuq l-Internet, jew jaraw it-televixin. Huwa dan minnu f’darek? Jekk iva, tistgħu intom taġġustaw iċ-ċirkustanzi tagħkom biex tqattgħu iktar ħin flimkien? Xi ngħidu dwar li tagħmlu affarijiet taʼ kuljum flimkien bħal li tippreparaw l-ikel, taħslu l-platti, jew taħdmu fil-ġnien? Tistgħu taħdmu flimkien intom u tieħdu ħsieb it-tfal jew tgħinu lill-ġenituri mdaħħlin fiż-żmien?
14 L-iktar importanti hu li tqattgħu l-ħin flimkien regolarment f’attivitajiet konnessi mal-qima lil Ġeħova. Meta tiddiskutu l-iskrittura tal-jum flimkien u tagħmlu l-qima tal-familja, ikollkom opportunitajiet mill-aqwa biex iżżommu l-ħsibijiet u l-miri tal-familja tagħkom magħqudin. Ukoll, ħudu sehem fil-ministeru flimkien. Jekk inhu possibbli, ipprovaw aqdu bħala pijunieri flimkien, anki jekk iċ-ċirkustanzi tagħkom jippermettulkom tagħmlu dan għal xahar jew sena waħda biss. (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Oħt li qdiet bħala pijuniera maʼ żewġha tgħid: “Il-ministeru kien wieħed mill-modi kif stajna nqattgħu l-ħin flimkien u verament niftħu qalbna. Minħabba li t-tnejn li aħna kellna l-istess mira li ngħinu spiritwalment lil dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru, ħassejt li konna tim taʼ veru. Ħassejtni iktar qrib tiegħu mhux biss bħala żewġi imma wkoll bħala ħabib tal-qalb.” Hekk kif taħdmu flimkien f’miri mill-aqwa, l-interessi, il-prijoritajiet, u d-drawwiet tagħkom bil-mod il-mod se jsiru bħal taʼ xulxin, sakemm bħal Akwila u Prixilla tibdew taħsbu, tħossu, u taġixxu iktar u iktar bħal “ġisem wieħed.”
Ħalli l-Ispiritwalità Tiggwidak
15. X’inhi l-iktar ħaġa fundamentali biex żwieġ jirnexxi? Spjega.
15 Ġesù kien jaf kemm hu importanti li Alla jingħata l-ewwel post fiż-żwieġ. Hu ra lil Ġeħova jgħaqqad l-ewwel koppja fiż-żwieġ. Hu osserva kemm kienu henjin Adam u Eva sakemm baqgħu jsegwu d-direzzjoni t’Alla, u ra b’għajnejh stess l-inkwiet li ġabu meta injorawha. Allura, meta Ġesù għallem lil oħrajn, hu rrifletta l-istruzzjoni taʼ Missieru li tinsab f’Ġenesi 2:24. Ukoll, hu żied dan il-ħsieb: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mt. 19:6) Għalhekk, rispett profond lejn Ġeħova għadu l-iktar ħaġa fundamentali biex żwieġ ikun hieni u jirnexxi. Dwar dan, il-ġenituri taʼ Ġesù fuq l-art, Ġużeppi u Marija, ħallew eżempju li jispikka.
16. Ġużeppi u Marija kif urew spiritwalità fil-ħajja tal-familja tagħhom?
16 Ġużeppi ttratta lil Marija b’qalb tajba u rispett. Meta sar jaf li kienet tqila, hu ried jittrattaha bi ħniena, anki qabel ma l-anġlu t’Alla spjegalu x’kien ġara lil Marija. (Mt. 1:18-20) Bħala koppja, huma obdew id-digriet taʼ Ċesari kif ukoll żammew mill-qrib mal-Liġi Mosajka. (Lq. 2:1-5, 21, 22) U għalkemm kien meħtieġ mill-irġiel biss li jattendu l-festi reliġjużi l-kbar f’Ġerusalemm, Ġużeppi u Marija, flimkien maʼ membri tal-familja tagħhom, attendewhom kull sena. (Dt. 16:16; Lq. 2:41) B’dawn il-modi u b’modi oħrajn, din il-koppja devota lejn Alla kienet tistinka biex togħġob lil Ġeħova u wriet rispett profond lejn l-affarijiet spiritwali. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova għażilhom biex jieħdu ħsieb lil Ibnu matul l-ewwel parti tal-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art.
17, 18. (a) B’liema modi tistaʼ koppja tpoġġi l-ispiritwalità fl-ewwel post fil-familja? (b) Dan kif se jkun taʼ ġid għalihom?
17 Tiggwidakom l-ispiritwalità b’mod simili fil-ħajja tal-familja tagħkom? Pereżempju, meta tieħdu deċiżjonijiet importanti, tfittxu l-ewwel għal prinċipji Bibliċi, titolbu dwar il-kwistjoni, u mbagħad tfittxu l-parir taʼ Kristjan matur? Jew għandkom it-tendenza li ssolvu l-problemi billi timxu skont is-sentimenti tagħkom stess jew tal-familja u tal-ħbieb? Tistinkaw biex tapplikaw il-ħafna suġġerimenti prattiċi pubblikati mill-ilsir leali dwar iż-żwieġ u l-ħajja tal-familja? Jew issibu ruħkom sempliċement issegwu d-drawwiet lokali jew il-pariri sekulari li huma popolari? Titolbu u tistudjaw regolarment flimkien, tagħmlu miri spiritwali, u titkellmu dwar il-prijoritajiet tal-familja tagħkom?
18 Dwar il-50 sena tagħhom fi żwieġ hieni, Ray jgħid, “Qatt ma kellna problema li ma stajniex negħlbuha, għaliex żammejna lil Ġeħova bħala parti mill-‘ħabel bi tlieta’ tagħna.” (Aqra Ekkleżjasti 4:12.) Danny u Trina jaqblu maʼ dan. Huma jgħidu, “Hekk kif qdejna lil Alla flimkien, iż-żwieġ tagħna ssaħħaħ.” Huma ilhom kuntenti fiż-żwieġ tagħhom għal iktar minn 34 sena. Jekk dejjem tagħti lil Ġeħova l-ewwel post fiż-żwieġ tiegħek, hu se jgħinek tirnexxi u se jbierkek bil-kbir.—Salm 127:1.
Kompli Rrispetta l-Għotja t’Alla
19. Ġeħova għal pprovda l-għotja taż-żwieġ?
19 Ħafna llum jimpurtahom biss mill-hena persunali tagħhom. Imma qaddej taʼ Ġeħova jħares lejn l-affarijiet minn lenti differenti. Hu jaf li Alla pprovda ż-żwieġ bħala għotja biex jitwettaq l-iskop Tiegħu. (Ġen. 1:26-28) Kieku Adam u Eva wrew rispett lejn din l-għotja, kieku l-art kollha kienet issir ġenna mimlija qaddejja t’Alla henjin u ġusti.
20, 21. (a) Għala għandna nittrattaw iż-żwieġ bħala li hu qaddis? (b) Dwar liema għotja se nistudjaw il-ġimgħa d-dieħla?
20 Fuq kollox, il-qaddejja t’Alla jħarsu lejn iż-żwieġ bħala opportunità biex jigglorifikaw lil Ġeħova. (Aqra l-1 Korintin 10:31.) Bħalma rajna, il-lealtà, l-unità, u l-ispiritwalità huma kwalitajiet divini li jsaħħu ż-żwieġ. Allura, kemm jekk qed inħejju għaż-żwieġ, kemm jekk qed insaħħuh, u kemm jekk qed nipprovaw insalvawh, l-ewwel irridu nħarsu lejn iż-żwieġ bħala dak li hu tassew: arranġament divin u qaddis. Jekk inżommu din il-verità f’moħħna se niġu mqanqlin biex nagħmlu l-aħjar tagħna ħalli nieħdu deċiżjonijiet fiż-żwieġ ibbażati fuq il-Kelma t’Alla. B’dan il-mod, mhux biss nuru rispett lejn l-għotja taż-żwieġ imma wkoll lejn id-Donatur taʼ din l-għotja, Alla Ġeħova.
21 M’għandniex xi ngħidu, iż-żwieġ mhuwiex l-unika għotja li tana Ġeħova; lanqas mhu l-uniku mod kif nistgħu nkunu henjin f’ħajjitna. Fl-artiklu tagħna li jmiss, se neżaminaw jerġaʼ għotja oħra prezzjuża mingħand Alla—l-għotja tal-fatt li wieħed ma jkunx miżżewweġ.
Int Kif Twieġeb?
• Il-lealtà kif għandha teffettwa lill-Kristjani miżżewġin?
• Għala jissaħħaħ iż-żwieġ meta koppja taħdem flimkien f’unità?
• Liema huma xi modi kif il-miżżewġin jistgħu jħallu l-ispiritwalità tiggwidahom?
• Kif nistgħu nuru rispett lejn Ġeħova, l-Oriġinatur taż-żwieġ?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 15]
Meta koppja taħdem flimkien tiġi megħjuna tibqaʼ f’unità