Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mogħtijin il-Qawwa Biex Negħlbu Kwalunkwe Prova

Mogħtijin il-Qawwa Biex Negħlbu Kwalunkwe Prova

“Għal kollox għandi s-​saħħa permezz taʼ dak li jagħtini l-​qawwa.”—FLP. 4:13.

1. In-​nies taʼ Ġeħova għala jiffaċċjaw ħafna għawġ?

 IN-​NIES taʼ Ġeħova kemm-​il darba ffaċċjaw xi tip jew ieħor t’għawġ. Xi provi jiġu minħabba l-​imperfezzjonijiet tagħna stess jew huma konsegwenza tas-​sistema li ngħixu fiha. Oħrajn jiġu minħabba l-​għadwa li teżisti bejn dawk li jaqdu ’l Alla u dawk li ma jaqduhx. (Ġen. 3:15) Sa minn kmieni fl-​istorja umana, Alla għen lill-​qaddejja leali tiegħu biex iżommu sod kontra l-​persekuzzjoni reliġjuża, biex jirreżistu l-​pressjoni minn taʼ madwarhom li tagħmlilhom ħsara, u biex jissaportu kull tip t’għawġ ieħor. L-​ispirtu qaddis tiegħu jistaʼ jagħtina l-​qawwa biex nagħmlu dawn l-​istess affarijiet.

Megħjunin Biex Inżommu Sod Kontra l-​Persekuzzjoni Reliġjuża

2. X’inhu l-​iskop tal-​persekuzzjoni reliġjuża, u b’liema modi tistaʼ ssir?

2 Il-​persekuzzjoni reliġjuża hija meta ssir ħsara fuq nies oħrajn jew jiġu maħqurin apposta minħabba l-​fidi jew it-​twemmin tagħhom. L-​iskop tagħha hu li telimina għalkollox dan it-​twemmin, iżżommu milli jinxtered, jew tikser l-​integrità taʼ dawk li jemmnu. Il-​persekuzzjoni għandha diversi forom, ftit minnhom isiru fil-​beraħ, oħrajn bil-​moħbi. Il-​Bibbja xxebbah l-​attakki taʼ Satana maʼ dawk taʼ ljun kif ukoll taʼ kobra.—Aqra Salm 91:13.

3. X’jikkaratterizza attakki bħal taʼ ljun u bħal taʼ kobra?

3 Bħal iljun salvaġġ, Satana spiss għamel attakki diretti fil-​beraħ permezz taʼ vjolenza, tfigħ fil-​ħabs, jew projbizzjoni. (Salm 94:20) Il-​Yearbook, li jiddeskrivi l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fi żminijiet moderni, fih diversi rakkonti taʼ kif Satana uża dawn il-​metodi. Marmalji bla liġi, xi drabi mmexxijin minn membri tal-​kleru jew fanatiċi tal-​politika, immaltrattaw lin-​nies t’Alla f’ħafna pajjiżi. Dawn l-​attakki bħal taʼ ljun ġiegħlu lil xi wħud ma jibqgħux jaqdu lil Ġeħova. Bħal kobra, ix-​Xitan ukoll jattakka lin-​nies minn post moħbi sabiex jivvelena l-​imħuħ u jqarraq bin-​nies ħalli jagħmlu r-​rieda tiegħu. Dan it-​tip t’attakk isir bil-​ħsieb li jdgħajjef il-​fidi tagħna jew iġegħelna nagħmlu kompromess. Permezz tal-​ispirtu qaddis t’Alla, aħna nistgħu nifilħu għaż-​żewġ forom taʼ persekuzzjoni.

4, 5. X’inhu l-​aħjar mod kif tipprepara għall-​persekuzzjoni, u għala? Agħti eżempju.

4 L-​immaġinazzjoni fuq tipi differenti taʼ persekuzzjoni futura li tistaʼ tinqalaʼ mhijiex l-​aħjar mod kif tipprepara għaliha. Il-​fatt hu li aħna sempliċement ma nistgħux inkunu nafu x’se jġib miegħu l-​futur, allura ma tantx jinkiseb ġid milli wieħed joqgħod jinkwieta dwar affarijiet li jafu qatt ma jiġru. Però, hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu. Il-​biċċa l-​kbira minn dawk li ssaportew b’suċċess il-​persekuzzjoni rnexxielhom jagħmlu dan billi qagħdu jimmeditaw fuq l-​eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova, kif inhuma mniżżlin fl-​Iskrittura, kif ukoll fuq it-​tagħlim u l-​eżempju taʼ Ġesù. Dan għenhom ikabbru mħabbithom għal Ġeħova. Imbagħad, din l-​imħabba għenithom jirreżistu kwalunkwe prova li ffaċċjaw.

5 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ tnejn minn ħutna nisa fil-​Malawi. Fi sforz biex iġegħluhom jixtru biljetti taʼ partiti politiċi, marmalja vjolenti sawtithom, neżżgħethom, u heddet li tistuprahom. Il-​marmalja gidbitilhom u qaltilhom li anki membri tal-​familja Betel kienu xtraw biljetti tal-​partit. L-​aħwa nisa kif wieġbu? “Aħna lil Alla Ġeħova biss naqdu. Għalhekk, ma tagħmel l-​ebda differenza għalina jekk l-​aħwa fl-​uffiċċju tal-​fergħa xtraw il-​biljetti. M’aħniex se nagħmlu kompromess, lanqas jekk toqtluna!” Wara li ħadu din il-​waqfa kuraġġuża, l-​aħwa nħelsu.

6, 7. Ġeħova kif jagħti l-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu biex jiffaċċjaw il-​persekuzzjoni?

6 L-​appostlu Pawlu qal li l-​Kristjani f’Tessalonika kienu aċċettaw il-​messaġġ tal-​verità waqt li kienu għaddejjin minn “ħafna tribulazzjoni” imma għamlu dan “bil-​ferħ taʼ l-​ispirtu qaddis.” (1 Tess. 1:6) Tabilħaqq, ħafna Kristjani, kemm fil-​passat kif ukoll fil-​preżent, li ffaċċjaw u għelbu l-​persekuzzjoni jgħidu li fl-​iktar punt diffiċli tal-​provi tagħhom, huma gawdew paċi ġewwinija, aspett mill-​frott tal-​ispirtu qaddis t’Alla. (Gal. 5:22) Imbagħad, din il-​paċi għenet biex tgħasses lil qalbhom u l-​qawwa mentali tagħhom. Ġeħova tassew juża l-​forza attiva tiegħu biex jagħti l-​qawwa lill-​qaddejja tiegħu ħalli jkampaw mal-​provi u jaġixxu b’għaqal meta jiffaċċjaw l-​għawġ. a

7 Nies li josservawna baqgħu mbellhin bid-​determinazzjoni tan-​nies t’Alla li jżommu l-​integrità tagħhom anki meta dawn kienu wiċċ imb wiċċ maʼ persekuzzjoni ħarxa. Ix-​Xhieda kienu donnhom mimlijin b’saħħa sovrumana, u infatti hekk kienu. L-​appostlu Pietru jaċċertana: “Jekk qed jgħajrukom minħabba isem Kristu, henjin intom, għax l-​ispirtu tal-​glorja, iva, l-​ispirtu t’Alla, qed jistrieħ fuqkom.” (1 Pt. 4:14) Il-​fatt li aħna persegwitati talli nżommu mal-​livelli ġusti juri li aħna għandna l-​approvazzjoni t’Alla. (Mt. 5:10-​12; Ġw. 15:20) X’hena ġġibilna din it-​turija tal-​barka taʼ Ġeħova!

Megħjunin Biex Nirreżistu l-​Pressjoni Minn taʼ Madwarna

8. (a) X’għen lil Ġożwè u Kaleb biex jirreżistu l-​pressjoni minn dawk taʼ madwarhom? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġożwè u Kaleb?

8 Forma iktar sottili tal-​oppożizzjoni li għandhom jissaportu l-​Kristjani hi l-​pressjoni minn taʼ madwarhom li tagħmlilhom il-​ħsara. Madankollu, peress li l-​ispirtu taʼ Ġeħova huwa bil-​wisq iktar qawwi mill-​ispirtu tad-​dinja, aħna nistgħu nirreżistu lin-​nies li jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, li jxerrdu l-​gideb dwarna, jew li jipprovaw iġegħluna ninbidlu biex inkunu bħalhom. Pereżempju, x’għen lil Ġożwè u Kaleb biex ma jaqblux mal-​ħarsa tal-​għaxar spiji oħrajn li ntbagħtu fl-​art taʼ Kangħan? L-​ispirtu qaddis qanqal ġo fihom “spirtu,” jew inklinazzjoni mentali, differenti.—Aqra Numri 13:30; 14:6-​10, 24.

9. Il-​Kristjani għala għandhom ikunu lesti li jkunu differenti mill-​maġġuranza tan-​nies?

9 B’mod simili, l-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lill-​appostli taʼ Ġesù biex jobdu lil Alla minflok lil dawk li ħafna rrispettawhom bħala għalliema tar-​reliġjon vera. (Atti 4:21, 31; 5:29, 32) Il-​maġġuranza tan-​nies jippreferu jimxu mal-​kurrent, biex ngħidu hekk, ħalli jevitaw konfrontazzjoni, jew konflitt. Iżda, il-​Kristjani veri spiss ikollhom jieħdu waqfa għal dak li jafu li hu sewwa. Xorta waħda, grazzi għall-​qawwa li jirċievu mill-​forza attiva t’Alla, ma jibżgħux ikunu differenti. (2 Tim. 1:7) Ikkunsidra aspett wieħed li fih m’għandniex inċedu għall-​pressjoni minn taʼ madwarna.

10. Liema deċiżjoni forsi jkollhom jieħdu xi Kristjani?

10 Xi żgħażagħ forsi ma jkunux jafu x’se jaqbdu jagħmlu meta jsiru jafu li xi ħabib ħa sehem f’kondotta mhix Skritturali. Forsi jħossuhom li jekk jistaqsu lill-​anzjani biex jgħinu lill-​ħabib tagħhom, huma jkunu qed jitilfu l-​fiduċja li għandu l-​ħabib fihom; għalhekk, jirrifjutaw li jitkellmu minħabba lealtà żbaljata. Il-​midneb jistaʼ saħansitra jipprova jissikka lil ħbiebu biex ma jikxfux id-​dnub tiegħu lil oħrajn. Ovvjament, din it-​tip taʼ problema ma teffettwax liż-​żgħażagħ biss. Xi adulti wkoll għandhom mnejn isibuha diffiċli li javviċinaw lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni dwar xi għemil ħażin taʼ ħabib jew membru tal-​familja. Imma Kristjani veri kif għandhom jirreaġixxu għal pressjoni bħal din?

11, 12. X’inhi l-​aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel jekk membru tal-​kongregazzjoni jħeġġek biex ma tikxifx id-​dnub tiegħu, u għala?

11 Ġib quddiem għajnejk din is-​sitwazzjoni. Ejja ngħidu li Alex, ħu żagħżugħ, isir jaf li Steve, sieħbu fil-​kongregazzjoni, kellu l-​vizzju li jara l-​pornografija. Alex jgħid lil Steve li hu tassew inkwetat dwar dak li Steve qed jagħmel. Imma, Steve ma jagħtix kas dak li qed jgħidlu. Meta Alex iħeġġu biex jitkellem mal-​anzjani dwar dan, Steve jgħidlu li jekk huma tassew ħbieb ma jikxfux. Għandu jibżaʼ Alex li ħa jitlef lil sieħbu? Forsi jaħseb dwar lil min kieku jemmnu l-​anzjani jekk Steve jiċħad kollox. Xorta waħda, is-​sitwazzjoni mhijiex se titjieb jekk Alex jibqaʼ sieket. Tabilħaqq, tistaʼ twassal biex Steve jitlef ir-​relazzjoni li għandu maʼ Ġeħova. Alex jagħmel tajjeb jekk jiftakar li “t-​tregħid mill-​bniedem huwa nassa, imma min jafda f’Ġeħova jkun protett.” (Prov. 29:25) X’jistaʼ jagħmel iktar Alex? Forsi bi mħabba jistaʼ jerġaʼ jmur fuq Steve u bla tlaqliq jitkellem miegħu dwar il-​problema. Dan jeħtieġ il-​kuraġġ. Iżda, jistaʼ jkun li din id-​darba Steve jilqaʼ l-​opportunità li jitkellem dwar il-​problema tiegħu. Alex imissu jerġaʼ jħeġġeġ lil Steve biex jitkellem mal-​anzjani u jgħidlu li jekk ma jagħmilx dan f’perijodu taʼ żmien raġunevoli, se jmur jgħidilhom hu.—Lev. 5:1.

12 Jekk xi darba jkollok tittratta maʼ sitwazzjoni bħal din, għandu mnejn li għall-​ewwel il-​ħabib tiegħek ma japprezzax l-​isforzi tiegħek biex tgħinu. Imma maż-​żmien jistaʼ jirrealizza li dak li għamilt kien l-​aħjar ħaġa għalih. Jekk il-​midneb jirċievi u jaċċetta l-​għajnuna, imbagħad għandu mnejn ikun grat għal dejjem għall-​kuraġġ u l-​lealtà tiegħek. Min-​naħa l-​oħra, jekk jiħodha kontrik, taħseb li hu verament it-​tip taʼ ħabib li tixtieq? Li nogħġbu lill-​akbar Ħabib tagħna, Ġeħova, hu dejjem l-​aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu. Meta npoġġu lilu l-​ewwel, oħrajn li jħobbuh se jirrispettawna għal-​lealtà tagħna u jsiru l-​ħbieb veri tagħna. Qatt m’għandna nagħtu wisaʼ lix-​Xitan fil-​kongregazzjoni Kristjana. Li kieku kellna nagħmlu hekk inkunu tassew qed innikktu l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Madankollu, aħna naħdmu fi qbil miegħu billi naħdmu biex inżommu l-​kongregazzjoni Kristjana pura.—Efes. 4:27, 30.

Mogħtijin il-​Qawwa Biex Nissaportu Kull Tip t’Għawġ

13. Liema tipi t’għawġ qed jiffaċċjaw in-​nies taʼ Ġeħova, u dawn l-​affarijiet għala huma tant komuni?

13 Hemm ħafna forom t’għawġ—problemi finanzjarji, telf t’impjieg, diżastri naturali, mewt taʼ xi ħadd maħbub, kriżi tas-​saħħa, u nistgħu nibqgħu sejrin. Ladarba ngħixu fi “żminijiet kritiċi,” nistgħu nistennew li f’xi żmien jew ieħor ilkoll kemm aħna se jkollna ngħaddu minn xi tip taʼ prova. (2 Tim. 3:1) Meta jiġri dan, huwa importanti li ma nippanikkjawx. L-​ispirtu qaddis jistaʼ jagħtina l-​qawwa biex nissaportu kwalunkwe tip t’għawġ.

14. X’saħħaħ lil Ġob biex jissaporti l-​għawġ tiegħu?

14 Ġob sofra prova wara oħra. Tilef il-​mezz t’għajxien, it-​tfal, il-​ħbieb, marad, u martu tilfet il-​fiduċja li kellha f’Ġeħova. (Ġob 1:13-​19; 2:7-​9) Madankollu, Ġob kellu lil Eliħu bħala farraġ veru. Il-​messaġġ t’Eliħu, u l-​punt prinċipali tal-​messaġġ li tah Ġeħova stess, kien: “Ieqaf ftit u oqgħod attent għall-​għemejjel meraviljużi t’Alla.” (Ġob 37:14) X’għen lil Ġob jissaporti l-​provi tiegħu? U x’jistaʼ jgħin lilna nissaportu? Nistgħu niġu megħjunin jekk niftakru u nimmeditaw fuq il-​modi differenti kif Ġeħova wera l-​ispirtu qaddis u l-​qawwa tiegħu. (Ġob 38:1-​41; 42:1, 2) Forsi nistgħu niftakru f’waqtiet f’ħajjitna stess meta rajna evidenza tal-​fatt li Ġeħova hu interessat fina personalment. Hu għadu interessat fina.

15. X’saħħaħ lil Pawlu ħalli jkun jistaʼ jissaporti l-​provi?

15 Minħabba l-​fidi tiegħu, l-​appostlu Pawlu ssaporta ħafna għawġ li kien taʼ periklu għal ħajtu. (2 Kor. 11:23-​28) Kif żamm il-​bilanċ u baqaʼ stabbli emozzjonalment f’dawk iċ-​ċirkustanzi diffiċli? Billi straħ bit-​talb fuq Ġeħova. Matul dan iż-​żmien taʼ prova li milli jidher fl-​aħħar wassal għall-​mewta tiegħu bħala martri, Pawlu kiteb: “Il-​Mulej qagħad ħdejja u mlieni bil-​qawwa, biex permezz tiegħi l-​ippridkar jitwettaq bis-​sħiħ u l-​ġnus kollha jisimgħuh; u jien inħlist minn ħalq l-​iljun.” (2 Tim. 4:17) Għalhekk, mill-​esperjenza persunali tiegħu, Pawlu setaʼ jaċċerta lil sħabu fit-​twemmin li ma kien hemm għalfejn “ikunu ansjużi fuq xejn.”—Aqra Filippin 4:6, 7, 13.

16, 17. Agħti eżempji taʼ kif Ġeħova qed jagħti l-​qawwa lil niesu llum biex ikunu jistgħu jissaportu l-​għawġ.

16 Pijuniera jisimha Roxana hija waħda li esperjenzat kif Ġeħova jipprovdi għal niesu. Meta staqsiet lill-​imgħallem tagħha biex tieħu xi ġranet leave sabiex tkun tistaʼ tattendi waħda mill-​konvenzjonijiet tagħna, hu b’rabja wieġeb li jekk tmur, ikeċċiha. Roxana xorta waħda marret waqt li talbet bil-​ħeġġa li forsi tkun tistaʼ żżomm xogħolha. Wara dan ħassitha kalma. Eżatt kif kien heddidha, it-​Tnejn taʼ wara l-​konvenzjoni, l-​imgħallem tagħha keċċieha. Roxana kienet inkwetata ferm. Għalkemm dak ix-​xogħol ma tantx kien irendi flus, kellha bżonnu biex jgħinha tieħu ħsieb il-​familja tagħha. Reġgħet talbet u mmeditat fuq il-​fatt li Alla kien ipprovda b’mod spiritwali għaliha fil-​konvenzjoni, għalhekk hu żgur setaʼ jipprovdi għajnuna fiżika wkoll. Hekk kif kienet miexja lejn id-​dar, Roxana rat tabella b’informazzjoni dwar il-​bżonn taʼ ħaddiema tal-​esperjenza fuq magni industrijali tal-​ħjata, u applikat għall-​impjieg. Il-​maniġer induna li ma kellhiex esperjenza imma xorta waħda offrielha x-​xogħol, u l-​paga kienet kważi d-​doppju taʼ kemm kienet taqlaʼ qabel. Roxana ħasset li t-​talb tagħha twieġeb. Madankollu, l-​akbar barka kienet li setgħet taqsam l-​aħbar tajba maʼ xi wħud mill-​kollegi tagħha. Ħamsa minnhom, inkluż il-​maniġer, aċċettaw il-​verità u tgħammdu.

17 Xi kultant, forsi jidher li t-​talb tagħna mhux qed jitwieġeb—għall-​inqas mhux mill-​ewwel jew bil-​mod li stennejna. Jekk inhu hekk żgur li hemm raġuni tajba għal dan. Ġeħova jaf ir-​raġuni imma aħna forsi nifhmu għala biss fil-​futur. Minn ħaġa waħda nistgħu nkunu ċerti—Alla ma jabbandunax lil-​leali tiegħu.—Ebr. 6:10.

Megħjunin Biex Negħlbu l-​Provi u t-​Tentazzjonijiet

18, 19. (a) Għala nistgħu nistennew li niffaċċjaw il-​provi u t-​tentazzjonijiet? (b) Kif tistaʼ tiffaċċja l-​provi b’suċċess?

18 In-​nies taʼ Ġeħova ma jissorprendux ruħhom li jkollhom jiffaċċjaw it-​tentazzjoni, l-​iskuraġġiment, il-​persekuzzjoni, u l-​pressjoni minn taʼ madwarhom. Bażikament, id-​dinja tobgħodna. (Ġw. 15:17-​19) Imma, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna negħlbu kwalunkwe sfida li niffaċċjaw fis-​servizz lil Alla. Ġeħova mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nifilħu. (1 Kor. 10:13) Hu żgur li qatt mhu se jitlaqna jew jabbandunana. (Ebr. 13:5) L-​ubbidjenza lejn il-​Kelma mnebbħa tiegħu tipproteġina u tqawwina. Minbarra dan, l-​ispirtu tiegħu jistaʼ jqanqal lil sħabna fit-​twemmin biex jagħtuna l-​għajnuna li neħtieġu meta jkollna bżonnha l-​iktar.

19 Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu nfittxu l-​ispirtu qaddis permezz tat-​talb u l-​istudju tal-​Iskrittura. Jalla nkomplu ‘nsiru setgħana bil-​qawwa kollha li tiġi mis-​setgħa glorjuża t’Alla sabiex nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’—Kol. 1:11.

[Nota taʼ taħt]

a Għal eżempji, ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Mejju, 2001, paġna 16; u Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Frar, 1993, paġni 21 u 22.

Int Kif Twieġeb?

• Kif tistaʼ tipprepara biex iżżomm sod kontra l-​persekuzzjoni?

• Kif għandek tirreaġixxi jekk xi ħadd iħeġġek biex ma tikxifx xi għemil ħażin?

• Liema fiduċja jistaʼ jkollok meta tiffaċċja kwalunkwe tip t’għawġ?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 28]

X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġożwè u Kaleb?

[Stampa f’paġna 29]

Kif tistaʼ tgħin lil ħabib li b’xi mod dineb?