Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mogħtijin il-Qawwa Biex Nirreżistu t-Tentazzjoni u Nkampaw mal-Iskuraġġiment

Mogħtijin il-Qawwa Biex Nirreżistu t-Tentazzjoni u Nkampaw mal-Iskuraġġiment

“Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa.”—ATTI 1:8.

1, 2. Liema għajnuna wiegħed Ġesù lid-​dixxipli tiegħu, u għala kienu se jiġu bżonnha?

 ĠESÙ kien jaf li d-​dixxipli tiegħu ma setgħux josservaw kulma kien ikkmandahom bil-​ħila tagħhom stess. Meta nqisu li kellhom jippritkaw f’ħafna artijiet, is-​saħħa taʼ min kien jopponihom, u d-​dgħufija tal-​bniedem, kien jidher ċar li kellhom bżonn qawwa sovrumana. B’hekk, proprju qabel ma telaʼ s-​sema, Ġesù aċċerta lid-​dixxipli tiegħu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm u fil-​Lhudija kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.”—Atti 1:8.

2 Din il-​wegħda beda jkollha t-​twettiq tagħha f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta l-​ispirtu qaddis ta l-​qawwa lis-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu biex jimlew lil Ġerusalemm bl-​ippritkar tagħhom. L-​ebda oppożizzjoni ma setgħet twaqqfu. (Atti 4:20) Fil-​“jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema,” is-​segwaċi leali taʼ Ġesù, inkluż aħna, kien se jkollhom bżonn urġenti taʼ dik l-​istess qawwa mogħtija minn Alla.—Mt. 28:20.

3. (a) Spjega d-​differenza bejn l-​ispirtu qaddis u l-​qawwa. (b) Il-​qawwa li jagħti Ġeħova x’tistaʼ tgħinna nagħmlu?

3 Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu li ‘meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqhom jirċievu qawwa.’ Il-​kelmtejn “spirtu” u “qawwa” huma differenti fit-​tifsir tagħhom. L-​ispirtu t’Alla, il-​forza attiva tiegħu, huwa enerġija li toħroġ u taħdem fuq bnedmin jew affarijiet biex twettaq ir-​rieda t’Alla. Madankollu, il-​qawwa tistaʼ tiġi spjegata bħala “l-​abbiltà li taġixxi jew tipproduċi effett.” Tistaʼ tkun inattiva f’xi ħadd jew f’xi ħaġa sakemm jinħass il-​bżonn biex tipproduċi ċertu riżultat. Għalhekk, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jiġi mqabbel mal-​kurrent elettriku li jagħti l-​enerġija lil batterija li tistaʼ terġaʼ tiġi ċarġjata, filwaqt li l-​qawwa tixbah iktar lill-​enerġija li mbagħad tiġi maħżuna f’din il-​batterija. Il-​qawwa li Ġeħova jagħti lill-​qaddejja tiegħu permezz tal-​ispirtu qaddis tagħti lil kull wieħed u waħda minna l-​abbiltà biex inwettqu d-​dedikazzjoni Kristjana tagħna u, meta jkun hemm bżonn, biex nirreżistu l-​forzi negattivi li huma użati kontrina.—Aqra Mikea 3:8; Kolossin 1:29.

4. X’se jiġi kunsidrat f’dan l-​artiklu, u għala?

4 Kif inhi murija l-​qawwa mogħtija lilna mill-​ispirtu qaddis? Kif jistaʼ l-​ispirtu qaddis iqanqalna biex naġixxu jew nirreaġixxu f’sitwazzjonijiet differenti? Hekk kif nipprovaw naqdu b’lealtà lil Alla, aħna niffaċċjaw ħafna ostakli li jiġu kaġunati jew minn Satana, jew mis-​sistema tiegħu, jew mill-​ġisem imperfett tagħna. Huwa importanti li negħlbu ostakli bħal dawn biex nipperseveraw bħala Kristjani, nieħdu sehem regulari fil-​ministeru, u nżommu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Ejja nikkunsidraw kif l-​ispirtu qaddis jgħinna biex nirreżistu t-​tentazzjoni u nkampaw mal-​għeja u l-​iskuraġġiment.

Mogħtijin il-​Qawwa Biex Nirreżistu t-​Tentazzjoni

5. It-​talb kif jistaʼ jagħtina l-​qawwa?

5 Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu: “Iddaħħalniex fit-​tentazzjoni, imma eħlisna mill-​Ħażin.” (Mt. 6:13) Ġeħova mhux se jabbanduna lill-​qaddejja leali tiegħu li jitolbu dan. F’okkażjoni oħra, Ġesù qal li “l-​Missier li hu fis-​sema [se] jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.” (Lq. 11:13) Kemm tassigurana l-​wegħda taʼ Ġeħova li jagħtina din il-​forza biex nagħmlu dak li hu sewwa! M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li Ġeħova se jwarrbilna t-​tentazzjoni. (1 Kor. 10:13) Iżda meta niġu ttantati jkun il-​waqt li saħansitra nitolbu b’iktar ħeġġa.—Mt. 26:42.

6. Ġesù fuq xiex ibbaża t-​tweġibiet tiegħu għat-​tentazzjonijiet taʼ Satana?

6 Bi tweġiba għat-​tentazzjonijiet tax-​Xitan, Ġesù kkwota xi skritturi. Il-​Kelma t’Alla kienet ċara f’moħħ Ġesù meta wieġeb: “Hu miktub . . . Jerġaʼ hu miktub . . . Mur ’l hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’” Imħabba għal Ġeħova u l-​Kelma tiegħu qanqlet lil Ġesù biex iwarrab it-​tentazzjonijiet li t-​Tentatur ġablu quddiemu. (Mt. 4:1-​10) Wara li Ġesù b’mod ripetut irreżista t-​tentazzjoni, Satana ħallieh.

7. Il-​Bibbja kif tgħinna nirreżistu t-​tentazzjoni?

7 Ladarba Ġesù fada fl-​Iskrittura biex jirreżisti t-​tentazzjonijiet tax-​Xitan, kemm iżjed għandna nagħmlu hekk aħna! Tabilħaqq, il-​kapaċità tagħna biex nirreżistu x-​Xitan u r-​rappreżentanti tiegħu tibda b’determinazzjoni li nkunu nafu l-​livelli t’Alla u li nżommu bis-​sħiħ magħhom. Ħafna nies tqanqlu biex jgħixu skont il-​livelli tal-​Bibbja hekk kif studjaw l-​Iskrittura u waslu biex jifhmu u japprezzaw l-​għerf u s-​sewwa t’Alla. Tabilħaqq, “il-​kelma t’Alla” hi qawwija u tistaʼ tagħraf “il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.” (Ebr. 4:12) Iktar ma wieħed jaqra u jimmedita fuq l-​Iskrittura, iktar wieħed jistaʼ jikseb ‘dehen skond il-​verità taʼ Ġeħova.’ (Dan. 9:13) Ladarba dan hu minnu, nagħmlu tajjeb jekk nimmeditaw fuq skritturi li jittrattaw dwar id-​dgħufijiet speċifiċi tagħna.

8. Permezz taʼ xiex nistgħu niksbu l-​ispirtu qaddis?

8 Flimkien maʼ li kien jaf l-​Iskrittura, Ġesù setaʼ jirreżisti t-​tentazzjoni għaliex hu kien “mimli bl-​ispirtu qaddis.” (Lq. 4:1) Sabiex aħna jkollna l-​istess saħħa u abbiltà għandna bżonn nersqu eqreb lejn Ġeħova billi nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti kollha li għamel biex jimliena bl-​ispirtu tiegħu. (Ġak. 4:7, 8) Fost dawn hemm l-​istudju tal-​Bibbja, it-​talb, u s-​sħubija maʼ sħabna fit-​twemmin. Ħafna apprezzaw ukoll il-​benefiċċju taʼ li jżommu skeda mimlija b’attivitajiet Kristjani li tgħin biex iżżomm il-​moħħ iffokat fuq ħsibijiet spiritwali li jibnu.

9, 10. (a) Liema tentazzjonijiet huma komuni fl-​inħawi tiegħek? (b) Il-​meditazzjoni u t-​talb kif jistgħu jagħtuk il-​qawwa biex tirreżisti t-​tentazzjoni anki meta tinsab għajjien?

9 Liema ġibdiet biex tiżbalja għandek x’tirreżisti? Qatt ġejt imħajjar biex tiġbed lejk lil xi ħadd li mhuwiex ir-​raġel jew il-​mara tiegħek? Jekk m’intix miżżewweġ, qatt kellek ix-​xewqa li taċċetta li toħroġ maʼ xi ħadd li mhuwiex tal-​istess twemmin tiegħek? Il-​Kristjani jistgħu f’daqqa waħda jiġu ttantati biex jaraw xi ħaġa maħmuġa waqt li jkunu jaraw it-​televixin jew ikunu fuq l-​Internet. Qatt ġralek dan, u jekk iva, kif irreaġixxejt? Ikun għaqli li timmedita fuq kif pass żbaljat jistaʼ jwassal għal ieħor u mbagħad għal għemil ħażin serju. (Ġak. 1:14, 15) Aħseb dwar l-​uġigħ li att żleali kieku jġib fuq Ġeħova, il-​kongregazzjoni, u l-​familja tiegħek. Kuxjenza nadifa, min-​naħa l-​oħra, tiġi milli wieħed iżomm lealtà għal prinċipji divini. (Aqra Salm 119:37; Proverbji 22:3.) Kull meta tiffaċċja provi bħal dawn, kun determinat li titlob għas-​saħħa biex tirreżistihom.

10 Hemm ħaġ’oħra x’tiftakar dwar it-​tentazzjonijiet tax-​Xitan. Satana avviċina lil Ġesù wara li Hu kien ilu sajjem għal 40 ġurnata fix-​xagħri. Mingħajr dubju, għax-​Xitan dan kien “ħin konvenjenti” b’mod partikulari biex jittestja l-​integrità taʼ Ġesù. (Lq. 4:13) Satana jfittex ħinijiet konvenjenti biex jittestja l-​integrità tagħna wkoll. Għalhekk, huwa vitali li nżommu ruħna b’saħħitna spiritwalment. Spiss, Satana jattakka meta jirrealizza li l-​priża tiegħu tkun fl-​iktar punt dgħajjef tagħha. Għalhekk, kull meta nħossuna għajjenin jew skuraġġiti, għandna nkunu determinati iktar minn qatt qabel biex nitolbu bil-​qalb lil Ġeħova għall-​għajnuna protettiva tiegħu u għall-​ispirtu qaddis.—2 Kor. 12:8-​10.

Mogħtijin il-​Qawwa Biex Inkampaw mal-​Għeja u l-​Iskuraġġiment

11, 12. (a) Ħafna għala jħossuhom skuraġġiti llum? (b) X’jistaʼ jagħtina l-​qawwa biex nirreżistu l-​iskuraġġiment?

11 Minn żmien għal żmien, inħossuna skuraġġiti bħala bnedmin imperfetti. Dan jistaʼ jkun partikolarment minnu llum peress li ż-​żmien li qed ngħixu fih huwa speċjalment mimli stress. Qed ngħaddu minn dawk li probabbli huma l-​iktar żminijiet diffiċli li l-​umanità inġenerali qatt esperjenzat s’issa. (2 Tim. 3:1-​5) Hekk kif toqrob Armageddon, pressjonijiet ekonomiċi, emozzjonali, u oħrajn qed joktru. M’għandhiex tkun sorpriża mela, li xi wħud isibuha dejjem iżjed diffiċli biex iwettqu r-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-​familji tagħhom u jipprovdu għalihom. Iħossuhom għajjenin, imtaqqlin, bla saħħa, u saħansitra eżawriti. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, kif tistaʼ tkampa mal-​pressjoni?

12 Ftakar, Ġesù assigura lid-​dixxipli tiegħu li kellu jagħtihom ajjutant—l-​ispirtu qaddis t’Alla. (Aqra Ġwanni 14:16, 17.) Dan hu l-​iktar forza qawwija fl-​univers. Permezz tiegħu, Ġeħova jistaʼ jipprovdilna “bil-​wisq iżjed” is-​saħħa li għandna bżonn biex nissaportu kwalunkwe prova. (Efes. 3:20) L-​appostlu Pawlu qal li billi nistrieħu fuq dan l-​ispirtu, aħna nirċievu “qawwa iktar min-​normal,” għalkemm aħna “magħfusin b’kull mod.” (2 Kor. 4:7, 8) Ġeħova ma jwegħedniex li jwarrbilna l-​istress, iżda jaċċertana li permezz tal-​ispirtu tiegħu se jagħtina s-​saħħa biex inkampaw maʼ dan l-​istress.—Flp. 4:13.

13. (a) Waħda żagħżugħa kif ġiet mogħtija l-​qawwa biex tkampa maʼ sitwazzjoni diffiċli? (b) Taf b’xi eżempji bħal dan?

13 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Stephanie, pijuniera regulari taʼ 19-​il sena. Meta kellha 12-​il sena tatha puplesija u sabu li kellha tumur f’rasha. Minn dak iż-​żmien ’l hawn ġiet operata darbtejn, għamlulha r-​raġġi, u għaddiet minn żewġ puplesiji oħrajn li ħallewha b’moviment limitat fuq in-​naħa tax-​xellug tagħha u b’vista batuta. Stephanie jkollha tibżaʼ għal saħħitha biex tieħu ħsieb l-​affarijiet li hi tqishom bħala iktar importanti, bħal-​laqgħat Kristjani u s-​servizz tal-​għalqa. Madankollu, hi tħoss l-​idejn li jsaħħu taʼ Ġeħova fuqha u li jgħinuha tkampa b’ħafna modi. Il-​pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja li fihom esperjenzi taʼ Kristjani sħabna inkuraġġewha meta kienet imnikkta. L-​aħwa appoġġawha billi bagħtulha ittri jew billi inkuraġġewha bi kliemhom qabel u wara l-​laqgħat. Nies interessati qed juru l-​apprezzament ukoll għal dak li Stephanie qed tgħallimhom billi jmorru d-​dar tagħha biex jieħdu t-​tagħlim mill-​Bibbja. Għal dan kollu, Stephanie tħossha grata ferm lejn Ġeħova. L-​iskrittura favorita tagħha hija Salm 41:3, li hi temmen li twettqet fil-​każ tagħha.

14. X’għandna nevitaw meta nħossuna skuraġġiti, u għala?

14 Meta nkunu għajjenin jew taħt pressjoni m’għandna qatt nirraġunaw li l-​mod kif nittrattaw mal-​istress huwa billi nnaqqsu mill-​attivitajiet spiritwali. Din tkun l-​agħar ħaġa li qatt nistgħu nagħmlu. Għala? Għax attivitajiet bħall-​istudju persunali u tal-​familja, is-​servizz tal-​għalqa, u l-​attendenza għal-​laqgħat huma l-​mezz li permezz tiegħu nirċievu spirtu qaddis li jagħtina l-​enerġija spiritwali. Attivitajiet Kristjani dejjem huma rifreskanti. (Aqra Mattew 11:28, 29.) Spiss jiġri li l-​aħwa jħossuhom għajjenin meta jiġu għal-​laqgħat, iżda meta jasal il-​ħin li jitilqu d-​dar, donnu jidher li l-​enerġija tagħhom ġiet imġedda u li l-​batteriji spiritwali tagħhom ġew ċarġjati.

15. (a) Iwegħedna Ġeħova li m’hemmx bżonn nagħmlu sforz fil-​ħajja Kristjana tagħna? Spjega b’mod Skritturali. (b) Xi jwegħedna Ġeħova, u dan iwassalna għal liema mistoqsija?

15 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li t-​tagħbija taʼ li tkun dixxiplu Kristjan hija ħafifa. Jeħtieġ sforz biex tkun Kristjan leali. (Mt. 16:24-​26; Lq. 13:24) Minkejja dan, permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġeħova jistaʼ jagħti s-​saħħa lill-​wieħed għajjien. “Dawk li jittamaw f’Ġeħova se jiksbu l-​qawwa mill-​ġdid,” kiteb il-​profeta Isaija. “Se jogħlew bil-​ġwienaħ bħall-​ajkli. Jiġru u ma jinfilġux; jimxu u ma jegħjewx.” (Is. 40:29-​31) Ladarba dan hu l-​każ, nagħmlu tajjeb nistaqsu, X’inhi l-​vera raġuni għala nħossuna għajjenin bl-​attivitajiet Kristjani tagħna?

16. X’nistgħu nagħmlu biex neliminaw xi affarijiet li jistgħu jikkaġunaw l-​għeja jew l-​iskuraġġiment?

16 Il-​Kelma taʼ Ġeħova tħeġġiġna biex ‘naċċertaw ruħna minn dak li hu iktar importanti.’ (Flp. 1:10) Billi jqabbel il-​ħajja taʼ Kristjan maʼ tellieqa twila, taħt ispirazzjoni l-​appostlu Pawlu ta l-​parir: “Ħa nneħħu aħna wkoll kull piż . . . , u ħa niġru bis-​sabar it-​tiġrija li tqiegħdet quddiemna.” (Ebr. 12:1) Il-​punt tiegħu kien li għandna nevitaw li niġru wara attivitajiet bla bżonn, piżijiet mhux meħtiġin, li jifilġuna. Jistaʼ jkun li wħud minna qegħdin sempliċement jipprovaw ideffsu żżejjed fil-​ħajja li diġà hi mimlija. Għalhekk, jekk int spiss tħossok għajjien u taħt pressjoni, tistaʼ tibbenefika milli tara kemm qed tuża enerġija għax-​xogħol sekulari, kemm spiss qed issiefer għall-​gost, u kemm sforz ħabrieki qed tagħmel biex tieħu sehem fl-​isports jew f’attivitajiet biex tirrilassa. Ir-​raġunevolezza u l-​modestja għandhom iqanqlu lil kull wieħed u waħda minna biex nirrikonoxxu l-​limitazzjonijiet tagħna u nevitaw li jkollna ħafna impenji bla bżonn.

17. Xi wħud għala jħossuhom skuraġġiti, imma Ġeħova liema assiguranza jipprovdilna f’dan ir-​rigward?

17 Jistaʼ jkun ukoll li wħud fostna jħossu xi ftit skuraġġiment għaliex it-​tmiem taʼ din is-​sistema ma ġiex malajr daqskemm stennejna. (Prov. 13:12) Madankollu, kull min iħossu hekk jistaʼ jkun inkuraġġit bil-​kliem li nsibu f’Ħabakkuk 2:3: “Il-​viżjoni qed tistenna ż-​żmien stabbilit tagħha, u tibqaʼ tilheġ lejn it-​tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum, int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard.” Għandna l-​assiguranza minn Ġeħova li t-​tmiem taʼ din is-​sistema se jiġi eżatt fil-​ħin imwaqqat t’Alla!

18. (a) Liema wegħdiet isaħħuk? (b) L-​artiklu li jmiss kif se jkun taʼ benefiċċju għalina?

18 Dażgur, il-​qaddejja leali kollha taʼ Ġeħova jixxennqu għal dak il-​jum meta ma jkunx hemm iżjed għeja u skuraġġiment, meta kull min ikun ħaj igawdi l-​“enerġija taż-​żgħożija.” (Ġob 33:25) Anki issa nistgħu nissaħħu minn ġewwa permezz tal-​azzjoni tal-​ispirtu qaddis hekk kif nipparteċipaw f’attivitajiet spiritwali li jagħtuna l-​enerġija. (2 Kor. 4:16; Efes. 3:16) Tħallix l-​għeja twaqqfek milli jkollok barkiet eterni. Kull prova—kemm jekk kaġunata b’xi tentazzjoni, bl-​għeja, jew bl-​iskuraġġiment—se tgħaddi, jekk mhux fil-​pront, mela fid-​dinja ġdida t’Alla. Fl-​artiklu li jmiss se naraw kif l-​ispirtu qaddis jagħti l-​qawwa lill-​Kristjani biex iżommu sod kontra l-​persekuzzjoni, biex jirreżistu l-​pressjoni minn taʼ madwarhom, u biex jissaportu kull tip t’għawġ ieħor.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​qari tal-​Bibbja kif jagħtina l-​qawwa?

• It-​talb u l-​meditazzjoni kif jagħtuna l-​qawwa?

• X’tistaʼ tagħmel biex telimina xi affarijiet li jistgħu jikkaġunaw l-​iskuraġġiment?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 24]

Il-​laqgħat Kristjani jistgħu jagħtuna l-​enerġija spiritwali